It-​tweġiba tal-​Bibbja

Il-​Bibbja ma titkellimx speċifikament fuq l-​ewtanasja. * Madankollu, dak li tgħid dwar il-​ħajja u l-​mewt jagħtina ħarsa bilanċjata. Li wieħed jikkaġuna l-​mewt taʼ xi ħadd mhuwiex aċċettabbli. Imma wieħed m’għandux għalfejn jipprova jagħmel minn kollox biex itawwal ħajtu waqt li jkun qed imut.

Il-​Bibbja tidentifika lil Alla bħala l-​wieħed li ħalaqna, “is-​sors tal-​ħajja.” (Salm 36:9; Atti 17:28) Il-​ħajja hi prezzjuża ħafna f’għajnejn Alla. Għalhekk, Alla jikkundanna kemm li wieħed joqtol lil xi ħadd u kemm li wieħed ineħħi ħajtu b’idejh. (Eżodu 20:13; 1 Ġwanni 3:15) Barra minn hekk, il-​Bibbja turi li rridu nieħdu passi raġunevoli biex nipproteġu l-​ħajja tagħna u dik t’oħrajn. (Dewteronomju 22:8) Biċ-​ċar, Alla jrid li nqisu l-​ħajja taʼ valur.

Xi ngħidu jekk persuna jkollha marda terminali, jiġifieri marda li ġġib il-​mewt?

Il-​Bibbja ma taqbilx maʼ li titneħħa l-​ħajja taʼ xi ħadd, anki jekk il-​persuna tkun waslet biex tiffaċċja mewta li ma tistax tiġi evitata. L-​eżempju tas-​Sultan Sawl t’Iżrael jappoġġah dan. Meta hu weġġaʼ b’mod gravi fi gwerra, talab lill-​assistent tiegħu biex jgħinu jneħħi ħajtu. (1 Samwel 31:3, 4) L-​assistent taʼ Sawl m’aċċettax. Madankollu, iktar tard, raġel ieħor b’mod falz qal li għamel dak li talab Sawl. David, raġel li kellu l-​ħarsa t’Alla fuq dil-​kwistjoni, ikkundanna lil dan ir-​raġel bħala ħati taʼ qtil.—2 Samwel 1:6-​16.

Il-​ħajja għandha tiġi mtawla akkost taʼ kollox?

Meta wieħed ikun wasal biex imut, il-​Bibbja ma tgħidx li għandu għalfejn itawwal il-​proċess tal-​mewt. Anzi, il-​Bibbja tagħtina ħarsa bilanċjata. Il-​mewt hi l-​għadu l-​kbir tagħna, din tiġi fuqna minħabba li aħna midinbin. (Rumani 5:12; 1 Korintin 15:26) Għalkemm il-​mewt mhix xi ħaġa li nħarsu ’l quddiem għaliha, m’għandniex għalfejn nibżgħu minnha, għax Alla jwiegħed li se jirxoxta lil dawk li jmutu. (Ġwanni 6:39, 40) Persuna li tapprezza l-​ħajja se tfittex l-​aħjar għajnuna medika. Imma waqt li tagħmel dan, m’għandhiex għalfejn tagħżel xi trattamenti mediċi sempliċiment biex ittawwal il-​proċess taʼ mewt li jkun wasal lejn tmiemu.

Huwa s-​suwiċidju dnub li ma jinħafirx?

Le, il-​Bibbja ma ssemmix is-​suwiċidju bħala dnub li ma jinħafirx. Għalkemm li wieħed ineħħi ħajtu b’idejh hu dnub serju, * Alla jifhem għalkollox affarijiet li jistgħu jwasslu persuna biex tkun trid tagħmel suwiċidju, bħal mard mentali, stress qawwi, jew karatteristiki li wieħed jistaʼ jitwieled bihom. (Salm 103:13, 14) Permezz tal-​Bibbja, Alla jipprovdi faraġ għal dawk imnikktin. Barra minn hekk, il-​Bibbja tgħid li se jkun hemm “irxoxt kemm tan-​nies sewwa u kemm taʼ dawk li m’humiex sewwa.” (Atti 24:15) Dan juri li hemm tama taʼ rxoxt għan-​nies li għamlu żbalji serji, bħas-​suwiċidju.

^ par. 3 L-​ewtanasja tiġi spjegata bħala “qtil taʼ xi ħadd li hu marid jew imweġġaʼ ħafna biex ma jibqax ibati.” (Merriam-​Webster Learner’s Dictionary) Meta tabib jgħin pazjent biex itemm ħajtu, dan jissejjaħ suwiċidju assistit minn tabib.

^ par. 10 Il-​ftit każi taʼ suwiċidju li jissemmew fil-​Bibbja, kollha jinvolvu persuni li m’aġixxewx fi qbil maʼ dak li ried Alla.—2 Samwel 17:23; 1 Slaten 16:18; Mattew 27:3-​5.