Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Ġerusalemm il⁠-⁠Ġdida—⁠X’inhi?

Ġerusalemm il⁠-⁠Ġdida—⁠X’inhi?

It⁠-⁠tweġiba tal⁠-⁠Bibbja

“Ġerusalemm il⁠-⁠Ġdida” hi espressjoni li tidher darbtejn fil⁠-⁠Bibbja. Din hi belt simbolika li tirrappreżenta l⁠-⁠grupp taʼ dixxipli taʼ Ġesù li jmorru s⁠-⁠sema biex imexxu miegħu fis⁠-⁠Saltna t’Alla. (Rivelazzjoni 3:12; 21:2) Il⁠-⁠Bibbja turi li dan il⁠-⁠grupp jistaʼ jissejjaħ ukoll l⁠-⁠għarusa taʼ Kristu.

Affarijiet importanti li jgħinuna nagħrfu x’inhi Ġerusalemm il⁠-⁠Ġdida

  1. Ġerusalemm il⁠-⁠Ġdida qiegħda fis⁠-⁠sema. Meta l⁠-⁠Bibbja ssemmi Ġerusalemm il⁠-⁠Ġdida, tiddeskriviha bħala li hi nieżla mis⁠-⁠sema, fejn l⁠-⁠anġli joqogħdu għassa mal⁠-⁠bibien tal⁠-⁠belt. (Rivelazzjoni 3:12; 21:2, 10, 12) Barra minn hekk, il⁠-⁠kobor enormi tal⁠-⁠belt juri li ma tistax tkun fuq l⁠-⁠art. Din għandha forma taʼ kaxxa tridimensjonali u l⁠-⁠qies taʼ mad⁠-⁠dawra tagħha hu “tnax⁠-⁠il elf stadju.” * (Rivelazzjoni 21:16) Skont dal⁠-⁠qies, il⁠-⁠ġnub tagħha kieku jkunu għoljin kważi 560 kilometru, jiġifieri jaslu sa ġol⁠-⁠ispazju.

  2. Ġerusalemm il⁠-⁠Ġdida hi magħmula minn grupp taʼ dixxipli taʼ Ġesù, l⁠-⁠għarusa taʼ Kristu. Ġerusalemm il⁠-⁠Ġdida tissejjaħ “l⁠-⁠għarusa, il⁠-⁠mara tal⁠-⁠Ħaruf.” (Rivelazzjoni 21:9, 10) F’din id⁠-⁠deskrizzjoni simbolika, il⁠-⁠Ħaruf jirreferi għal Ġesù Kristu. (Ġwanni 1:29; Rivelazzjoni 5:12) “Il⁠-⁠mara tal⁠-⁠Ħaruf,” jew l⁠-⁠għarusa taʼ Kristu, tirrappreżenta lill⁠-⁠Kristjani li se jingħaqdu maʼ Ġesù fis⁠-⁠sema. Il⁠-⁠Bibbja tqabbel ir⁠-⁠relazzjoni bejn Ġesù u dawn il⁠-⁠Kristjani mar⁠-⁠relazzjoni bejn mara u raġel miżżewġin. (2 Korintin 11:2; Efesin 5:23⁠-⁠25) Barra minn hekk, fuq il⁠-⁠ġebel tal⁠-⁠pedament taʼ Ġerusalemm il⁠-⁠Ġdida hemm miktub “it⁠-⁠tnax⁠-⁠il isem tat⁠-⁠tnax⁠-⁠il appostlu tal⁠-⁠Ħaruf.” (Rivelazzjoni 21:14) Dan id⁠-⁠dettall ikompli jikkonferma li Ġerusalemm il⁠-⁠Ġdida tirrappreżenta l⁠-⁠grupp taʼ dixxipli taʼ Ġesù li ġew magħżulin biex jgħixu fis⁠-⁠sema, għax il⁠-⁠Bibbja tgħid li dawn il⁠-⁠Kristjani ‘nbnew fuq il⁠-⁠pedament taʼ l⁠-⁠appostli u l⁠-⁠profeti.’—⁠Efesin 2:20.

