Malti
Għallem lit-Tfal Jużaw l-Ismartphone b’Mod Tajjeb
https://cms-imgp.jw-cdn.org/img/p/500300105/univ/art/500300105_univ_sqr_xl.jpg
ijwhf artiklu 16

GĦAJNUNA GĦALL-​FAMILJA | TROBBIJA TAT-​TFAL

It-Tfal u l-Ismartphones—It-Tieni Parti: Għallem lit-Tfal Jużaw l-Ismartphone b’Mod Tajjeb

It-Tfal u l-Ismartphones—It-Tieni Parti: Għallem lit-Tfal Jużaw l-Ismartphone b’Mod Tajjeb

 Nistgħu nqabblu l-​ismartphone maʼ għodda b’saħħitha għax tistaʼ tintuża b’mod tajjeb jew b’mod ħażin. Kif tistaʼ tgħallem lit-​tfal tiegħek jużaw din l-​għodda b’saħħitha b’mod tajjeb? Pereżempju, kif għandek tiddeċiedi kemm iqattgħu ħin fuq l-​ismartphone kuljum? a

 Dak li għandek tkun taf

  •   L-​ismartphone fih il-​perikli tiegħu. Kif rajna fl-​artiklu “It-​Tfal u l-​Ismartphones—L-​Ewwel Parti: Għandhom it-​Tfal Tiegħi Jkollhom Smartphone?,” it-​tfal b’dawn it-​tip taʼ mowbajls jistgħu jidħlu fuq l-​Internet u jaraw kemm affarijiet tajbin u kemm ħżiena.

     “Ma rridux ninsew li l-​ismartphone jistaʼ jkun taʼ periklu għat-​tfal tagħna, għax bih jistgħu jiltaqgħu maʼ nies u ideat perikolużi.”—Brenda.

  •   It-​tfal għandhom bżonn min jgħinhom. It-​tfal huma mdorrijin bit-​teknoloġija, filwaqt li ħafna wħud kbar bdew jużaw it-​teknoloġija issa. Però, dan ma jfissirx li l-​ġenituri ma jafu xejn dwar it-​teknoloġija u li t-​tfal jafu aħjar minnhom kif u meta għandhom jużaw l-​ismartphones.

     Huwa veru li forsi t-​tfal tiegħek jafu jużaw il-​mowbajl aħjar minnek. Imma dan ma jfissirx li jafu jużawh bil-​għaqal. Anki tfal li jafu ħafna dwar it-​teknoloġija għandhom bżonn li l-​ġenituri tagħhom jgħallmuhom kif jużaw smartphone b’mod responsabbli.

     “Li tagħti lit-​tifel tiegħek smartphone mingħajr ma tgħallmu kif għandu jużah hu bħallikieku tagħtih iċ-​ċavetta tal-​karozza, tħallih ipoġġi fuq is-​seat tax-​xufier, tistartjalu l-​karozza, u tgħidlu ‘Moħħok hemm’ mingħajr ma l-​ewwel tgħallmu kif isuq.”—Seth.

 Dak li tistaʼ tagħmel

  •   Tgħallem kif jaħdem il-​mowbajl tat-​tfal tiegħek. Sir familjari maʼ kif tissettja l-​mowbajl tat-​tfal tiegħek biex huma jużaw il-​mowbajl b’mod responsabbli. Pereżempju:

     Taf x’parental controls fih il-​mowbajl? b

     Taf li ċertu settings li jgħidu li jimblokkaw affarijiet mhux xierqa għat-​tfal mhux dejjem jaħdmu?

     Iktar ma tkun taf kif tuża l-​mowbajl li għandhom it-​tfal, iktar se tkun tistaʼ tgħinhom jużawh b’mod responsabbli.

     Prinċipju tal-​Bibbja: “Ir-​raġel li għandu l-​għarfien qed iżid il-​qawwa tiegħu.”—Proverbji 24:5.

  •   Agħmel regoli. Iddeċiedi x’se tħallihom u ma tħallihomx jagħmlu bil-​mowbajl. Pereżempju:

     Se tħalli lit-​tfal jużaw il-​mowbajl waqt li tkunu qed tieklu? Jew se tħallihom jużawh meta tmorru għand tal-​familja jew il-​ħbieb?

     Se tħallihom ikollhom il-​mowbajl fil-​kamra tagħhom mal-​lejl?

     Liema apps se tħallihom jużaw?

     Kemm se tħallihom iqattgħu ħin fuqu kuljum?

     Ara li t-​tfal tiegħek jifhmu x’inhuma r-​regoli, u kun lest li jekk it-​tifel jew it-​tifla tiegħek ma tobdihomx tiddixxiplinaha.

     Prinċipju tal-​Bibbja: “Iżżommx lura d-​dixxiplina minn tifel.”—Proverbji 23:13.

  •   Iċċekkja l-​mowbajl tat-​tfal tiegħek. Ara li tkun taf x’inhi l-​password tal-​mowbajl tagħhom u skont il-​bżonn iċċekkja l-​messaġġi, l-​apps li qed jużaw, l-​istampi, u l-​websites li qed jidħlu fihom.

     “Aħna għedna lit-​tifla li minn żmien għal żmien konna se niċċekkjawlha l-​mowbajl mingħajr ma navżawha qabel, u jekk insibu li mhux qed tuża l-​mowbajl kif suppost, konna se nnaqqsulha l-​ħin taʼ kemm tistaʼ tużah.”—Lorraine.

     Bħala ġenitur, int għandek kull dritt tkun taf kif it-​tfal tiegħek qed jużaw l-​ismartphone.

     Prinċipju tal-​Bibbja: “Tifel jintgħaraf minn għemilu, jekk hux pur u rett f’dak li jagħmel.”—Proverbji 20:11.

 ● Għallimhom jagħżlu jagħmlu t-​tajjeb. Għallem lit-​tfal tiegħek ikunu jridu jagħmlu l-​ħaġa t-​tajba. Dan għala hu importanti? Għax jekk it-​tfal ikunu jridu jaħbu xi ħaġa mill-​ġenituri, ħafna drabi minkejja l-​isforzi tal-​ġenituri, huma xorta jsibu mod kif jagħmlu dan. c

  •  Għalhekk, għin lit-​tfal tiegħek ikollhom kwalitajiet tajbin, bħal li jkunu onesti, ikunu ddixxiplinati magħhom infushom, u li jkunu responsabbli għal dak li jagħmlu. Tfal li jafu jagħżlu jagħmlu t-​tajjeb x’aktarx iktar se jużaw il-​mowbajl bil-​għaqal.

     Prinċipju tal-​Bibbja: “Nies maturi, . . għandhom is-​sensi tagħhom imħarrġin biex jagħrfu jagħżlu kemm it-​tajjeb u kemm il-​ħażin.”—Ebrej 5:14.

a F’dan l-​artiklu, il-​kelma “smartphone” tfisser mowbajl li bih tistaʼ tidħol fuq l-​Internet. Tistaʼ tgħid qisu kompjuter żgħir.

b Il-​parental controls huma settings fuq il-​mowbajl li jistgħu jgħinuk tissettja ħin kemm it-​tfal tiegħek jużaw l-​ismartphone jew f’liema websites jistgħu jidħlu.

c Pereżempju, illum hawn apps li jissejħu “ghost app.” Dawn l-​apps fuq il-​mowbajl ikunu jidhru normali, bħal pereżempju calculator. Imma ġo fihom ikun hemm affarijiet li t-​tfal ikunu jridu jaħbu mill-​ġenituri tagħhom.