Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

IMITA L-​FIDI TAGĦHOM | ELIJA

Hu ssaporta sal-​aħħar

Hu ssaporta sal-​aħħar

Elija semaʼ b’din l-​aħbar: Is-​Sultan Aħab miet. Nistgħu nimmaġinaw lix-​xwejjaħ profeta mitluf fi ħsibijietu waqt li jmiss id-​daqna u jħares fil-​vojt hekk kif ħaseb fil-​ħafna drabi li kellu jiffaċċja lis-​sultan mill-​agħar. Elija kellu jissaporti ħafna! Hu kien mhedded, imfittex, u saħansitra kważi ffaċċja l-​mewt. Dan kollu ġara minħabba Aħab u r-​reġina tiegħu, Ġeżabel. Is-​sultan ma kien għamel xejn biex iwaqqaf lil Ġeżabel, li kienet ordnat il-​qtil taʼ ħafna mill-​profeti taʼ Ġeħova. Barra minn hekk, minħabba li Aħab u Ġeżabel kienu egoisti, dawn saħansitra ħadmu flimkien biex jinqatel raġel innoċenti u ġust, Nabot, flimkien maʼ wliedu. Minħabba f’hekk, Elija wassal il-​messaġġ taʼ ġudizzju taʼ Ġeħova li kien jikkundanna lil Aħab u d-​dinastija kollha tiegħu, jiġifieri lill-​irġiel u lis-​subien kollha tiegħu. Issa, il-​kliem t’Alla kien qed iseħħ. Aħab miet bil-​mod kif Ġeħova kien bassar.—1 Slaten 18:4; 21:1-​26; 22:37, 38; 2 Slaten 9:26.

Minkejja dan, Elija kien jaf li kellu bżonn ikompli jissaporti. Ġeżabel kienet għadha ħajja u kompliet tinfluwenza b’mod ħażin lill-​familja u l-​ġens tagħha. Elija kien se jħabbat wiċċu maʼ sfidi oħra, u kien għad fadallu ħafna x’jgħallem lil sieħbu li kien se jieħu postu, Eliżew. Allura ejja nikkunsidraw tlieta mill-​aħħar inkarigi li kellu Elija. Waqt li naraw kif il-​fidi għenitu jissaporti, se nkunu nistgħu nifhmu aħjar kif insaħħu l-​fidi tagħna matul iż-​żminijiet diffiċli li qed ngħixu fihom.

Aħażija jiġi ġġudikat

Aħażija, it-​tifel taʼ Aħab u Ġeżabel, issa huwa s-​sultan taʼ Iżrael. Minflok tgħallem mill-​bluha tal-​ġenituri tiegħu, hu mexa wara l-​eżempju mill-​agħar tagħhom. (1 Slaten 22:51) Bħalhom, Aħażija kien iqim lil Bagħal. Il-​qima taʼ Bagħal kienet reliġjon li ġiegħlet lin-​nies jagħmlu affarijiet ħżiena bħall-​prostituzzjoni fit-​tempju u saħansitra l-​issagrifikar tat-​tfal. Kien hemm xi ħaġa li setgħet tikkonvinċi lil Aħażija biex jinbidel u jidderieġi lin-​nies tiegħu biex ma jibqgħux jiżbaljaw bl-​ikrah f’għajnejn Ġeħova?

F’daqqa waħda, dan is-​sultan żagħżugħ arroganti ġratlu xi ħaġa traġika. Hu waqaʼ ġo sprall li kien hemm fil-​kamra taʼ fuq tiegħu u weġġaʼ serjament. Għalkemm beda jilgħabha mal-​mewt, xorta ma darx għall-​għajnuna taʼ Ġeħova. Minflok, Aħażija bagħat messaġġiera fil-​belt taʼ Għekron fil-​Filistja, li kienet l-​għadu tagħhom, biex isaqsu lil alla Bagħal-​żebub jekk kellux tama li jirkupra. Ġeħova xejn ma ħa pjaċir. Hu bagħat anġlu lil Elija biex jgħidlu jwaqqaf lil dawn il-​messaġġiera. Il-​profeta bagħathom lura għand is-​sultan b’messaġġ aħrax. Aħażija kien dineb serjament minħabba li aġixxa bħallikieku Iżrael ma kellux Alla. Ġeħova kien iddeċieda li Aħażija qatt ma jinżel mis-​sodda tiegħu.—2 Slaten 1:2-​4.

