Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Huwa dnub li tpejjep?

Huwa dnub li tpejjep?

It⁠-⁠tweġiba tal⁠-⁠Bibbja

Il⁠-⁠Bibbja ma ssemmix it⁠-⁠tipjip * jew xi użu ieħor tat⁠-⁠tabakk. Però, fiha prinċipji li juru li Alla ma jiħux pjaċir b’vizzji ħżiena li jagħmlu ħsara l⁠-⁠ġisem. Allura hu jqis it⁠-⁠tipjip bħala dnub.

  • Rispett lejn il⁠-⁠ħajja. “Alla . . . jagħti lil kulħadd il⁠-⁠ħajja u n⁠-⁠nifs.” (Atti 17:24, 25) Ladarba l⁠-⁠ħajja hi rigal mingħand Alla, m’għandna nagħmlu xejn li jqassrilna ħajjitna, inkluż li npejpu. Madwar id⁠-⁠dinja, it⁠-⁠tipjip hu wieħed mill⁠-⁠akbar kaġuni taʼ mewt li tistaʼ tiġi evitata.

  • Imħabba lejn ħaddieħor. “Ħobb lill⁠-⁠proxxmu tiegħek bħalek innifsek.” (Mattew 22:39) Mhuwiex att taʼ mħabba li tpejjep maġenb nies oħra. Dawk li b’mod regolari jibilgħu d⁠-⁠duħħan mis⁠-⁠sigaretti taʼ ħaddieħor għandhom iktar ċans li jaqbadhom ċertu mard li ġeneralment ikollu min ipejjep.

  • Il⁠-⁠bżonn li tkun qaddis. ‘Ippreżentaw ġisimkom bħala sagrifiċċju ħaj, qaddis, u aċċettabbli għal Alla.’ (Rumani 12:1) “Ħa nitnaddfu minn kull tinġis tal⁠-⁠laħam u taʼ l⁠-⁠ispirtu, u nipperfezzjonaw il⁠-⁠qdusija fil⁠-⁠biżaʼ t’Alla.” (2 Korintin 7:1) It⁠-⁠tipjip huwa kontra n⁠-⁠natura tal⁠-⁠ġisem u m’għandu xejn x’jaqsam maʼ li tkun qaddis—⁠jiġifieri, nadif u pur—⁠għax min juża t⁠-⁠tabakk, minn jeddu jagħżel li jiblaʼ tossiċi li jistgħu jkunu taʼ ħsara kbira għal saħħtu.

L⁠-⁠użu tal⁠-⁠marijuana u drogi oħra għall⁠-⁠gost—⁠Il⁠-⁠Bibbja titkellem dwarhom?

Il⁠-⁠Bibbja ma ssemmix il⁠-⁠marijuana (li tissejjaħ ukoll ħaxixa u kannabis) jew drogi simili oħra b’isimhom. Imma l⁠-⁠Bibbja fiha prinċipji li juru li hu ħażin li wieħed juża għall⁠-⁠gost sustanzi bħal dawn, li jġibuk tiddependi minnhom. Apparti l⁠-⁠prinċipji li diġà semmejna, hemm iktar prinċipji li japplikaw, bħal:

  • Il⁠-⁠bżonn li jkollok kontroll fuq moħħok. “Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek . . . b’moħħok kollu.” (Mattew 22:37, 38) “Ibqgħu f’sensikom għalkollox.” (1 Pietru 1:13) Persuna li tieħu d⁠-⁠droga ma tkunx tistaʼ tikkontrolla moħħha għalkollox, u ħafna nies saħansitra jsiru jiddependu minnha. Minflok ma jiffokaw fuq ħsibijiet pożittivi, huma jkunu moħħhom fuq min fejn se jġibu d⁠-⁠droga biex jiħduha.—⁠Filippin 4:8.

  • Ubbidjenza lejn il⁠-⁠liġi tal⁠-⁠gvern. ‘Kunu ubbidjenti lejn il⁠-⁠gvernijiet u l⁠-⁠awtoritajiet.’ (Titu 3:1) F’ħafna pajjiżi, hemm liġijiet stretti li jikkontrollaw l⁠-⁠użu taʼ ċerti drogi. Jekk irridu nogħġbu lil Alla, għandna nobdu l⁠-⁠awtoritajiet tal⁠-⁠gvern.—⁠Rumani 13:1.

^ par. 3 Hawnhekk, il⁠-⁠kelma “tipjip” tirreferi għal li wieħed ipejjep it⁠-⁠tabakk permezz taʼ sigarett, sigarru, pipa, jew xixa (water pipes). Minkejja dan, il⁠-⁠prinċipji li se niddiskutu japplikaw ukoll għal li wieħed jomgħod it⁠-⁠tabakk, jisniffjah, juża sigaretti elettroniċi li fihom in⁠-⁠nikotina, u prodotti simili.