Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Għandna Nqimu lix-Xbihat?

Għandna Nqimu lix-Xbihat?

It-tweġiba tal-Bibbja

Le, m’għandniex. Meta tiddeskrivi l-liġijiet li Alla ta lill-ġens taʼ Iżrael, in-New Catholic Encyclopedia tgħid: “Minn diversi rakkonti Bibliċi huwa evidenti li l-qima vera t’Alla kienet ħielsa mix-xbihat.” Ikkunsidra dawn il-versi tal-Bibbja:

  • “Tagħmilx għalik xi xbieha skolpita jew forma bħal xi ħaġa li hemm fis-smewwiet ’il fuq, jew li hemm fuq l-art taħt, jew li hemm fl-ilmijiet taħt l-art. Tmilx quddiemhom u lanqas tiġi mħajjar biex taqdihom, għaliex jien Ġeħova Alla tiegħek, jien Alla li nesiġi devozzjoni esklużiva.” (Eżodu 20:4, 5) Ladarba Alla jirrikjedi “devozzjoni esklużiva,” ma jiħux pjaċir jekk infaħħru jew inqimu lil xbihat, stampi, idoli, ikoni, statwi, jew simboli.

  • “Ma nċedi lil ħadd il-glorja tiegħi; lanqas lill-idoli t-tifħir tiegħi.” (Isaija 42:8, Il-Bibbja tal-Għaqda Biblika Maltija) Alla ma jaċċettax qima li tingħatalu permezz tax-xbihat. Meta xi Iżraelin ipprovaw iqimu lil Alla billi użaw statwa taʼ għoġol, Alla qal li kienu għamlu dnub mill-agħar.—Eżodu 32:7-9.

  • “M’għandniex nimmaġinaw li d-Divin hu bħad-deheb jew il-fidda jew il-ġebel, bħal xi ħaġa skolpita bl-arti u bl-invenzjoni tal-bniedem.” (Atti 17:29) B’kuntrast mal-qima pagana, li spiss tuża x-xbihat ‘skolpiti bl-arti u bl-invenzjoni tal-bniedem,’ il-Bibbja tgħid li l-Kristjani għandhom ‘jimxu bil-fidi, mhux b’dak li jaraw għajnejhom.’—2 Korintin 5:7.

  • “Ħarsu ruħkom mill-idoli.” (1 Ġwanni 5:21) Fil-kmandi li Alla ta kemm lill-ġens taʼ Iżrael u kemm lill-Kristjani, il-Bibbja b’mod konsistenti tikxef li t-tagħlim li Alla japprova l-użu tax-xbihat u l-ikoni fil-qima huwa ħrafa.