It-tweġiba tal-Bibbja

Alla ħalaq lill-bnedmin biex ikollhom x’jaqsmu sesswalment fl-arranġament taż-żwieġ bejn raġel u mara biss. (Ġenesi 1:27, 28; Levitiku 18:22; Proverbji 5:18, 19) Il-Bibbja tikkundanna l-attività sesswali li ma tkunx bejn raġel u martu, kemm jekk tkun kondotta omosesswali u kemm jekk le. (1 Korintin 6:18) Dan jinkludi l-att sesswali, it-tmesmis tal-organi ġenitali taʼ ħaddieħor, u s-sess orali jew anali.

Filwaqt li l-Bibbja ma tapprovax atti omosesswali, hi ma tittollerax il-mibegħda lejn l-omosesswali jew id-diskriminazzjoni kontrihom. Minflok, il-Kristjani huma kmandati biex “jirrispettaw lil kulħadd.”1 Pietru 2:17, Good News Translation.

Jistaʼ xi ħadd jitwieled omosesswali?

Il-Bibbja ma tikkummentax direttament dwar il-bijoloġija taʼ xewqat omosesswali, għalkemm tirrikonoxxi li lkoll nitwieldu bit-tendenza li mmorru kontra dak li jikkmanda Alla. (Rumani 7:21-25) Madankollu, minflok ma tiffoka fuq il-kaġun taʼ xewqat omosesswali, il-Bibbja tipprojbixxi atti omosesswali.

Kif tistaʼ togħġob lil Alla minkejja li jkollok ġibda lejn dawk tal-istess sess.

Il-Bibbja tgħid: ‘Tħallix lil ġismek jikkontrollak. Mewwet kull xewqa għal sess ħażin.’ (Kolossin 3:5, Contemporary English Version) Biex tmewwet xewqat ħżiena, li jwasslu għal azzjonijiet ħżiena, għandek bżonn tikkontrolla l-ħsib tiegħek. Jekk regolarment timla moħħok bi ħsibijiet tajbin, ikun iktar faċli li tkeċċi xewqat ħżiena. (Filippin 4:8; Ġakbu 1:14, 15) Għalkemm forsi għall-ewwel issibha diffiċli ħafna, maż-żmien tistaʼ ssir iktar faċli. Alla jwiegħed li se jgħinek ‘tiġġedded fil-forza li qed tqanqal lil moħħok.’Efesin 4:22-24.

Miljuni taʼ nies li għandhom xewqat eterosesswali u li jixtiequ jgħixu fi qbil mal-livelli tal-Bibbja jiffaċċjaw l-istess ġlieda. Pereżempju, hemm dawk li huma waħedhom u li ma tantx għandhom prospett li jiżżewġu jew uħud li huma miżżewġin lil xi ħadd li ma jistax ikollu relazzjonijiet sesswali. Dawn jagħżlu li jikkontrollaw il-ġibdiet sesswali tagħhom minkejja kwalunkwe tentazzjoni li għandhom mnejn jiffaċċjaw. Huma kapaċi jgħixu ferħanin, u anki dawk li huma miġbudin lejn dawk tal-istess sess jistgħu jekk verament jixtiequ jogħġbu lil Alla.Dewteronomju 30:19.