Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Ir-reliġjonijiet huma kollha l-istess? Kollha jwasslu għand Alla?

Ir-reliġjonijiet huma kollha l-istess? Kollha jwasslu għand Alla?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

Le, ir-​reliġjonijiet mhumiex kollha l-​istess. Il-​Bibbja fiha ħafna eżempji taʼ reliġjonijiet li ma jogħġbux lil Alla. Dawn jaqgħu f’żewġ kategoriji.

L-​1 kategorija: Il-​qima t’allat foloz

Il-​Bibbja tiddeskrivi l-​qima t’allat foloz bħala “frugħa,” u “t’ebda ġid.” (Ġeremija 10:3-​5; 16:19, 20) Alla Ġeħova * kkmanda lill-​ġens taʼ Iżrael tal-​qedem: “Ma jkollokx allat oħrajn għajri.” (Eżodu 20:3, 23; 23:24) Meta l-​Iżraelin qiemu allat oħrajn, ‘ir-​rabja taʼ Ġeħova xegħlet kontrihom.’—Numri 25:3; Levitiku 20:2; Imħallfin 2:13, 14.

Alla għad għandu l-​istess ħarsa lejn il-​qima tal-​hekk “imsejħin ‘allat.’ ” (1 Korintin 8:5, 6; Galatin 4:8) Hu jikkmanda lil dawk li jridu jqimuh biex ma jibqgħux jagħmluha maʼ dawk li jipprattikaw ir-​reliġjon falza. Hu jgħid: “Oħorġu minn ġo nofshom, u nfirdu minn magħhom.” (2 Korintin 6:14-​17) Jekk ir-​reliġjonijiet huma kollha l-​istess u jwasslu lin-​nies għand Alla, allura Alla għala jagħti dan il-​kmand?

It-​2 kategorija: Il-​qima tal-​Alla l-​veru b’mod li hu ma japprovax

Kultant, l-​Iżraelin qiemu l-​Alla billi użaw twemmin u prattiki li kienu ħadu mill-​qima tal-​allat foloz, imma Ġeħova m’aċċettax l-​attentat li sar biex iħalltu r-​reliġjon vera maʼ dik falza. (Eżodu 32:8; Dewteronomju 12:2-​4) Ġesù kkundanna l-​mexxejja reliġjużi taʼ żmienu minħabba l-​mod kif kienu jqimu lil Alla; huma kienu jagħtu l-​impressjoni li kienu reliġjużi, imma b’ipokrisija ‘injoraw l-​affarijiet li kienu iktar importanti fil-​Liġi, jiġifieri, il-​ġustizzja u l-​ħniena u l-​fedeltà.’—Mattew 23:23.

Bl-​istess mod illum, l-​unika reliġjon li twassal lin-​nies għand Alla hi dik li hi bbażata fuq il-​verità. Din il-​verità tinsab fil-​Bibbja. (Ġwanni 4:24; 17:17; 2 Timotju 3:16, 17) Ir-​reliġjonijiet li t-​tagħlim tagħhom mhuwiex fi qbil mal-​Bibbja fir-​realtà jbiegħdu lin-​nies minn Alla. Ħafna tagħlim li n-​nies jaħsbu li ġej mill-​Bibbja—bħat-​Trinità, ir-​ruħ immortali, u t-​turment etern—ġej mill-​qima tal-​allat foloz. Il-​qima li tippromwovi tagħlim bħal dan hi “għalxejn,” jew fiergħa, għax tbiddel dak li Alla jeħtieġ mat-​tradizzjonijiet reliġjużi.—Marku 7:7, 8.

Alla jistmerr l-​ipokrisija reliġjuża. (Titu 1:16) Biex reliġjon tgħin lin-​nies jersqu eqreb lejn Alla, din għandha teffettwa l-​ħajja tagħhom taʼ kuljum u mhux ikun fiha biss ritwali u ċerimonji. Pereżempju, il-​Bibbja tgħid: “Jekk xi bniedem jaħseb li jqim lil Alla tajjeb [jew, li hu reliġjuż] u madankollu ma jrażżanx ilsienu, imma jkompli jqarraq b’qalbu stess, il-​qima taʼ dan il-​bniedem hi fiergħa. Il-​qima [jew, ir-​reliġjon] li hi nadifa u bla tinġis mill-​ħarsa t’Alla tagħna u Missierna hi din: li tieħu ħsieb l-​iltiema u r-​romol fit-​tribulazzjoni tagħhom, u li żżomm ruħek mingħajr tebgħa mid-​dinja.” (Ġakbu 1:26, 27) Il-​Bibbja taʼ Karm Żammit tuża l-​espressjoni “reliġjon safja” għal din il-​qima nadifa u mingħajr ipokrisija.