Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

GĦAJNUNA GĦALL⁠-⁠FAMILJA

Kif tistaʼ turi l⁠-⁠affezzjoni?

Kif tistaʼ turi l⁠-⁠affezzjoni?

Hekk kif jgħaddu s⁠-⁠snin, xi koppji miżżewġin jibdew juru inqas u inqas affezzjoni lejn xulxin. Jekk qed jiġri hekk fiż⁠-⁠żwieġ tiegħek, għandek għalfejn tinkwieta?

 Dak li għandek tkun taf

Żwieġ b’saħħtu għandu bżonn l⁠-⁠affezzjoni. Bħalma l⁠-⁠ikel u l⁠-⁠ilma li nieħdu b’mod regolari huma bżonjużi biex inżommu ġisimna b’saħħtu, hekk ukoll l⁠-⁠affezzjoni li tintwera b’mod regolari hija bżonjuża biex iż⁠-⁠żwieġ ikun protett u jissaħħaħ. Anki jekk il⁠-⁠koppja tkun ilha snin twal miżżewġa, ir⁠-⁠raġel u l⁠-⁠mara għandhom bżonn jaċċertaw lil xulxin mill⁠-⁠imħabba u l⁠-⁠interess li għandhom għal xulxin.

Imħabba vera mhix egoista. Din l⁠-⁠imħabba tipprova tagħmel lill⁠-⁠persuna l⁠-⁠oħra ferħana. B’hekk, wieħed ma jurix l⁠-⁠affezzjoni meta jixtieq hu biss, minflok, jekk għandu mħabba mhux egoista se jifhem il⁠-⁠bżonn li juri affezzjoni u jagħmel sforz biex juriha mal⁠-⁠persuna l⁠-⁠oħra fiż⁠-⁠żwieġ.

Ġeneralment, il⁠-⁠mara jkollha bżonn iktar affezzjoni mir⁠-⁠raġel tagħha. Għandu mnejn li raġel iħobbha ħafna lil martu. Imma jekk juri din l⁠-⁠imħabba fil⁠-⁠bidu u fl⁠-⁠aħħar tal⁠-⁠ġurnata biss jew qabel ma jkollhom x’jaqsmu sesswalment biss, il⁠-⁠mara forsi ma tħosshiex ċerta biżżejjed minn kemm żewġha jimpurtah minnha. Ikun ħafna aħjar jekk l⁠-⁠imħabba tintwera spiss matul il⁠-⁠ġurnata.

 Dak li tistaʼ tagħmel

Uri l⁠-⁠affezzjoni bil⁠-⁠kliem. Espressjonijiet sempliċi bħal “Inħobbok” jew “M’hawnx bħalek” jistgħu jġiegħlu lill⁠-⁠persuna l⁠-⁠oħra tħossha apprezzata.

Prinċipju Bibliku: “Mill⁠-⁠abbundanza tal⁠-⁠qalb jitkellem il⁠-⁠fomm.”—⁠Mattew 12:34.

Suġġeriment: M’hemmx għalfejn turi l⁠-⁠affezzjoni bil⁠-⁠kliem biss. Tistaʼ anki tikteb xi nota, e⁠-⁠mail, jew messaġġ.

Uri l⁠-⁠affezzjoni bl⁠-⁠azzjonijiet. Biex turi li għandek l⁠-⁠affezzjoni meta tgħid “Inħobbok,” tistaʼ anki tgħannaqha, tbusha, jew iżżommilha jdejha. L⁠-⁠affezzjoni tistaʼ tintwera wkoll biż⁠-⁠żegħil, b’tegħmiża, jew b’xi rigal kultant. U xi ngħidu dwar li tgħin lill⁠-⁠mara b’xi affarijiet—⁠forsi bħal li ġġorrilha l⁠-⁠basktijiet, tiftħilha l⁠-⁠bieb, taħsel il⁠-⁠platti, tagħmel xi ħasla ħwejjeġ, jew tipprepara xi ikla? Għal ħafna, dawn mhumiex għajnuna prattika biss, anzi huma affezzjoni li tintwera b’azzjoni!

Prinċipju Bibliku: Aħna “ma nħobbux bil⁠-⁠kliem u t⁠-⁠tpaċpiċ [biss], imma bl⁠-⁠għemil.”—⁠1 Ġwanni 3:18, Il⁠-⁠Bibbja, Għaqda Biblika Maltija.

Suġġeriment: Ittratta lill⁠-⁠persuna l⁠-⁠oħra fiż⁠-⁠żwieġ b’qalb tajba bħal meta kontu għarajjes.

Agħmlu l⁠-⁠ħin għal xulxin. Il⁠-⁠fatt li tkunu waħedkom se jgħinkom biex issaħħu ż⁠-⁠żwieġ u biex turu li tieħdu pjaċir bil⁠-⁠kumpanija taʼ xulxin. Ovvjament, forsi hu diffiċli biex issibu ħin waħedkom jekk ikollkom it⁠-⁠tfal jew jekk ikollkom kwistjonijiet importanti x’titkellmu kuljum. Forsi tistgħu tippjanaw li tmorru timxu b’mod regolari—⁠intom it⁠-⁠tnejn biss.

Prinċipju Bibliku: ‘Aċċertaw ruħkom minn dak li hu iktar importanti.’—⁠Filippin 1:10.

Suġġeriment: Xi koppji li jkollhom ħafna x’jagħmlu jippjanaw ħin biex joħorġu flimkien flgħaxijiet jew biex iqattgħu weekend flimkien bħala koppja.

Kun af sew lill⁠-⁠mara jew ir⁠-⁠raġel tiegħek. Mhux kulħadd iħossu l⁠-⁠istess dwar kemm hemm bżonn li tintwera l⁠-⁠affezzjoni. Tkellmu flimkien dwar kif kull wieħed minnkom jippreferi li tintwerielu l⁠-⁠affezzjoni u jekk hemmx bżonn li tintwera iktar. Imbagħad, agħmel l⁠-⁠almu tiegħek biex tagħmel dan. Ftakar li biex ikollkom żwieġ b’saħħtu għandkom bżonn turu l⁠-⁠affezzjoni.

Prinċipju Bibliku: “L⁠-⁠imħabba . . . ma tfittixx l⁠-⁠interessi tagħha.”—⁠1 Korintin 13:4, 5.

Suġġeriment: Minflok tgerger għax hu jew hi ma turikx biżżejjed affezzjoni, saqsi lilek innifsek, ‘X’nistaʼ nagħmel biex il⁠-⁠persuna l⁠-⁠oħra fiż⁠-⁠żwieġ ikollha iktar affezzjoni lejja?’