  3. Ġerusalemm il⁠-⁠Ġdida hi parti mill⁠-⁠gvern t’Alla. Ġerusalemm tal⁠-⁠qedem kienet il⁠-⁠belt kapitali taʼ Iżrael, il⁠-⁠post fejn is⁠-⁠Sultan David, ibnu Salamun, u d⁠-⁠dixxendenti tagħhom mexxew “fuq it⁠-⁠tron taʼ Ġeħova.” (1 Kronaki 29:23) B’hekk, Ġerusalemm tal⁠-⁠qedem, li kienet tissejjaħ “il⁠-⁠belt qaddisa,” irrappreżentat it⁠-⁠tmexxija t’Alla fuq l⁠-⁠art permezz tas⁠-⁠Sultan David u slaten oħra li kienu dixxendenti tiegħu. (Neħemija 11:1) Ġerusalemm il⁠-⁠Ġdida, li wkoll tissejjaħ “il⁠-⁠belt qaddisa,” hi magħmula minn dawk li jingħaqdu maʼ Ġesù fil⁠-⁠gvern t’Alla fis⁠-⁠sema biex “isaltnu għal fuq l⁠-⁠art.”—⁠Rivelazzjoni 5:9, 10; 21:2.

  4. Ġerusalemm il⁠-⁠Ġdida ġġib barkiet għan⁠-⁠nies fuq l⁠-⁠art. Ġerusalemm il⁠-⁠Ġdida hi deskritta bħala li hi “nieżla mis⁠-⁠sema mingħand Alla,” u b’hekk turi li Alla jużaha biex jeffettwa affarijiet ’l isfel mis⁠-⁠sema. (Rivelazzjoni 21:2) Din l⁠-⁠espressjoni turi li Ġerusalemm il⁠-⁠Ġdida għandha x’taqsam mas⁠-⁠Saltna t’Alla, għax Alla juża din is⁠-⁠saltna biex iwettaq dak li jrid hu “kif fis⁠-⁠sema, ukoll fuq l⁠-⁠art.” (Mattew 6:10) L⁠-⁠iskop t’Alla għan⁠-⁠nies fuq l⁠-⁠art jinkludi dawn il⁠-⁠barkiet:

    • Jitneħħa d⁠-⁠dnub. Minn Ġerusalemm il⁠-⁠Ġdida toħroġ “xmara taʼ ilma tal⁠-⁠ħajja” li tagħti l⁠-⁠ilma lis⁠-⁠“siġar tal⁠-⁠ħajja” li huma “għall⁠-⁠fejqan tal⁠-⁠ġnus.” (Rivelazzjoni 22:1, 2) Dan il⁠-⁠fejqan fiżiku u spiritwali se jneħħi d⁠-⁠dnub u jagħmilha possibbli għan⁠-⁠nies biex ikollhom ħajja perfetta, bħalma kien l⁠-⁠iskop t’Alla fil⁠-⁠bidu.—⁠Rumani 8:21.

    • Ikun hemm relazzjonijiet tajbin bejn Alla u n⁠-⁠nies. Id⁠-⁠dnub biegħed lin⁠-⁠nies minn Alla. (Isaija 59:2) Meta jitneħħa d⁠-⁠dnub, se tkun tistaʼ titwettaq għalkollox din il⁠-⁠profezija: “It⁠-⁠tinda t’Alla hi mal⁠-⁠bnedmin, u hu jgħammar magħhom, u huma jkunu l⁠-⁠popli tiegħu. U Alla stess ikun magħhom.”—⁠Rivelazzjoni 21:3.

    • It⁠-⁠tbatija u l⁠-⁠mewt jitneħħew. Permezz tas⁠-⁠Saltna tiegħu, Alla se “jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ.”—⁠Rivelazzjoni 21:4.

^ par. 5 Stadju kien qies li r⁠-⁠Rumani kienu jużawh biex ikejlu t⁠-⁠tul taʼ xi ħaġa. It⁠-⁠tul taʼ stadju kien 185 metru..