Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

GĦAJNUNA GĦALL⁠-⁠FAMILJA

Tkellem mat⁠-⁠tfal dwar l⁠-⁠alkoħol

Tkellem mat⁠-⁠tfal dwar l⁠-⁠alkoħol

“L⁠-⁠ewwel darba li tkellimna mat⁠-⁠tifla dwar l⁠-⁠alkoħol, kellha sitt snin. Ma stennejniex li se tkun taf daqshekk dwar l⁠-⁠alkoħol.”—⁠Alexander.

Dak li għandek tkun taf

Huwa importanti ħafna li titkellem mat⁠-⁠tfal dwar l⁠-⁠alkoħol. Toqgħodx tistenna sakemm isiru żgħażagħ. Missier jismu Khamit fir⁠-⁠Russja jgħid: “Kien ikun aħjar kieku tkellimna mat⁠-⁠tifel dwar l⁠-⁠alkoħol meta kien żgħir. Kien biss wara li għaddejna minn esperjenza diffiċli li fhimt kemm dan kien importanti. Sirt naf li taʼ 13⁠-⁠il sena, it⁠-⁠tifel kien diġà qed jixrob l⁠-⁠alkoħol b’mod regolari.”

Għala għandek għalfejn tinkwieta?

  • It⁠-⁠tfal tal⁠-⁠iskola, ir⁠-⁠riklami, u t⁠-⁠televixin jistgħu jeffettwaw il⁠-⁠mod kif it⁠-⁠tfal tiegħek iqisu l⁠-⁠alkoħol.

  • Studju tal⁠-⁠ESPAD, li sar fl⁠-⁠2015, jgħid li 80 fil⁠-⁠mija miż⁠-⁠żgħażagħ taħt l⁠-⁠età f’Malta xorbu l⁠-⁠alkoħol fl⁠-⁠aħħar 12⁠-⁠il xahar. Ħafna studenti jixorbu taʼ spiss u 47 fil⁠-⁠mija minnhom sikru fl⁠-⁠aħħar xahar.

 Mhix taʼ sorpriża li uffiċjali tas⁠-⁠saħħa jinkuraġġixxu lill⁠-⁠ġenituri biex jgħallmu t⁠-⁠tfal minn età żgħira dwar il⁠-⁠perikli tal⁠-⁠alkoħol. Kif tistaʼ tagħmel dan?

Dak li tistaʼ tagħmel

Aħseb minn qabel dwar il⁠-⁠mistoqsijiet li jistgħu jqajmu uliedek. It⁠-⁠tfal żgħar huma kurjużi, u iktar ma jikbru iktar isiru kurjużi. Għalhekk ikun tajjeb li tipprepara kif tistaʼ twiġibhom. Pereżempju:

  • Jekk it⁠-⁠tifel jew tifla tiegħek tixtieq tkun taf x’togħma għandu l⁠-⁠alkoħol, tistaʼ tgħidilha li l⁠-⁠inbid qisu juice qares u l⁠-⁠birra jkollha togħma naqra morra.

  • Jekk it⁠-⁠tifel jew it⁠-⁠tifla tixtieq idduq l⁠-⁠alkoħol, int tistaʼ tgħidilha li l⁠-⁠alkoħol hu taʼ ħsara għat⁠-⁠tfal. Semmi l⁠-⁠effetti tiegħu: L⁠-⁠alkoħol jistaʼ jġiegħlek tħossok rilassat, imma ħafna alkoħol jistaʼ jistordik, iġiegħlek tagħmel affarijiet bla sens, u tgħid affarijiet li iktar tard jiddispjaċik li tkun għedthom.—⁠Proverbji 23:29⁠-⁠35.

Kun aġġornat. Il⁠-⁠Bibbja tgħid: “Kulmin hu prudenti se jaġixxi bl⁠-⁠għarfien.” (Proverbji 13:16) Kun af x’inhuma l⁠-⁠effetti tal⁠-⁠alkoħol u dwar il⁠-⁠liġijiet u l⁠-⁠limiti legali tal⁠-⁠alkoħol f’pajjiżek. Imbagħad, int se tkun preparat sew biex tgħin lil uliedek.

Ħu l⁠-⁠inizjattiva biex titkellem dwar is⁠-⁠suġġett. “It⁠-⁠tfal jistgħu ma jkollhomx fehma ċara dwar l⁠-⁠alkoħol,” jgħid Mark, missier fil⁠-⁠Brittanja. “Staqsejt lit⁠-⁠tifel, li għandu tmien snin, jekk kienx tajjeb li jixrob l⁠-⁠alkoħol. Jien kellimtu b’mod li hu setaʼ jħossu rilassat, u dan għenu jesprimi ruħu b’mod onest.”

Int se jkollok riżultat aħjar jekk titkellem dwar is⁠-⁠suġġett tal⁠-⁠alkoħol iktar minn darba. Waqt li żżomm f’moħħok l⁠-⁠età t’ibnek jew bintek, inkludi s⁠-⁠suġġett tal⁠-⁠alkoħol meta tkun qed tgħallimhom affarijiet importanti oħra bħas⁠-⁠sigurtà fit⁠-⁠toroq u l⁠-⁠edukazzjoni dwar is⁠-⁠sess.

Kun t’eżempju. It⁠-⁠tfal qishom sponża—⁠huma jixorbu kull ħaġa li jaraw u jisimgħu—⁠u r⁠-⁠riċerka tindika li l⁠-⁠ġenituri huma l⁠-⁠iktar uħud li jinfluwenzaw lil uliedhom. Dan ifisser li jekk int iddur għall⁠-⁠alkoħol biex tikkalma jew tneħħi l⁠-⁠istress, it⁠-⁠tifel jew tifla tiegħek se tifhem li l⁠-⁠alkoħol hu s⁠-⁠soluzzjoni għall⁠-⁠istress tal⁠-⁠ħajja. Allura kun t’eżempju. Agħmel ċert li int tixrob l⁠-⁠alkoħol b’mod responsabbli.

L⁠-⁠eżempju tiegħek se jeffettwa l⁠-⁠mod kif uliedek iqisu l⁠-⁠alkoħol