Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Il-Bibbja ġiet mibdula?

Il-Bibbja ġiet mibdula?

Le. Meta jiġu mqabblin il⁠-⁠manuskritti antiki flimkien, naraw li l⁠-⁠Bibbja bażikament mhix mibdula allavolja ġiet ikkupjata għal eluf taʼ snin għal darba wara l⁠-⁠oħra fuq materjal li jitmermer.

Ifisser dan li qatt ma saru żbalji waqt li ġiet ikkupjata?

Instabu eluf taʼ manuskritti tal⁠-⁠Bibbja antiki. Xi ftit minnhom fihom ċerti differenzi, u dan juri li saru xi żbalji waqt li ġiet ikkupjata. Ħafna minn dawn id⁠-⁠differenzi huma żgħar u ma jibdlux it⁠-⁠tifsir tal⁠-⁠kitba. Minkejja dan, instabu xi differenzi taʼ iktar importanza, u wħud minnhom jidhru li saru apposta ħafna snin ilu biex ibiddlu l⁠-⁠messaġġ tal⁠-⁠Bibbja. Ikkunsidra dawn iż⁠-⁠żewġ eżempji:

  1. Fl⁠-⁠1 Ġwanni 5:7, xi tradizzjonijiet tal⁠-⁠Bibbja antiki fihom dan il⁠-⁠kliem: “fis⁠-⁠smewwiet: il⁠-⁠Missier, il⁠-⁠Kelma u l⁠-⁠Ispirtu s⁠-⁠Santu: u dawn it⁠-⁠tlieta huma wieħed.” Minkejja dan, manuskritti taʼ min joqgħod fuqhom jikkonfermaw li dan il⁠-⁠kliem ma kienx fil⁠-⁠kitba oriġinali. Imma ġie miżjud wara. * Huwa għalhekk li traduzzjonijiet moderni tal⁠-⁠Bibbja taʼ min joqgħod fuqhom ma inkludewx dan il⁠-⁠kliem.

  2. L⁠-⁠isem personali t’Alla jidher eluf taʼ drabi f’manuskritti antiki tal⁠-⁠Bibbja. Madankollu, ħafna traduzzjonijiet tal⁠-⁠Bibbja neħħew dan l⁠-⁠isem u minflok poġġew titli bħal “Mulej” u “Alla.”

Kif nistgħu nkunu ċerti li m’hemmx ħafna iktar żbalji li għad iridu jinstabu?

Illum il⁠-⁠ġurnata, tant instabu manuskritti li hu eħfef minn qatt qabel biex inkunu nafu fejn saru l⁠-⁠iżbalji. * Meta jiġu mqabblin dawn il⁠-⁠manuskritti flimkien, xi nsiru nafu dwar l⁠-⁠eżattezza tal⁠-⁠Bibbja llum?

  • Meta l⁠-⁠istudjuż William H. Green ikkummenta fuq il⁠-⁠kuntest tal⁠-⁠Iskrittura Ebrajka (ġeneralment imsejħa t⁠-⁠“Testment il⁠-⁠Qadim”), hu qal: “Nistgħu ngħidu li l⁠-⁠ebda xogħol ieħor tal⁠-⁠qedem ma ġie mwassal b’tant eżattezza.”

  • Rigward l⁠-⁠Iskrittura Griega Kristjana, jew it⁠-⁠“Testment il⁠-⁠Ġdid,” l⁠-⁠istudjuż tal⁠-⁠Bibbja F. F. Bruce kiteb hekk: “Hemm ħafna iktar evidenza għall⁠-⁠kitbiet tat⁠-⁠Testment il⁠-⁠Ġdid milli hemm għal ħafna mill⁠-⁠kitbiet t’awturi klassiċi tal⁠-⁠antik, però ħadd qatt ma jiddubita l⁠-⁠eżattezza taʼ dawn il⁠-⁠kitbiet klassiċi.”

