X’Inhuma “ċ-Ċwievet tas-Saltna”?
It-tweġiba tal-Bibbja
“Iċ-ċwievet tas-Saltna” jirrappreżentaw l-awtorità li ngħatat biex in-nies ikollhom l-opportunità li ‘jidħlu fis-Saltna taʼ Alla.ʼ (Mattew 16:19; Atti 14:22, Il-Bibbja, Għaqda Biblika Maltija) a Ġesù ta “ċ-ċwievet tas-Saltna t’Alla” lil Pietru. Dan ifisser li Pietru rċieva l-awtorità biex juri li n-nies leali setgħu jgawdu l-privileġġ li jidħlu fis-Saltna t’Alla billi jirċievu l-ispirtu qaddis t’Alla.
Iċ-ċwievet għal min kienu ntużaw?
Pietru uża l-awtorità li tah Alla biex tliet gruppi jkollhom l-opportunità li jidħlu fis-Saltna:
Il-Lhud u l-Lhud li saru Kristjani. Ftit wara l-mewt taʼ Ġesù, Pietru inkuraġġixxa folla Lhud ħalli jaċċettaw lil Ġesù bħala l-wieħed magħżul minn Alla li kellu jmexxi s-Saltna. Pietru wriehom x’kellhom jagħmlu biex jiġu salvati. Allura, hu għamilha possibbli għalihom li jidħlu fis-Saltna, u eluf “aċċettaw mill-qalb dak li qal.”—Atti 2:38-41.
Is-Samaritani. Pietru iktar tard intbagħat għand is-Samaritani. b Hu reġaʼ uża ċavetta tas-Saltna meta hu u l-appostlu Ġwanni “talbu għalihom biex jirċievu l-ispirtu qaddis.” (Atti 8:14-17) B’hekk, dan għamilha possibbli għas-Samaritani biex jidħlu fis-Saltna.
Nies li ma kinux Lhud. Tliet snin u nofs wara l-mewt taʼ Ġesù, Alla rrivela lil Pietru li nies li ma kinux Lhud (il-Ġentili) kien se jkollhom ukoll l-opportunità li jidħlu fis-Saltna. Biex jagħmel dan, Pietru uża waħda miċ-ċwievet billi pprietka lil nies li ma kinux Lhud, u għalhekk huma setgħu jirċievu l-ispirtu qaddis, isiru Kristjani, u setgħu jsiru anki membri tas-Saltna.—Atti 10:30-35, 44, 45.
Xi jfisser li ‘jidħlu fis-Saltna’?
Dawk li fil-fatt ‘jidħlu fis-Saltna,’ se jmexxu maʼ Ġesù fis-sema. Il-Bibbja bassret li huma kienu se ‘joqogħdu bilqiegħda fuq tronijiet’ u “jmexxu bħala rejiet fuq l-art.”—Luqa 22:29, 30; Rivelazzjoni 5:9, 10.
Ideat żbaljati dwar iċ-ċwievet tas-Saltna
Idea żbaljata: Pietru jiddeċiedi min imur fis-sema.
Fatt: Il-Bibbja tgħid li hu Kristu Ġesù, u mhux Pietru, “li se jiġġudika l-ħajjin u l-mejtin” (2 Timotju 4:1, 8; Ġwanni 5:22) Infatti, Pietru stess qal li Ġesù “hu l-wieħed li Alla inkariga biex jiġġudika lill-ħajjin u l-mejtin.”—Atti 10:34, 42.
Idea żbaljata: Pietru jiddeċiedi meta għandu juża ċ-ċwievet tas-Saltna.
Fatt: Meta Ġesù tkellem dwar iċ-ċwievet tas-Saltna, hu qal lil Pietru: “Kulma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kulma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet.” (Mattew 16:19, Il-Bibbja, GħBM, Ir-Rabaʼ Edizzjoni) Din l-istqarrija, xi wħud jifhmuha li huwa Pietru li qal lil dawk fis-sema x’deċiżjonijiet kellhom jieħdu. Imma l-verbi oriġinali bil-Grieg juru li d-deċiżjonijiet taʼ Pietru kienu se jkunu skont dawk li jkunu ġa saru fis-sema, u mhux skont dak li jgħid hu. c
Il-Bibbja turi f’partijiet oħra li meta Pietru ġie biex juża ċ-ċwievet tas-Saltna, hu kien sottomess għal dak li kien stabbilit fis-sema. Pereżempju, meta uża t-tielet ċavetta, hu segwa l-istruzzjonijiet t’Alla.—Atti 10:19, 20.
a Xi drabi, il-Bibbja tuża l-kelma “ċavetta” bħala simbolu t’awtorità u responsabbiltà.—Isaija 22:20-22; Rivelazzjoni 3:7, 8.
b Is-Samaritani kellhom reliġjon li kienet differenti ħafna mill-Ġudaiżmu, imma kien fiha xi tagħlim u prattiki mil-Liġi Mosajka.
c Ara n-nota taʼ studju bl-Ingliż maʼ Mattew 16:19 fin-New World Translation of the Holy Scriptures (Study Edition).

