Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Kif tistaʼ tgħix għal dejjem?

Kif tistaʼ tgħix għal dejjem?

It⁠-⁠tweġiba tal⁠-⁠Bibbja

Il⁠-⁠Bibbja twiegħed: “Min jagħmel ir⁠-⁠rieda ta’ Alla jibqaʼ għal dejjem.” (1 Ġwanni 2:17; Il⁠-⁠Bibbja, Għaqda Biblika Maltija) Alla xi jridek tagħmel?

  • Sir af dwar Alla u Ibnu, Ġesù. F’talba tiegħu lil Alla, Ġesù qal: “Il⁠-⁠ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l⁠-⁠uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.” (Ġwanni 17:3) Xi rridu nagħmlu biex ‘nieħdu għarfien’ dwar Alla u Ġesù? Aħna nistgħu nsiru nafuhom billi nistudjaw il⁠-⁠Bibbja u ngħixu fi qbil maʼ dak li tgħid. * Il⁠-⁠Bibbja turi kif jaħseb il⁠-⁠Ħallieq tagħna, Alla Ġeħova, li hu Dak li jagħti l⁠-⁠ħajja. (Atti 17:24, 25) Il⁠-⁠Bibbja titkellem ukoll dwar Ibnu, Ġesù, li għallem “il⁠-⁠kliem tal⁠-⁠ħajja taʼ dejjem.”—⁠Ġwanni 6:67⁠-⁠69.

  • Uri fidi fis⁠-⁠sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa. Ġesù ġie fuq l⁠-⁠art “biex jaqdi u jagħti ruħu b’fidwa għal ħafna.” (Mattew 20:28) Is⁠-⁠sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa għamilha possibbli għan⁠-⁠nies biex jgħixu għal dejjem fil⁠-⁠Ġenna fuq l⁠-⁠art. * (Salm 37:29) Ġesù qal: “Għax Alla tant ħabb lid⁠-⁠dinja li ta l⁠-⁠Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l⁠-⁠fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l⁠-⁠ħajja taʼ dejjem.” (Ġwanni 3:16) Innota li ma rridux biss nemmnu f’Ġesù, imma rridu wkoll ‘neżerċitaw il⁠-⁠fidi fih,’ jiġifieri nuru l⁠-⁠fidi bl⁠-⁠azzjonijiet. Dan nagħmluh billi nagħżlu li ngħixu skont kif għallimna hu u kif iridna Missieru, Ġeħova.—⁠Mattew 7:21; Ġakbu 2:17.

  • Sir ħabib sew t’Alla. Alla jridna nsiru nafuh sew u nsiru ħbieb tiegħu. (Ġakbu 2:23; 4:8) Alla hu għal dejjem. Hu qatt mhu se jmut, u jixtieq li l⁠-⁠ħbieb tiegħu jgħixu għal dejjem ukoll. Permezz tal⁠-⁠Kelma tiegħu, il⁠-⁠Bibbja, Alla jurina x’jixtieq għal dawk li jfittxuh: “Min jagħmel ir⁠-⁠rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.”—⁠1 Ġwanni 2:17.

Ideat żbaljati dwar li ngħixu għal dejjem

Idea żbaljata: L⁠-⁠isforzi tan⁠-⁠nies se jwasslu għall⁠-⁠ħajja taʼ dejjem.

Fatt: Għalkemm ċertu avvanzi mediċi jwiegħdu li se jtawlu l⁠-⁠ħajja tan⁠-⁠nies, dawn l⁠-⁠isforzi mhux se jwasslu biex in⁠-⁠nies jgħixu għal dejjem. Alla biss jistaʼ jtina l⁠-⁠ħajja taʼ dejjem, għax hu l⁠-⁠uniku “sors tal⁠-⁠ħajja.” (Salm 36:9) Hu jwiegħed li se “jiblaʼ l⁠-⁠mewt għal dejjem” u jagħti ħajja taʼ dejjem lill⁠-⁠bnedmin leali kollha.—⁠Isaija 25:8; 1 Ġwanni 2:25.

Idea żbaljata: Nies minn ċertu razez biss se jgħixu għal dejjem.

Fatt: Alla ma jurix preferenzi. Anzi, hu “jilqaʼ lil kull min għandu l⁠-⁠biżaʼ tiegħu u jagħmel is⁠-⁠sewwa, ikun minn liema poplu jkun.” (Atti 10:34, 35; GħBM) Nies minn kull razza u kultura li jobdu lil Alla jistgħu jgħixu għal dejjem.

Idea żbaljata: Ikun monotonu li ngħixu għal dejjem.

Fatt: Il⁠-⁠ħajja taʼ dejjem joffrihielna Alla, li jħobbna u jixtieqna nkunu ferħanin. (Ġakbu 1:17; 1 Ġwanni 4:8) Hu jaf li sabiex inkunu kuntenti, irid ikollna xogħol li jtina skop. (Ekkleżjasti 3:12) Alla jwiegħed li dawk li jgħixu għal dejjem fuq l⁠-⁠art se jkollhom xogħol sodisfaċenti li se jgawdu minnu huma u anki l⁠-⁠maħbubin tagħhom.—⁠Isaija 65:22, 23.

Apparti minn hekk, dawk li jgħixu għal dejjem se jitgħallmu affarijiet ġodda dwar il⁠-⁠Ħallieq tagħhom u dwar dak kollu li ħalaq. Hu ħalaq lin⁠-⁠nies bix⁠-⁠xewqa li jgħixu għal dejjem u jitgħallmu dwaru. Però huma ‘qatt ma se jsiru jafu mill⁠-⁠bidu sat⁠-⁠tmiem l⁠-⁠għemil li għamel l⁠-⁠Alla l⁠-⁠veru.’ (Ekkleżjasti 3:10, 11) Allura, huma dejjem se jkollhom affarijiet interessanti x’jitgħallmu u jagħmlu.

^ par. 4 Ix⁠-⁠Xhieda taʼ Ġeħova joffru li jistudjaw il⁠-⁠Bibbja miegħek b’xejn. Għal iktar informazzjoni, ara l⁠-⁠vidjow X’jiġri matul studju tal⁠-⁠Bibbja?