Aħażija baqaʼ ma nidimx. Hu saqsa: “X’dehra kellu r-​raġel li telaʼ jiltaqaʼ magħkom u li qalilkom dan il-​kliem?” Il-​messaġġiera wiġbuh billi ddeskrivew l-​ilbies sempliċi tal-​profeta, u Aħażija mill-​ewwel qal: “Dak Elija.” (2 Slaten 1:7, 8) Hu taʼ min jinnota li l-​ħajja taʼ Elija tant kienet sempliċi u kkonċentrata f’li jaqdi lil Alla li setaʼ jintgħaraf mill-​ħwejjeġ sempliċi tiegħu mill-​ewwel. Ovvjament, ma setax jingħad l-​istess dwar Aħażija jew l-​ġenituri tiegħu, li kienu egoisti għal affarijiet materjali. L-​eżempju taʼ Elija jfakkarna biex ngħixu fi qbil mal-​pariri taʼ Ġesù sabiex ikollna ħajja sempliċi, jiġifieri jkollna għajnejna ffokati fuq dak li hu importanti verament.—Mattew 6:22-​24.

Aħażija tant kien determinat li jpattihielu li bagħat grupp taʼ 50 suldat flimkien mal-​kap tagħhom biex jarrestaw lil Elija. Meta sabu lil Elija “bil-​qiegħda fil-​quċċata tal-​muntanja,” * il-​kap tal-​armata b’diżrispett qal lil Elija dak li ordnalu jgħid is-​sultan: “Inżel.” Aktarx dan kien ifisser li se jiħduh biex joqtluh. Immaġina ftit! Minkejja li s-​suldati kienu jafu li Elija kien “bniedem taʼ l-​Alla l-​veru,” dawn ħasbu li għandhom ibeżżgħuh u jhedduh. Kemm marru żmerċ! Elija qal lill-​kap: “Mela jekk jien bniedem t’Alla, ħa jinżel nar mis-​smewwiet u jiblaʼ lilek u lill-​ħamsin tiegħek.” Imbagħad Alla ħa azzjoni! “Niżel nar mis-​smewwiet u belaʼ lilu u lill-​ħamsin tiegħu.” (1 Kronaki 16:21, 22) It-​tmiem traġiku taʼ dawn is-​suldati hu tfakkira ċara li Ġeħova ma jiħodhiex ħafif ħafif meta n-​nies ikunu jobogħdu l-​qaddejja tiegħu jew juruhom diżrispett.—1 Kronaki 16:21, 22.

Aħażija reġaʼ bagħat kap flimkien maʼ 50 raġel ieħor. It-​tieni kap kien jiġi jaqaʼ u jqum iktar mill-​ewwel wieħed. Hu lanqas biss tgħallem xejn mill-​mewt tal-​51 raġel, allavolja jistaʼ jkun li ra l-​irmied tagħhom fuq il-​muntanja. Barra minn hekk, mhux biss irripeta l-​ordni, “inżel,” li ngħatat b’diżrispett minn taʼ qablu, imma hu żied il-​kelma “malajr”! Xi bluha! Allura hu u l-​irġiel tiegħu tilfu ħajjithom bħalma ġralhom l-​ewwel grupp. Imma l-​iktar li aġixxa bi bluha kien is-​sultan. Peress li kien rasu iebsa hu bagħat it-​tielet grupp taʼ suldati. Fortunatament, it-​tielet kap kien iktar għaqli. B’umiltà avviċina lil Elija u talab bil-​ħniena biex hu u l-​irġiel tiegħu ma jinqerdux. Elija, bniedem t’Alla, bla dubju rrifletta l-​ħniena taʼ Ġeħova meta wieġeb lill-​kap umli. L-​anġlu taʼ Ġeħova dderieġa lil Elija biex imur mas-​suldati. Elija obda u mbagħad irripeta l-​istqarrija taʼ Ġeħova lis-​sultan mill-​agħar. Aħażija miet skont kif qal Alla. Il-​ħakma tiegħu damet sentejn biss.—2 Slaten 1:11-​17.

