Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Qatt xi darba se tinqered id⁠-⁠dinja?

Qatt xi darba se tinqered id⁠-⁠dinja?

It⁠-⁠tweġiba tal⁠-⁠Bibbja

Le, id⁠-⁠dinja qatt mhu se tinqered jew tinħaraq, u xejn mhu se jieħu postha. Il⁠-⁠Bibbja tgħallem li Alla ħalaq id⁠-⁠dinja biex tibqaʼ abitata għal dejjem.

  • “Il⁠-⁠ġusti se jirtu l⁠-⁠art, u jgħammru [jiġifieri jgħixu] fiha għal dejjem.”—⁠Salm 37:29.

  • Alla waqqaf “l⁠-⁠art fuq il⁠-⁠postijiet stabbiliti tagħha; din qatt u qatt ma se titħarrek.”—⁠Salm 104:5.

  • “L⁠-⁠art tibqaʼ wieqfa għal dejjem.”—⁠Ekkleżjasti 1:4.

  • “Hu l⁠-⁠Alla l⁠-⁠veru, Dak li sawwar [jiġifieri ħalaq] l⁠-⁠art u li għamilha, Hu li stabbiliha fis⁠-⁠sod, li ma ħalaqhiex sempliċement għalxejn, li sawwarha biex tkun abitata.”—⁠Isaija 45:18.

Il⁠-⁠bniedem se jeqridha l⁠-⁠art?

Alla mhux se jħalli l⁠-⁠bniedem jeqred id⁠-⁠dinja għalkollox permezz tat⁠-⁠tinġis, tal⁠-⁠gwerer, jew b’xi ħaġa oħra. Anzi, hu se ‘jeqred lil dawk li qed jeqirdu l⁠-⁠art.’ (Rivelazzjoni 11:18) Kif se jagħmel dan?

Alla se jġib is⁠-⁠Saltna perfetta tas⁠-⁠sema biex tieħu post il⁠-⁠gvernijiet umani, li ma kinux kapaċi jipproteġu d⁠-⁠dinja. (Danjel 2:44; Mattew 6:9, 10) Din is⁠-⁠Saltna se titmexxa minn Iben Alla, Ġesù Kristu. (Isaija 9:6, 7) Meta Ġesù kien fuq l⁠-⁠art, hu uża qawwa mirakoluża fuq l⁠-⁠elementi naturali, bħax⁠-⁠xita u r⁠-⁠riħ. (Marku 4:35⁠-⁠41) Bħala s⁠-⁠Sultan tas⁠-⁠Saltna t’Alla, Ġesù se jkollu l⁠-⁠kontroll assolut fuq id⁠-⁠dinja u l⁠-⁠elementi tagħha. Hu se jġedded, jew jirranġa, il⁠-⁠kundizzjonijiet fuq l⁠-⁠art, billi jagħmilhom simili għal dawk li kien hemm fil⁠-⁠ġnien tal⁠-⁠Għeden.—⁠Mattew 19:28; Luqa 23:43.

Mhux il⁠-⁠Bibbja stess tgħid li d⁠-⁠dinja se tinħaraq?

Le, ma tgħidx hekk. Idea żbaljata bħal din spiss tiġi għax xi wħud jifhmu ħażin it⁠-⁠2 Pietru 3:7, li tgħid: “Is⁠-⁠smewwiet u l⁠-⁠art t’issa huma merfugħin għan⁠-⁠nar.” Ikkunsidra żewġ punti importanti li jgħinuna nifhmu xi jfisser dan il⁠-⁠kliem:

  1. Il⁠-⁠Bibbja tuża t⁠-⁠termini “smewwiet,” “art,” u “nar” biex tirreferi għal iktar minn ħaġa waħda. Pereżempju, Ġenesi 11:1 jgħid: “L⁠-⁠art kollha kellha lingwa waħda.” Hawnhekk, il⁠-⁠kelma “art” qed tirreferi għan⁠-⁠nies inġenerali.

  2. Il⁠-⁠kuntest fit⁠-⁠2 Pietru 3 juri xi jfissru “smewwiet,” “art,” u “nar” li jissemmew fit⁠-⁠2 Pietru 3:7. Versi 5 u 6 qed iqabblu dak li se jiġri fil⁠-⁠futur, li jissemma f’vers 7, mad⁠-⁠Dulluvju li ġara fi żmien Noè. F’din il⁠-⁠ġrajja, żmien ilu, id⁠-⁠dinja ġiet meqruda, imma l⁠-⁠pjaneta tagħna ma sparixxietx. Minflok, il⁠-⁠Dulluvju kines “l⁠-⁠art,” jiġifieri n⁠-⁠nies vjolenti. (Ġenesi 6:11) Dan qered ukoll tip taʼ “smewwiet”—⁠in⁠-⁠nies li mexxew fuq is⁠-⁠soċjetà umana. B’hekk, kienu n⁠-⁠nies mill⁠-⁠agħar li nqerdu, u mhux il⁠-⁠pjaneta. Noè u l⁠-⁠familja tiegħu baqgħu ħajjin wara l⁠-⁠qerda tad⁠-⁠dinja taʼ dak iż⁠-⁠żmien u għexu fuq l⁠-⁠art wara d⁠-⁠Dulluvju.—⁠Ġenesi 8:15⁠-⁠18.

Simili għall⁠-⁠ilmijiet tad⁠-⁠Dulluvju, il⁠-⁠qerda, jiġifieri “nar,” tat⁠-⁠2 Pietru 3:7 se ġġib tmiem għan⁠-⁠nies mill⁠-⁠agħar tad⁠-⁠dinja, u mhux għall⁠-⁠pjaneta tagħna. Alla jwiegħed “smewwiet ġodda u art ġdida” fejn se jkun hemm “ġustizzja.” (2 Pietru 3:13) L⁠-⁠“art ġdida,” jew is⁠-⁠soċjetà umana ġdida, se tkun immexxija minn “smewwiet ġodda,” jew tmexxija ġdida—⁠is⁠-⁠Saltna t’Alla. Taħt it⁠-⁠tmexxija taʼ din is⁠-⁠Saltna, l⁠-⁠art se tkun ġenna mimlija paċi.—⁠Rivelazzjoni 21:1⁠-⁠4.