Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Għandi Nitlob lill-Qaddisin?

Għandi Nitlob lill-Qaddisin?

It-tweġiba tal-Bibbja

Le. Il-Bibbja turi li għandna nitolbu biss lil Alla, f’isem Ġesù. Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Mela itolbu hekk: ‘Missierna, li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek.” (Mattew 6:9, Il-Bibbja tal-Għaqda Biblika Maltija, It-Tieni Edizzjoni) Qatt ma għallem lid-dixxipli tiegħu biex jitolbu lill-qaddisin, lill-anġli, jew lil xi ħadd ieħor ħlief lil Alla.

Lis-segwaċi tiegħu, Ġesù qalilhom ukoll: “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.” (Ġwanni 14:6, GħBM) Ġesù biss għandu l-awtorità minn Alla biex ikun Medjatur għan-nom tagħna.—Lhud 7:25.

Xi ngħidu jekk nitlob lil Alla u anki lill-qaddisin?

Bħala parti mill-Għaxar Kmandamenti, Alla qal: “Jiena hu l-Mulej Alla tiegħek, Alla għajjur.” (Eżodu 20:5, GħBM) B’liema mod Alla hu “għajjur”? In-nota taʼ taħt fil-Bibbja tal-Għaqda Biblika Maltija tgħid “ma jippermettix imħabba oħra mill-bnedmin għal allat oħra.” Alla jesiġi li l-atti taʼ devozzjoni jew qima—inkluż it-talb—ikunu diretti esklużivament lejh.—Isaija 48:11.

Aħna noffendu lil Alla jekk nitolbu lil xi ħadd ieħor, saħansitra lill-qaddisin jew lill-anġli qaddisa. Meta l-appostlu Ġwanni pprova jqim anġlu, l-anġlu waqqfu billi qallu: “Hekk le! Jiena qaddej bħalek u bħal ħutek li għandhom ix-xhieda taʼ Ġesù. Il-qima lil Alla tagħtiha.”—Apokalissi 19:10, GħBM.