Elija imita l-​ħniena taʼ Ġeħova mal-​kap umli

Elija kif issaporta minkejja li n-​nies taʼ madwaru kellhom rashom iebsa ħafna u kienu ribellużi? It-​tweġiba għal din il-​mistoqsija, għadha tgħodd għalina llum? Qatt ħassejtek frustrat meta xi ħadd li jimpurtak minnu rrifjuta li jismaʼ mill-​pariri għaqli tiegħek u insista f’li jibqaʼ jagħmel affarijiet ħżiena? Kif nistgħu nissaportu diżappunti bħal dawn? Nistgħu nitgħallmu xi ħaġa mill-​post fejn is-​suldati sabu lil Elija, “fil-​quċċata tal-​muntanja.” Ma nistgħux ngħidu fiż-​żgur għala Elija kien hemm, imma x’aktarx bħala raġel li jħobb jitlob kien irid joqgħod waħdu, f’post li jagħmilhielu iktar faċli biex ikun eqreb t’Alla l-​maħbub tiegħu. (Ġakbu 5:16-​18) Bl-​istess mod, b’mod regolari nistgħu nagħmlu l-​ħin biex inkunu waħedna m’Alla waqt li nużaw ismu fit-​talb u niftħu qalbna miegħu dwar il-​problemi tagħna u dak li jinkwetana. Imbagħad inkunu iktar kapaċi nissaportu lil dawk taʼ madwarna li jaġixxu bl-​addoċċ u b’mod li jagħmlu ħsara lilhom infushom.

Jagħti l-​inkarigu tiegħu

Issa kien wasal iż-​żmien biex Elija jieqaf mill-​inkarigu uffiċjali tiegħu. Innota x’għamel. Hekk kif hu u Eliżew kienu telqin mill-​belt taʼ Gilgal, Elija ħeġġeġ lil Eliżew biex jibqaʼ hemmhekk waqt li hu jkompli waħdu bi triqtu lejn Betel, madwar 11-​il kilometru ’l bogħod. It-​tweġiba taʼ Eliżew kienet waħda soda: “Daqskemm Ġeħova hu ħaj u daqskemm ruħek hi ħajja, m’iniex se nitilqek.” Wara li waslu f’Betel, Elija qal lil Eliżew li kien se jivvjaġġa lejn Ġeriko waħdu, xi 22 kilometru ’l bogħod. Eliżew b’mod sod wieġeb bħal qabel. Għat-​tielet darba, f’Ġeriko, reġaʼ ġara l-​istess qabel ma ġibdu lejn ix-​xmara Ġordan, xi 8 kilometri ’l bogħod. Għal darb’oħra, ir-​raġel żagħżugħ baqaʼ sod. Ma kienx se jitlaq lil Elija!—2 Slaten 2:1-​6.

Eliżew kien qed juri kwalità importanti, l-​imħabba leali. Din kienet it-​tip taʼ mħabba li Rut uriet maʼ Nagħomi. Bħal meta torbot qalbek maʼ xi ħaġa u ma tkunx trid titlaqha. (Rut 1:15, 16) Il-​qaddejja kollha għandhom bżonn din il-​kwalità—illum il-​ġurnata iktar minn qatt qabel. Qed narawha l-​importanza tagħha daqskemm kien jaraha ċara Eliżew?

Elija żgur li ħassu inkuraġġit ħafna jara l-​imħabba leali taʼ sieħbu li kien għadu żagħżugħ. Minħabba din it-​tip taʼ mħabba, Eliżew kellu l-​privileġġ li jara l-​aħħar miraklu taʼ Elija. Elija kien ħdejn ix-​Xmara Ġordan, li f’ċertu postijiet kien hemm it-​tendenza li l-​ilma jkun fond u b’kurrent qawwi. Hawnhekk hu qabad il-​libsa uffiċjali tiegħu u laqat l-​ilma biha. L-​ilma inferaq! Dan il-​miraklu rawh ukoll “ħamsin raġel minn ulied il-​profeti.” Milli jidher dawn kienu jagħmlu parti minn grupp taʼ rġiel li kien qed jikber u jitħarreġ biex imexxi l-​qima pura f’dik l-​art. (2 Slaten 2:7, 8) Elija aktarx kien jieħu ħsieb dan il-​programm taʼ taħriġ. Xi snin qabel, kien hemm żmien fejn Elija ħassu li kien l-​unika raġel leali li kien għad fadal fil-​pajjiż. Minn dakinhar ’l hemm, Ġeħova kien premja lil Elija għal kemm kien issaporta. Fil-​fatt ħallieh jara progress kbir fost il-​qaddejja li jqimu Lilu.—1 Slaten 19:10.

