Mur fil-kontenut

Il-kronoloġija tal-Bibbja x’turi dwar is-sena 1914?

Il-kronoloġija tal-Bibbja x’turi dwar is-sena 1914?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

 Il-​kronoloġija tal-​Bibbja turi li s-​Saltna t’Alla ġiet stabbilita fis-​sema fl-​1914. Dan jidher fi profezija mniżżla bil-​miktub f’kapitlu 4 tal-​ktieb Bibliku taʼ Danjel.

 Ħarsa fuq fuq tal-​profezija. Alla ta lis-​Sultan Nebukadnessar taʼ Babilonja ħolma profetika dwar siġra kbira ħafna li ġiet imqaċċta. Iz-​zokk tagħha ma tħalliex jerġaʼ jikber għal perijodu taʼ “sebaʼ żminijiet,” u wara dan is-​siġra kienet se terġaʼ tikber.​—Danjel 4:1, 10-​16.

 L-​ewwel twettiq tal-​profezija. Is-​siġra l-​kbira rrappreżentat lis-​Sultan Nebukadnessar innifsu. (Danjel 4:20-​22) Hu b’mod figurattiv ‘ġie mqaċċat’ meta għal xi żmien tilef moħħu u l-​kariga tiegħu taʼ sultan għal perijodu taʼ sebaʼ snin. (Danjel 4:25) Meta Alla reġaʼ tah ir-​raġuni, Nebukadnessar reġaʼ sar sultan u rrikonoxxa l-​ħakma t’Alla.​—Danjel 4:34-​36.

 Evidenza li l-​profezija għandha twettiq akbar. L-​iskop kollu tal-​profezija kien biex “il-​ħajjin ikunu jafu li l-​Iktar Għoli hu l-​Ħakkiem fis-​saltna tal-​bnedmin, u li lil min irid hu jagħtiha u jqiegħed fuqha saħansitra lill-​inqas wieħed fost il-​bnedmin.” (Danjel 4:17) Kien ir-​raġel kburi Nebukadnessar il-​wieħed li Alla fl-​aħħar mill-​aħħar ried jagħtih din il-​ħakma? Le, għax Alla qabel kien tah ħolma profetika oħra li wriet li la hu u lanqas xi ħakkiem politiku ieħor ma kien se jwettaq dan l-​irwol. Minflok, Alla nnifsu kien se “jwaqqaf saltna li qatt ma tinqered.”​—Danjel 2:31-​44.

 Qabel, Alla kien stabbilixxa saltna biex tirrappreżenta l-​ħakma tiegħu fuq l-​art: il-​ġens t’Iżrael tal-​qedem. Alla ħalla lil din is-​saltna tinġieb f’“rovina” għax il-​ħakkiema tagħha kienu saru żleali, imma hu bassar li kien se jagħti l-​ħakma lil “dak li għandu d-​dritt legali.” (Eżekjel 21:25-​27) Il-​Bibbja tidentifika lil Ġesù Kristu bħala l-​wieħed li għandu l-​awtorità legali biex jingħata din is-​saltna dejjiema. (Luqa 1:30-​33) Kuntrarju għal Nebukadnessar, Ġesù hu ‘umli f’qalbu,’ sewwasew bħalma kien profetizzat.​—Mattew 11:29.

 X’tirrappreżenta s-​siġra f’Danjel kapitlu 4? Fil-​Bibbja, is-​siġar kultant jirrappreżentaw ħakma. (Eżekjel 17:22-​24; 31:2-​5) Fit-​twettiq akbar taʼ Danjel kapitlu 4, is-​siġra kbira ħafna tissimbolizza l-​ħakma t’Alla.

 Xi jfisser il-​fatt li s-​siġra tiġi mqaċċta? Sewwasew bħalma t-​tqaċċit tas-​siġra rrappreżenta waqfa fil-​ħakma taʼ Nebukadnessar, irrappreżenta wkoll waqfa fil-​ħakma t’Alla fuq l-​art. Dan seħħ meta Nebukadnessar qered lil Ġerusalemm, fejn is-​slaten t’Iżrael kienu joqogħdu fuq “it-​tron taʼ Ġeħova” bħala rappreżentanti t’Alla nnifsu.​—1 Kronaki 29:23.

 X’jirrappreżentaw is-​“sebaʼ żminijiet”? Is-​“seba’ żminijiet” jirrappreżentaw il-​perijodu li matulu Alla ħalla lill-​ġnus jaħkmu fuq l-​art mingħajr ebda ndħil mill-​ħakma t’Alla. Is-​“sebaʼ żminijiet” bdew f’Ottubru tas-​sena 607 QK, meta, skont il-​kronoloġija tal-​Bibbja, Ġerusalemm inqerdet mill-​Babiloniżi. a​—2 Slaten 25:1, 8-​10.

 Kemm huma twal is-​“sebaʼ żminijiet”? Dawn ma jistgħux ikunu sempliċement sebaʼ snin bħalma kien fil-​każ taʼ Nebukadnessar. Ġesù indika t-​tweġiba meta qal li “Ġerusalemm [simbolu tal-​ħakma t’Alla] tintrifes mill-​ġnus sakemm jitwettqu ż-​żminijiet stabbiliti tal-​ġnus.” (Luqa 21:24) “Iż-​żminijiet stabbiliti tal-​ġnus,” il-​perijodu li fih Alla ppermetta li l-​ħakma tiegħu “tintrifes mill-​ġnus,” huma l-​istess bħas-​“sebaʼ żminijiet” f’​Danjel kapitlu 4. Dan ifisser li s-​“sebaʼ żminijiet” kienu għadhom għaddejjin saħansitra meta Ġesù kien fuq l-​art.

 Il-​Bibbja turina kif niddeterminaw it-​tul taʼ dawk is-​“sebaʼ żminijiet” profetiċi. Tgħid li tliet “żminijiet” u nofs jiġu 1,260 jum, allura “sebaʼ żminijiet” jiġu d-​doppju taʼ dan in-​numru, jew 2,520 jum. (Rivelazzjoni 12:6, 14) Meta napplikaw ir-​regola profetika “jum għal sena,” l-​2,520 jum jirrappreżentaw 2,520 sena. Għalhekk, is-​“sebaʼ żminijiet,” jew l-​2,520 sena, ġew fi tmiemhom f’Ottubru tal-​1914.​—Numri 14:34; Eżekjel 4:6.

a Għal diskussjoni dettaljata dwar għala tintuża d-​data 607 QK, ara l-​artikli “When Was Ancient Jerusalem Destroyed?​—Part One,” f’paġni 26-​31 tal-​ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż tal-​1 t’Ottubru 2011, u “When Was Ancient Jerusalem Destroyed?​—Part Two,” f’paġni 22-​28 tal-​ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż tal-​1 taʼ Novembru 2011.