Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

X’inhi l-għadira tan-nar? Hija l-istess bħall-infern jew Geħenna?

X’inhi l-għadira tan-nar? Hija l-istess bħall-infern jew Geħenna?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

L-​għadira tan-​nar hi simbolu taʼ qerda eterna. Hija l-​istess bħal Geħenna, imma hija differenti mill-​infern, li hu l-​qabar komuni tal-​umanità.

Mhijiex għadira letterali

Il-​ħames versi tal-​Bibbja li jsemmu “l-​għadira tan-​nar” juru li hi għadira simbolika u mhux waħda letterali. (Rivelazzjoni 19:20; 20:10, 14, 15; 21:8) Dawn li ġejjin se jiġu mitfugħin fl-​għadira tan-​nar:

Simbolu taʼ qerda eterna

Il-​Bibbja tgħid li l-​għadira tan-​nar “tfisser it-​tieni mewt.” (Rivelazzjoni 20:14; 21:8) L-​ewwel tip taʼ mewt li tissemma fil-​Bibbja ġiet minħabba d-​dnub t’Adam. Din il-​mewt tistaʼ ma tkunx xi ħaġa eterna għax se jkun hemm irxoxt u eventwalment din se tiġi eliminata minn Alla.—1 Korintin 15:21, 22, 26.

M’hemm l-​ebda ħelsien mill-​għadira tan-​nar simbolika

L-​għadira tan-​nar tirrappreżenta tip taʼ mewt differenti jew it-​tieni mewt. Għalkemm anki din tirrappreżenta stat taʼ inattività totali, hija differenti mill-​mewt l-​oħra għax il-​Bibbja ma ssemmi xejn dwar li se jkun hemm irxoxt minnha. Pereżempju, il-​Bibbja tgħid li Ġesù għandu “l-​imfietaħ tal-​infern u tal-​mewt,” u dan juri li għandu l-​awtorità li jeħles lin-​nies mill-​mewt li ġiet bid-​dnub t’Adam. (Rivelazzjoni 1:​18; 20:13, King James Version) Madankollu, la Ġesù u lanqas ħadd m’għandu muftieħ tal-​għadira tan-​nar. Din l-​għadira simbolika tirrappreżenta kastig etern, jiġifieri qerda permanenti.—2 Tessalonikin 1:9.

L-​istess bħal Geħenna, il-​Wied taʼ Ħinnom

Geħenna (geenna bil-​Grieg) tissemma 12-​il darba fil-​Bibbja. Bħall-​għadira tan-​nar, hija simbolu taʼ qerda eterna. Għalkemm xi traduzzjonijiet jittraduċu din il-​kelma bħala “infern,” Geħenna hi differenti mill-​infern (xeol bl-​Ebrajk, ħajdes bil-​Grieg).

Il-​Wied taʼ Ħinnom

Il-​kelma “Geħenna” letteralment tfisser “Wied ta’ Ħinnom,” u kienet tirreferi għal wied li kien eżatt barra Ġerusalemm. Fiż-​żminijiet Bibliċi, ir-​residenti tal-​belt kienu jużaw dan il-​wied bħala miżbla. Kienu jżommu n-​nar il-​ħin kollu jaqbad biex jeqirdu l-​iskart; id-​dud kien jiekol kwalunkwe ħaġa li ma kinitx tintlaħaq min-​nar.

Ġesù uża Geħenna bħala simbolu taʼ qerda għal dejjem. (Mattew 23:33) Hu qal li f’Geħenna “d-​dud . . . ma jmutx u n-​nar ma jintefiex.” (Marku 9:47, 48) Hu b’hekk irrefera għall-​kundizzjonijiet li kien hemm fil-​Wied taʼ Ħinnom u wkoll għall-​profezija taʼ Isaija 66:24, li tgħid: “Joħorġu u jħarsu lejn l-​iġsma mejtin tan-​nies li kienu qed jiksru l-​liġi kontrija; għax id-​dud taʼ fuqhom ma jmutx u n-​nar tagħhom ma jintefiex.” It-​tixbiha taʼ Ġesù ma tiddeskrivix tortura imma qerda totali. Id-​dud u n-​nar iġibu fix-​xejn lil iġsma mejtin u mhux lil nies ħajjin.

Il-​Bibbja ma tindikax li se jkun hemm xi ħadd jew xi ħaġa li tiġi lura minn Geħenna. “L-​għadira tan-​nar” u “Geħenna tan-​nar” it-​tnejn jirrappreżentaw qerda permanenti, għal dejjem.—Rivelazzjoni 20:14, 15; 21:8; Mattew 18:9.

Kif “jiġu turmentati lejl u nhar għal dejjem taʼ dejjem”?

Jekk l-​għadira tan-​nar hi simbolu taʼ qerda, il-​Bibbja għala tgħid li fiha x-​Xitan, il-​bhima salvaġġa, u l-​profeta falz se “jiġu turmentati lejl u nhar għal dejjem taʼ dejjem”? (Rivelazzjoni 20:10) Ikkunsidra erbaʼ raġunijiet għala dan it-​turment ma jirreferix għal tortura letterali:

  1. Biex ix-​Xitan jiġi turmentat għall-​eternità, ikollu jitħalla jgħix għal dejjem. Però, il-​Bibbja tgħid li hu se jinġieb fix-​xejn, jew mhux se jitħalla jibqaʼ jeżisti.—Ebrej 2:14.

  2. Il-​ħajja taʼ dejjem hi għotja mingħand Alla, u mhux kastig.—Rumani 6:23.

  3. Il-​bhima salvaġġa u l-​profeta falz huma simboli, u allura ma jistgħux jesperjenzaw tortura letterali.

  4. Il-​kuntest tal-​Bibbja jindika li t-​turment tax-​Xitan hu trażżin jew qerda għal dejjem.

Fil-​Bibbja, il-​kelma “turment” tistaʼ tfisser ukoll “kundizzjoni taʼ trażżin.” Pereżempju, il-​kelma Griega għal “turmentaturi” li ntużat f’​Mattew 18:34, ħafna traduzzjonijiet ittraduċewha “kalzriera.” Dan juri li hemm konnessjoni bejn il-​kliem “turment” u “trażżin.” Bl-​istess mod, ir-​rakkonti relatati taʼ Mattew 8:​29 u Luqa 8:​30, 31 iqabblu t-​“turment” mal-​“abbiss,” post figurattiv taʼ inattività totali jew mewt. (Luqa 8:30, 31; Rumani 10:7; Rivelazzjoni 20:1, 3) Infatti, il-​ktieb tar-​Rivelazzjoni juża l-​kelma “turment” f’sens simboliku diversi drabi.—Rivelazzjoni 9:5; 11:10; 18:7, 10.