Wara li qasmu l-​Ġordan, Elija qal lil Eliżew: “Itlobni xi tridni nagħmillek qabel nittieħed minn miegħek.” Elija kien jaf li kien wasal biex jitlaq. Hu ma għerx għall-​privileġġi u l-​prominenza li l-​ħabib żagħżugħ tiegħu kien se jkollu. Anzi, Elija kien ħerqan biex jgħinu b’kull mod possibbli. Kulma talab Eliżew kien dan: “Li żewġ partijiet mill-​ispirtu tiegħek jiġu fuqi, jekk jogħġbok.” (2 Slaten 2:9) Hu ma riedx ifisser li ried ammont doppju tal-​ispirtu qaddis li kien irċieva Elija. Minflok, dan l-​ammont taʼ spirtu kien bħall-​ammont li jiret l-​ewwel imwieled, li bil-​liġi kien jirċievi wirt ikbar, jew doppju, biex ikun fi qbil mar-​responsabbiltajiet ġodda bħala l-​kap tal-​familja. (Dewteronomju 21:17) Bħala l-​werriet spiritwali taʼ Elija, milli jidher hu ra l-​bżonn li jkollu l-​ispirtu, jiġifieri l-​attitudni, taʼ kuraġġ li kellu Elija sabiex isir ix-​xogħol.

Bl-​umiltà kollha, Elija ħalla t-​tweġiba f’idejn Ġeħova. Jekk it-​tweġiba taʼ Ġeħova għall-​mistoqsija t’Eliżew kienet iva, mela kien se jippermettilu jara lill-​profeta xwejjaħ Elija waqt li Alla jieħdu. Ftit wara, hekk kif iż-​żewġt iħbieb kbar kienu qed “jitkellmu huma u mexjin,” ġrat xi ħaġa tal-​għaġeb!—2 Slaten 2:10, 11.

Il-​ħbiberija taʼ bejn Elija u Eliżew żgur li għenithom jissaportu żminijiet diffiċli

Is-​sema ġie mdawwal b’dawl mhux tas-​soltu li beda jersaq iktar u iktar viċin. Nistgħu nimmaġinaw il-​ħoss qawwi u t-​tvenvin hekk kif iqum riefnu bla mistenni. Dan ġab miegħu oġġett jixgħel li kien riesaq lejhom bis-​saħħa, tant li ġiegħel lil dawn iż-​żewġt irġiel jitbiegħdu minn xulxin, u x’aktarx ħalliehom bla kliem. Dak li raw kien karru jiddi bħallikieku magħmul min-​nar. Elija kien jaf li wasal iż-​żmien biex jitlaq. Telaʼ fuq il-​karru? Ir-​rakkont ma jgħidilniex. Ġara x’ġara, hu ħassu qed jiġi merfugħ ’il fuq, fl-​għoli fl-​ajru, u ttieħed mir-​riefnu!

Eliżew kien affaxxinat b’dak li ra. Minħabba li kien qed jara quddiem għajnejh dan l-​ispettaklu tal-​għaġeb, Eliżew fehem li fil-​fatt Ġeħova kien se jagħtih “żewġ partijiet” tal-​ispirtu taʼ kuraġġ li kellu Elija. Imma Eliżew kien imdejjaq wisq biex jaħseb dwar dan. Hu ma kienx jaf fejn kien sejjer il-​ħabib tal-​qalb tiegħu, imma aktarx ma stenniex li jerġaʼ jara lil Elija. Hu għajjat: “Missieri, missieri, il-​karru tal-​gwerra taʼ Israel u r-​rikkieba taż-​żwiemel tiegħu!” Hu baqaʼ jħares hekk kif l-​għalliem maħbub tiegħu sparixxa fil-​bogħod. Imbagħad, Eliżew ċarrat ħwejġu minħabba d-​dwejjaq li qabduh.—2 Slaten 2:12.

