Wara li Ġesù ġie rxoxtat, ġismu kien tal-laħam jew spirtu?
It-tweġiba tal-Bibbja
Il-Bibbja tgħid li Ġesù “ngħata l-mewt fil-laħam, imma ngħata l-ħajja [jew, ġie rxoxtat] fl-ispirtu.”—1 Pietru 3:18; Atti 13:34; 1 Korintin 15:45; 2 Korintin 5:16.
Ġesù nnifsu qal li ma kienx se jiġi rxoxtat bil-ġisem tad-demm u l-laħam tiegħu. Hu qal li kien se jagħti ‘laħmu għall-ħajja tad-dinja,’ bħala fidwa għall-umanità. (Ġwanni 6:51; Mattew 20:28) Li kieku meta ġie rxoxtat ħa lura l-ġisem li kellu, allura kien iġib fix-xejn is-sagrifiċċju bħala fidwa. Imma dan ma setax jiġri għax il-Bibbja tgħid li hu ta bħala sagrifiċċju laħmu u demmu “darba għal dejjem.”—Ebrej 9:11, 12.
Jekk Ġesù ġie mqajjem b’ġisem spirtu, id-dixxipli tiegħu kif setgħu jarawh?
Ħlejjaq spirti jistgħu jieħdu sura taʼ bniedem. Pereżempju, anġli li għamlu hekk fil-passat saħansitra kielu u xorbu mal-bnedmin. (Ġenesi 18:1-8; 19:1-3) Però, dawn xorta kienu ħlejjaq spirti u setgħu jerġgħu jmorru fis-sema.—Imħallfin 13:15-21.
Wara l-irxoxt tiegħu, Ġesù wkoll ħa sura taʼ bniedem għal ftit żmien, bħalma kienu għamlu xi anġli qabel. Imma bħala ħliqa spirtu, hu setaʼ jidher u jgħib f’daqqa. (Luqa 24:31; Ġwanni 20:19, 26) L-iġsma tal-laħam li Ġesù ħa ma kinux l-istess kull darba li deher. Infatti, anki l-ħbieb tal-qalb tiegħu għarfuh biss minn dak li qal jew għamel.—Luqa 24:30, 31, 35; Ġwanni 20:14-16; 21:6, 7.
Meta Ġesù deher lill-appostlu Tumas, hu ħa ġisem li kien fih anki marki taʼ feriti. Hu għamel dan biex isaħħaħ il-fidi taʼ Tumas, għax Tumas kien iddubita jekk Ġesù kienx ġie mqajjem jew le.—Ġwanni 20:24-29.