Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Ġesù għala miet?

Ġesù għala miet?

It⁠-⁠tweġiba tal⁠-⁠Bibbja

Ġesù miet ħalli jkun possibbli li jinħafru d⁠-⁠dnubiet tal⁠-⁠bnedmin u jirċievu l⁠-⁠ħajja taʼ dejjem. (Rumani 6:23; Efesin 1:7) Il⁠-⁠mewt taʼ Ġesù tat prova wkoll li bniedem jistaʼ jibqaʼ leali lejn Alla anki meta jiffaċċja l⁠-⁠iktar provi ħorox.—⁠Ebrej 4:15.

Ikkunsidra kif il⁠-⁠mewt taʼ bniedem wieħed tistaʼ twettaq tant affarijiet.

  1. Ġesù miet għall⁠-⁠“maħfra taʼ dnubietna.”—⁠Kolossin 1:14.

    Adam, l⁠-⁠ewwel bniedem, kien maħluq perfett, jiġifieri bla dnub. Però, hu għażel li ma jobdix ’l Alla. Id⁠-⁠diżubbidjenza, jew id⁠-⁠dnub, t’Adam effettwat bil⁠-⁠kbir lil dawk kollha li twieldu warajh. Il⁠-⁠Bibbja tispjega li minħabba “d⁠-⁠diżubbidjenza taʼ bniedem wieħed ħafna saru midinbin.”—⁠Rumani 5:19.

    Ġesù kien perfett ukoll, imma qatt ma għamel dnub. Għaldaqstant, hu setaʼ jkun “offerta taʼ tpattija” għal dnubietna. (Rumani 3:25, nota taʼ taħt; 1 Ġwanni 2:2) Bħalma d⁠-⁠diżubbidjenza t’Adam ħammġet il⁠-⁠familja umana bid⁠-⁠dnub, hekk ukoll il⁠-⁠mewt taʼ Ġesù tneħħi t⁠-⁠tebgħa tad⁠-⁠dnub minn dawk kollha li juru fidi fih.

    Minħabba li Adam dineb, in⁠-⁠nies saru skjavi tad⁠-⁠dnub. Peress li Ġesù kien lest li jmut għalina, hu bħallikieku reġaʼ xtara lura l⁠-⁠bnedmin, u b’hekk ħelishom mid⁠-⁠dnub. Grazzi għal dak li għamel, “jekk xi ħadd jidneb, għandna ajjutant mal⁠-⁠Missier, lil Ġesù Kristu, li hu ġust.”—⁠1 Ġwanni 2:1.

  2. Ġesù miet “biex kulmin jeżerċita l⁠-⁠fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l⁠-⁠ħajja taʼ dejjem.”—⁠Ġwanni 3:16.

    Adam ġie maħluq biex jgħix għal dejjem, imma minħabba li dineb, ġie kkundannat għall⁠-⁠mewt. Permezz t’Adam, “id⁠-⁠dnub daħal fid⁠-⁠dinja, u permezz tad⁠-⁠dnub il⁠-⁠mewt, u b’hekk il⁠-⁠mewt infirxet fuq il⁠-⁠bnedmin kollha għax kollha dinbu.”—⁠Rumani 5:12.

    Mill⁠-⁠banda l⁠-⁠oħra, il⁠-⁠mewt taʼ Ġesù ma neħħietx biss it⁠-⁠tebgħa tad⁠-⁠dnub, imma għamlitha possibbli wkoll biex dawk kollha li juru fidi fih ikollhom il⁠-⁠ħajja taʼ dejjem. Fi ftit kliem, il⁠-⁠Bibbja tispjegaha b’dan il⁠-⁠mod: “Bħalma d⁠-⁠dnub saltan mal⁠-⁠mewt, hekk ukoll il⁠-⁠qalb tajba mhix mistħoqqa ssaltan bil⁠-⁠ġustizzja għall⁠-⁠ħajja taʼ dejjem permezz taʼ Ġesù Kristu, il⁠-⁠Mulej tagħna.”—⁠Rumani 5:21.

    Ovvjament, in⁠-⁠nies illum għadhom qed jgħixu ħajja qasira. Madankollu, Alla wiegħed li se jagħti lin⁠-⁠nies ġusti l⁠-⁠ħajja taʼ dejjem u li se jirxoxta l⁠-⁠mejtin ħalli anki huma jibbenefikaw mis⁠-⁠sagrifiċċju tal⁠-⁠mewt taʼ Ġesù.—⁠Salm 37:29; 1 Korintin 15:22.

  3. Ġesù “sar ubbidjenti sal⁠-⁠mewt,” u b’hekk wera li l⁠-⁠bniedem jistaʼ jkun leali lejn Alla minkejja kwalunkwe prova li jistaʼ jiffaċċja.—⁠Filippin 2:8.

    Minkejja li Adam kellu moħħ u ġisem perfett, hu m’obdiex ’l Alla għax kien egoist u xtaq xi ħaġa li ma kinitx tiegħu. (Ġenesi 2:16, 17; 3:6) Iktar tard, l⁠-⁠għadu prinċipali t’Alla, jiġifieri Satana, qal li ebda bniedem ma kien se jobdi lil Alla kieku mhux għal raġunijiet egoisti, speċjalment jekk hemm ħajtu fin⁠-⁠nofs. (Ġob 2:4) Madankollu, ir⁠-⁠raġel perfett Ġesù obda ’l Alla u baqaʼ leali lejh sal⁠-⁠punt li miet mewta umiljanti u taʼ wġigħ. (Ebrej 7:26) Dan solva l⁠-⁠kwistjoni għalkollox għax juri li jkun xi jkun l⁠-⁠inkwiet li bniedem ikollu jgħaddi minnu, hu jistaʼ jibqaʼ leali lejn Alla.