  • Is⁠-⁠Sur Frederic Kenyon, espert magħruf tal⁠-⁠manuskritti tal⁠-⁠Bibbja, qal li wieħed “jistaʼ jaqbad il⁠-⁠Bibbja sħiħa f’idu u jgħid bla tlaqliq li qed iżomm il⁠-⁠Kelma vera t’Alla, li għaddiet minn ġenerazzjoni għal oħra għal sekli sħaħ mingħajr ma tilfet l⁠-⁠informazzjoni importanti li fiha.”

X’raġunijiet oħra hemm biex inkunu ċerti li l⁠-⁠Bibbja waslet għandna b’eżattezza?

  • Il⁠-⁠Lhud u l⁠-⁠Kristjani li kkupjaw il⁠-⁠Bibbja ma bidlu xejn mir⁠-⁠rakkonti li jikxfu żbalji serji li saru min⁠-⁠nies t’Alla. * (Numri 20:12; 2 Samwel 11:2⁠-⁠4; Galatin 2:11⁠-⁠14) Bl⁠-⁠istess mod, ma neħħewx versi li jikkundannaw id⁠-⁠diżubbidjenza tal⁠-⁠poplu Lhudi u li jikxfu twemmin li ġie vvintat min⁠-⁠nies. (Ħosea 4:2; Malakija 2:8, 9; Mattew 23:8, 9; 1 Ġwanni 5:21) Billi kkupjaw dawn ir⁠-⁠rakkonti b’eżattezza, huma wrew li għandhom rispett kbir lejn il⁠-⁠Kelma sagra t’Alla u li huma taʼ min jafdahom.

  • Allura, ladarba Alla hu l⁠-⁠wieħed li nebbaħ il⁠-⁠Bibbja, ma taħsibx li hu raġonevoli li se jżomm l⁠-⁠eżattezza tagħha wkoll? * (Isaija 40:8; 1 Pietru 1:24, 25) Wara kollox, hu ried li din tkun taʼ benefiċċju mhux biss għan⁠-⁠nies taʼ żmien twil ilu, imma anki għalina llum. (1 Korintin 10:11) Fil⁠-⁠fatt, “kulma nkiteb minn qabel inkiteb għall⁠-⁠istruzzjoni tagħna, biex permezz tas⁠-⁠sabar tagħna u permezz tal⁠-⁠faraġ mill⁠-⁠Iskrittura jkollna t⁠-⁠tama.”—⁠Rumani 15:4.

  • Meta Ġesù u s⁠-⁠segwaċi tiegħu kkwotaw minn kopji tal⁠-⁠Iskrittura Ebrajka, ma qagħdux jinkwetaw dwar l⁠-⁠eżattezza taʼ dawn il⁠-⁠manuskritti antiki.—⁠Luqa 4:16⁠-⁠21; Atti 17:1⁠-⁠3.

^ par. 5 Dan il⁠-⁠kliem ma jinstabx fil⁠-⁠Manuskritt Sinajtiku, il⁠-⁠Manuskritt Alessandrin, il⁠-⁠Manuskritt tal⁠-⁠Vatikan 1209, il⁠-⁠Vulgata Latina oriġinali, il⁠-⁠Verżjoni Sirjaka taʼ Philoxenian⁠-⁠Harclean, jew il⁠-⁠Pexitta Sirjaka.

^ par. 8 Pereżempju, instabu iktar minn 5,000 manuskritt Grieg taʼ dak li hu magħruf bħala t⁠-⁠Testment il⁠-⁠Ġdid, jew l⁠-⁠Iskrittura Griega Kristjana.

^ par. 13 Il⁠-⁠Bibbja ma tgħattix l⁠-⁠iżbalji tan⁠-⁠nies li Alla għażel li juża, imma turi li anki dawn ġieli żbaljaw. Il⁠-⁠Bibbja b’mod realistiku tgħid: “M’hemm ebda bniedem li ma jidnibx.”—⁠1 Slaten 8:46.

^ par. 14 Il⁠-⁠Bibbja tgħid li għalkemm Alla ma qalx kelma b’kelma dak kollu li hemm miktub fil⁠-⁠Bibbja, hu ggwida l⁠-⁠ħsibijiet tan⁠-⁠nies li kitbuha.—⁠2 Timotju 3:16, 17; 2 Pietru 1:21.