Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Alla jbiddel fehmtu?

Alla jbiddel fehmtu?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

Iva, ibiddel fehmtu fis-​sens li jbiddel l-​attitudni tiegħu meta n-​nies ibiddlu l-​imġiba tagħhom. Pereżempju, meta Alla bagħat messaġġ taʼ ġudizzju lin-​nies taʼ Iżrael tal-​qedem, hu qal: “Għandhom mnejn jisimgħu, u jerġgħu kull wieħed idur minn triqtu l-​ħażina, biex jibdieli mill-​ħsara li biħsiebi nagħmlilhom minħabba l-​ħażen taʼ l-​egħmejjel tagħhom.”—Ġeremija 26:3, Il-​Bibbja Mqaddsa, Karm Żammit.

F’ħafna Bibbji dan il-​vers ġie tradott bħala li Alla kien se “jindem” mill-​ħsara li kien se jagħmel, u dan jistaʼ jinftiehem li kien għamel xi żball. Però, il-​kelma Ebrajka oriġinali tistaʼ tfisser “tibdil fil-​ħsieb jew fl-​intenzjoni.” Wieħed studjuż kiteb: “Meta xi ħadd ibiddel l-​imġiba tiegħu, Alla jbiddel il-​ġudizzju tiegħu.”

M’għandniex xi ngħidu, is-​sempliċi fatt li Alla jistaʼ jbiddel fehmtu ma jfissirx li hu għandu jagħmel hekk. Ikkunsidra xi sitwazzjonijiet li fihom il-​Bibbja tgħid li Alla ma biddilx fehmtu:

  • Alla ma ħalliex lil Balak iġiegħlu jbiddel fehmtu u jisħet il-​ġens taʼ Iżrael.—Numri 23:18-​20.

  • Meta s-​Sultan Sawl taʼ Iżrael baqaʼ ma warrabx il-​ħażen, Alla ma biddilx fehmtu dwar li jiċħdu bħala sultan.—1 Samwel 15:28, 29.

  • Alla se jwettaq il-​wegħda tiegħu li jagħmel lil Ibnu qassis għal dejjem. Alla mhux se jbiddel fehmtu.—Salm 110:4.

Ma tgħidx il-​Bibbja li Alla qatt ma jinbidel?

Iva, fil-​Bibbja hemm miktub li Alla qal: “Jien Ġeħova; jien ma nbdiltx.” (Malakija 3:6) B’mod simili, il-​Bibbja tgħid li Alla “ma jinbidilx u m’huwiex bħal dell li jiċċaqlaq.” (Ġakbu 1:17) Madankollu, dan ma jmurx kontra dak li tgħid il-​Bibbja dwar li Alla jbiddel fehmtu. Il-​personalità u l-​livelli t’Alla taʼ mħabba u ġustizzja jibqgħu dejjem l-​istess, u huwa f’dan is-​sens li Alla ma jinbidilx. (Dewteronomju 32:4; 1 Ġwanni 4:8) Xorta waħda, hu jistaʼ jagħti istruzzjonijiet differenti lin-​nies fi żminijiet differenti. Pereżempju, Alla lis-​Sultan David tah istruzzjonijiet opposti biex jiġġieled żewġ gwerer, u madankollu t-​tnejn li huma rnexxew.—2 Samwel 5:18-​25.

Jiddispjaċih Alla li ħalaq il-​bnedmin?

Le, imma hu jiddispjaċih li l-​biċċa l-​kbira tan-​nies jinjorawh jew jiċħduh. Minħabba l-​kundizzjonijiet li kien hemm qabel id-​Dulluvju taʼ żmien Noè, il-​Bibbja tgħid: “Ġeħova ddispjaċieh li kien għamel il-​bnedmin fuq l-​art, u ħassu mweġġaʼ f’qalbu.” (Ġenesi 6:6) F’dan il-​vers, il-​kelma “ddispjaċieh” ġejja mill-​kelma Ebrajka li tistaʼ tfisser “tibdil fil-​fehma.” Alla biddel fehmtu dwar il-​biċċa l-​kbira tan-​nies li għexu qabel id-​Dulluvju minħabba li kienu saru mill-​agħar. (Ġenesi 6:5, 11) Imma minkejja li kien imnikket għax għażlu li jagħmlu l-​ħażen, hu ma biddilx fehmtu rigward ir-​razza umana kollha kemm hi. Infatti, hu salva l-​umanità mid-​Dulluvju permezz taʼ Noè u familtu.—Ġenesi 8:21; 2 Pietru 2:5, 9.