Hekk kif Elija telaʼ fis-​sema, setaʼ hu jismaʼ l-​għajta taʼ niket tal-​ħabib żagħżugħ tiegħu u forsi qabżitlu xi demgħa? Ġara x’ġara, kien jaf fiċ-​ċert li ħabib bħal dan kien għenu jissaporti xi żminijiet diffiċli. Nagħmlu tajjeb li nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Elija u nsaħħu l-​ħbiberija li għandna man-​nies li jħobbu lil Alla u li jixtiequ jagħmlu r-​rieda tiegħu!

Ġeħova ħa lil Elija f’inkarigu ġdid

L-​aħħar inkarigu

Imbagħad fejn mar Elija? Xi reliġjonijiet jgħallmu li ttieħed fis-​sema biex ikun m’Alla. Imma dan hu impossibbli. Sekli wara, Ġesù Kristu qal li ħadd ma telaʼ fis-​sema qablu. (Ġwanni 3:13) Allura meta naqraw li “Elija telaʼ fir-​riefnu lejn is-​smewwiet,” hemm bżonn li nsaqsu: Liema smewwiet? (2 Slaten 2:11) Il-​Bibbja tuża l-​kelma “smewwiet” mhux biex tirreferi għal fejn joqgħod Ġeħova biss imma anki għas-​smewwiet fl-​atmosfera tad-​dinja, fejn hemm is-​sħab u jtiru l-​għasafar. (Salm 147:8) F’dawn is-​smewwiet telaʼ Elija. Imbagħad x’ġara?

Hawnhekk, Ġeħova kulma għamel hu li ħa lill-​maħbub profeta tiegħu f’inkarigu ġdid, din id-​darba f’saltna fil-​viċin, dik taʼ Ġuda. Ir-​rakkont tal-​Bibbja juri li Elija baqaʼ jaħdem hemm, forsi għal xi sebaʼ snin oħra. F’dak iż-​żmien, f’​Ġuda kien qed jaħkem is-​sultan mill-​agħar Ġeħoram. Hu żżewweġ lit-​tifla taʼ Aħab u Ġeżabel, allura l-​influwenza ħażina tagħhom kienet għadha hemm. Ġeħova qabbad lil Elija biex jikteb ittra taʼ ġudizzju lil Ġeħoram. Bħalma ġie mbassar, Ġeħoram miet mewta kerha. Agħar minn hekk, ir-​rakkont jikkonkludi: “Bla ma ħadd għela [jiġifieri ddispjaċieh] għalih.”—2 Kronaki 21:12-​20.

X’kuntrast hemm bejn dan il-​bniedem mill-​agħar u Elija! Ma nafux eżatt kif jew meta miet Elija. Imma li nafu hu li ma mietx bħal Ġeħoram, bla ma ħadd ma ddispjaċieh mill-​mewt tiegħu. Eliżew immissjah lill-​ħabib tiegħu. Il-​profeti leali l-​oħra żgur li ħassewhom bħalu. Ġeħova stess baqaʼ japprezza lil Elija sa xi 1,000 sena wara, minħabba li uża r-​rappreżentazzjoni taʼ dan il-​profeta maħbub fil-​viżjoni tat-​trasfigurazzjoni. (Mattew 17:1-​9) Tixtieq titgħallem minn Elija u jkollok fidi li tibqaʼ b’saħħitha minkejja l-​problemi? Allura qatt tinsa ssaħħaħ il-​ħbiberija li għandek m’oħrajn li jħobbu lil Alla, ibqaʼ ffokat f’li taqdi lil Ġeħova, u ibqaʼ itlob spiss mill-​qalb. Jalla bħal Elija ssib post permanenti fil-​qalb kollha mħabba taʼ Ġeħova!

^ par. 9 Xi studjużi qalu li l-​muntanja li tissemma hawn kienet il-​Muntanja Karmel, fejn Alla kien ta l-​qawwa lil Elija biex jirbaħ lill-​profeti taʼ Bagħal xi snin qabel. Madankollu, il-​Bibbja ma tispeċifikax liema muntanja kienet.