Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

GĦAJNUNA GĦALL⁠-⁠FAMILJA

Kif tgħin lit⁠-⁠tfal tiegħek imorru aħjar fl⁠-⁠eżamijiet

Kif tgħin lit⁠-⁠tfal tiegħek imorru aħjar fl⁠-⁠eżamijiet

It⁠-⁠tifel tiegħek donnu ma jimpurtahx mill⁠-⁠iskola, ma jistudjax u lanqas ma jagħmel il⁠-⁠homework. X’inhu r⁠-⁠riżultat? Il⁠-⁠marki u l⁠-⁠imġiba tiegħu jmorru l⁠-⁠baħar. Kif tistaʼ tgħin lit⁠-⁠tifel tiegħek iġib riżultati aħjar?

 Dak li għandek tkun taf

Il⁠-⁠pressjoni żżid mal⁠-⁠problema. Li tagħmel pressjoni fuq it⁠-⁠tfal tiegħek iġegħelhom ikunu ansjużi fl⁠-⁠iskola u fid⁠-⁠dar! Biex inaqqsu mill⁠-⁠istress, għandhom mnejn jigdbu, ma jgħidux li ġabu marki baxxi, jiffirmaw ir⁠-⁠riżultati tal⁠-⁠eżamijiet minflokok, jew jiskartaw l⁠-⁠iskola. Il⁠-⁠problema tistaʼ tiggrava biss.

Li tagħti rigal għall⁠-⁠marki tajbin jistaʼ jaħdem bil⁠-⁠kontra. “Biex nimmotivaw it⁠-⁠tifla tagħna, konna nagħtuha xi rigal jekk iġġib marki tajbin,” jgħid missier jismu Andrew, “imma dan kien iġegħelha tiffoka fuq ir⁠-⁠rigal biss. Meta kienet tmur ħażin fl⁠-⁠eżami, kienet tkun iktar iddiżappuntata minħabba li ma konniex se ntuha r⁠-⁠rigal milli għax ġabet marka baxxa.”

It⁠-⁠tfal mhux se jibbenefikaw jekk twaħħal fl⁠-⁠għalliema. It⁠-⁠tfal għandhom mnejn jikkonkludu li m’hemmx bżonn jagħmlu sforz biex iġibu marki tajbin. Apparti minn hekk, għandhom mnejn jibdew iwaħħlu f’oħrajn għall⁠-⁠iżbalji li jkunu għamlu u jippretendu li oħrajn isolvulhom il⁠-⁠problemi tagħhom. Fi ftit kliem, jistaʼ jkun li t⁠-⁠tfal mhux se jitgħallmu kwalità importanti li se jiġu bżonnha meta jikbru—⁠jiġifieri li jkunu responsabbli għal dak li jagħmlu.

 Dak li tistaʼ tagħmel

Ikkontrolla s⁠-⁠sentimenti tiegħek. Jekk tħossok irrabjat, iddiskuti l⁠-⁠marki mat⁠-⁠tfal darb’oħra. “Jien u marti jirnexxilna ngħinu t⁠-⁠tfal meta nkunu kalmi u nidħlu fiż⁠-⁠żarbuna tagħhom,” jgħid missier jismu Brett.

Prinċipju Bibliku: “Kull bniedem irid ikun ħafif biex jismaʼ, tqil biex jitkellem, tqil biex jinkorla.”—⁠Ġakbu 1:19.

Ifhem x’qed jikkaġuna l⁠-⁠problema. Ġeneralment it⁠-⁠tfal iġibu marki ħżiena minħabba li jkunu qed jiġu bbuljati, ikunu bidlu l⁠-⁠iskola, taqbadhom l⁠-⁠anzjetà qabel u waqt l⁠-⁠eżami, ikollhom problemi fil⁠-⁠familja, ma jorqdux biżżejjed, ma jkollhomx skeda tajba, jew ma jkunux jistgħu jikkonċentraw fit⁠-⁠tul. Taqbadx u tikkonkludi li t⁠-⁠tfal tiegħek huma għażżenin.

Prinċipju Bibliku: “Min qed juri d⁠-⁠dehen fi kwistjoni [jiġifieri jifhem il⁠-⁠kwistjoni] se jsib it⁠-⁠tajjeb.”—⁠Proverbji 16:20.

Ara li ma jkollhomx affarijiet xi jtellfuhom. Agħmel skeda biex ikunu jafu meta għandhom jagħmlu l⁠-⁠homework u jistudjaw. Ara li fil⁠-⁠post fejn it⁠-⁠tfal jagħmlu l⁠-⁠homework ma jkunx hemm xi jtellifhom (bħal televixin u mowbajl). Qassam il⁠-⁠ħin tal⁠-⁠homework f’sessjonijiet qosra biex tgħin ’l uliedek jikkonċentraw. Hector, missier mill⁠-⁠Ġermanja, jgħid, “Meta nkunu nafu li se jkun hemm test, aħna nirrevedu ftit kuljum minflok ma nħallu kollox għall⁠-⁠aħħar minuta.”

Prinċipju Bibliku: “Għal kollox hemm żmien stabbilit.”—⁠Ekkleżjasti 3:1.

Inkuraġġihom jitgħallmu. Iktar kemm it⁠-⁠tfal jifhmu li l⁠-⁠iskola hi taʼ benefiċċju għalihom minn issa, iktar se jħossuhom immotivati biex jitgħallmu. Pereżempju, il⁠-⁠maths jistaʼ jgħinhom ikunu jafu kif jonfqu l⁠-⁠pocket money.

Prinċipju Bibliku: “Ikseb l⁠-⁠għerf, ikseb l⁠-⁠abbiltà li tifhem. . . . Għożżu ferm.”—⁠Proverbji 4:5, 8.

Suġġeriment: Għin lit⁠-⁠tfal jagħmlu l⁠-⁠homework, imma tagħmilhulhomx int. Andrew jammetti, “It⁠-⁠tifla kienet tistrieħ fuqna minflok ma tuża moħħha biex tagħmel il⁠-⁠homework.” Għallem lit⁠-⁠tfal tiegħek kif jagħmlu l⁠-⁠homework waħedhom.