Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Tgħallem il⁠-⁠Bibbja li d⁠-⁠dinja hi ċatta?

Tgħallem il⁠-⁠Bibbja li d⁠-⁠dinja hi ċatta?

It⁠-⁠tweġiba tal⁠-⁠Bibbja

Le, il⁠-⁠Bibbja ma tgħallimx li d⁠-⁠dinja hi ċatta. * Il⁠-⁠Bibbja mhix ktieb tax⁠-⁠xjenza. Imma fl⁠-⁠istess ħin, l⁠-⁠ebda ħaġa li hemm fil⁠-⁠Bibbja ma tikkontradixxi x⁠-⁠xjenza pprovata. Dak li tgħid il⁠-⁠Bibbja hu taʼ min joqgħod fuqu “għal dejjem, għal żmien indefinit.”—⁠Salm 111:8.

 Xi trid tfisser il⁠-⁠Bibbja bl⁠-⁠espressjoni “l⁠-⁠erbat itruf taʼ l⁠-⁠art”?

L⁠-⁠espressjonijiet “l⁠-⁠erbat itruf taʼ l⁠-⁠art” u “truf l⁠-⁠art” li jintużaw fil⁠-⁠Bibbja m’għandhomx jittieħdu b’mod letterali, bħallikieku l⁠-⁠art kienet kaxxa jew kellha t⁠-⁠truf. (Isaija 11:12; Ġob 37:3) Minflok, milli jidher dan hu kliem figurattiv li jirreferi għal wiċċ l⁠-⁠art kollha. Il⁠-⁠Bibbja tuża l⁠-⁠erbaʼ direzzjonijiet tal⁠-⁠boxxla b’mod simili.—⁠Luqa 13:29.

It⁠-⁠terminu Ebrajk li jiġi tradott “truf” jidher li hu idjoma bbażata fuq il⁠-⁠kelma “ġwienaħ.” Skont The International Standard Bible Encyclopedia, “minħabba li ġewnaħ t’għasfur jintuża biex jgħatti lill⁠-⁠frieħ tiegħu, dan it⁠-⁠terminu Ebrajk jintuża biex jiddeskrivi t⁠-⁠trufijiet taʼ kwalunkwe ħaġa li hi mġebbda.” L⁠-⁠istess xogħol taʼ referenza jżid li f’​Ġob 37:3 u f’​Isaija 11:12, “it⁠-⁠terminu jfisser il⁠-⁠kosti, il⁠-⁠fruntieri, jew it⁠-⁠truf tal⁠-⁠iktar postijiet imbiegħda tad⁠-⁠dinja.” *

 Xi ngħidu dwar it⁠-⁠tentazzjoni li x⁠-⁠Xitan għamel lil Ġesù?

Biex jittanta lil Ġesù, “ix⁠-⁠Xitan ħadu miegħu fuq muntanja għolja ħafna, u wrieh is⁠-⁠saltniet kollha tad⁠-⁠dinja u l⁠-⁠glorja tagħhom.” (Mattew 4:8) Xi wħud jgħidu li dan ir⁠-⁠rakkont tal⁠-⁠Bibbja jgħallem li d⁠-⁠dinja hi ċatta u li tistaʼ tara d⁠-⁠dinja kollha minn post wieħed biss. Imma l⁠-⁠frażi “muntanja għolja ħafna” f’dan ir⁠-⁠rakkont tidher li hi metafora u mhux post letterali. Ikkunsidra għala hu raġunevoli li naslu għal din il⁠-⁠konklużjoni.

  • M’hemm l⁠-⁠ebda muntanja letterali fid⁠-⁠dinja li minn fuqha tistaʼ tara s⁠-⁠saltniet kollha tad⁠-⁠dinja.

  • Ix⁠-⁠Xitan wera lil Ġesù mhux biss is⁠-⁠saltniet kollha imma anke “l⁠-⁠glorja tagħhom.” Dettalji bħal dawn ma setgħux jidhru minn ħafna bogħod, allura jidher li x⁠-⁠Xitan uża xi tip taʼ viżjoni biex jurihom lil Ġesù. Dan jistaʼ jkun simili għal kif persuna tuża proġekter u skrin biex turi lil xi ħadd stampi taʼ diversi postijiet madwar id⁠-⁠dinja.

  • Ir⁠-⁠rakkont simili taʼ Luqa 4:5 jgħid li x⁠-⁠Xitan wera lil Ġesù “s⁠-⁠saltniet kollha taʼ l⁠-⁠art abitata f’ħakka t’għajn,” li hu impossibbli bil⁠-⁠vista tal⁠-⁠bnedmin. Dan jindika li x⁠-⁠Xitan wera din it⁠-⁠tentazzjoni lil Ġesù permezz taʼ xi mezz ieħor.

^ par. 3 Il⁠-⁠Bibbja tirreferi għal Alla bħala l⁠-⁠“Wieħed li jgħammar ’il fuq miċ⁠-⁠ċirku taʼ l⁠-⁠art.” (Isaija 40:22) Xi xogħlijiet taʼ referenza jgħidu li jistaʼ jkun li l⁠-⁠kelma li hawnhekk tiġi tradotta “ċirku” tfisser globu, għalkemm mhux l⁠-⁠istudjużi kollha jaqblu fuq dan. Hu x’inhu l⁠-⁠każ, il⁠-⁠Bibbja ma tappoġġax l⁠-⁠idea li d⁠-⁠dinja hi ċatta.

^ par. 8 Edizzjoni riveduta, Volume 2, paġna 4.