Mistoqsijiet dwar il⁠-⁠mewt ta’ Ġesù

  • Ġesù għala kellu jsofri u jmut biex isalva lill⁠-⁠bnedmin? Alla għala ma qabadx u neħħa l⁠-⁠mewt?

    Il⁠-⁠liġi t’Alla tgħid li “l⁠-⁠ħlas tad⁠-⁠dnub hu l⁠-⁠mewt.” (Rumani 6:23, Il⁠-⁠Bibbja, Għaqda Biblika Maltija) Minflok ma ħeba din il⁠-⁠liġi minn Adam, Alla qallu li l⁠-⁠konsegwenza tad⁠-⁠diżubbidjenza kienet se tkun il⁠-⁠mewt. (Ġenesi 3:3) Meta Adam dineb, Alla, “li ma jistax jigdeb,” żamm kelmtu. (Titu 1:2) Dawk kollha li jiġu minn Adam ma wirtux id⁠-⁠dnub biss, imma wirtu wkoll il⁠-⁠ħlas tad⁠-⁠dnub—⁠il⁠-⁠mewt.

    Għalkemm il⁠-⁠bnedmin huma midinbin u jistħoqqilhom il⁠-⁠mewt, Alla wriehom “il⁠-⁠qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu.” (Efesin 1:7) L⁠-⁠arranġament tiegħu biex il⁠-⁠bnedmin jiġu salvati—⁠billi bagħat lil Ġesù bħala sagrifiċċju perfett—⁠kien ġust, tajjeb, u mimli ħniena.

  • Ġesù meta miet?

    Ġesù miet fid⁠-⁠“disaʼ siegħa” minn tlugħ ix⁠-⁠xemx, jiġifieri madwar it⁠-⁠tlieta taʼ waranofsinhar tal⁠-⁠Qbiż tal⁠-⁠Lhud. (Marku 15:33⁠-⁠37; nota taʼ taħt) Skont il⁠-⁠kalendarji moderni, din id⁠-⁠data taqbel mal⁠-⁠Ġimgħa, l⁠-⁠1 t’April 33 wara Kristu (WK).

  • Ġesù fejn miet?

    Ġesù ġie maqtul fil⁠-⁠“post imsejjaħ Post il⁠-⁠Qorriegħa, li bl⁠-⁠Ebrajk jgħidulu Golgota.” (Ġwanni 19:17, 18) Fi żmien Ġesù, dan il⁠-⁠post kien jiġi “ ’l barra minn bieb il⁠-⁠belt” taʼ Ġerusalemm. (Ebrej 13:12) Jistaʼ jkun li kien fuq xi għolja, ladarba l⁠-⁠Bibbja tgħid li xi wħud raw il⁠-⁠qtil taʼ Ġesù “mill⁠-⁠bogħod.” (Marku 15:40) Però, illum ma nafux bl⁠-⁠eżatt fejn kien jinsab il⁠-⁠post taʼ Golgota.

  • Ġesù kif miet?

    Għalkemm ħafna jemmnu li Ġesù ġie msallab—⁠maqtul fuq salib—⁠il⁠-⁠Bibbja tgħid: “Alla taʼ missirijietna qajjem lil Ġesù li intom qtiltuh billi dendiltuh ma’ għuda.” (Atti 5:30, Il⁠-⁠Bibbja, Għaqda Biblika Maltija) Il⁠-⁠kittieba tal⁠-⁠Bibbja użaw żewġ kelmiet bil⁠-⁠Grieg biex jirreferu għal fuq xiex miet Ġesù—⁠stawros u ksilon. Ħafna studjużi kkonkludew li dan il⁠-⁠kliem jirreferi għal travu jew zokk wieħed wieqaf magħmul mill⁠-⁠injam.

  • Il⁠-⁠mewt taʼ Ġesù kif għandha tiġi mfakkra?

    Matul il⁠-⁠lejl tal⁠-⁠Qbiż tal⁠-⁠Lhud li jsir kull sena, Ġesù beda proċedura sempliċi mas⁠-⁠segwaċi tiegħu u kmandahom: “Ibqgħu agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” (1 Korintin 11:24) Ġesù ġie maqtul ftit sigħat wara.

    Il⁠-⁠kittieba tal⁠-⁠Bibbja qabblu lil Ġesù mal⁠-⁠ħaruf issagrifikat fil⁠-⁠Qbiż. (1 Korintin 5:7) Bħalma ċ⁠-⁠ċelebrazzjoni tal⁠-⁠Qbiż kienet tfakkar lill⁠-⁠Iżraelin li huma kienu ġew meħlusin milli jkunu skjavi, anki t⁠-⁠Tifkira tal⁠-⁠mewt taʼ Ġesù tfakkar lill⁠-⁠Kristjani li ġew meħlusin mid⁠-⁠dnub u l⁠-⁠mewt. Il⁠-⁠Qbiż kienet festa li ssir kull sena fl⁠-⁠14 taʼ Nisan skont il⁠-⁠kalendarju qamri. Bl⁠-⁠istess mod, il⁠-⁠Kristjani tal⁠-⁠bidu bdew jagħmlu t⁠-⁠Tifkira darba fis⁠-⁠sena.

    Kull sena, fid⁠-⁠data li taqbel mal⁠-⁠14 taʼ Nisan, miljuni taʼ nies madwar id⁠-⁠dinja jfakkru l⁠-⁠mewt taʼ Ġesù.