Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

IŻ-​ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

X’jistaʼ jgħinni issa li r-​relazzjoni li kont fiha spiċċat?

X’jistaʼ jgħinni issa li r-​relazzjoni li kont fiha spiċċat?

“Wara li jiena u t-​tfajla ħassarna, għaddejt minn żmien ikrah ħafna, u kont qisni ras maqtugħa. Għalija kien l-​ikbar uġigħ emozzjonali li qatt esperjenzajt f’ħajti,” jgħid Steven li għandu 28 sena.

Għaddejt int minn esperjenza simili? Jekk iva, dan l-​artiklu jistaʼ jgħinek.

 Xi tħoss

Meta relazzjoni tispiċċa, tikkaġuna wġigħ lit-​tnejn.

  • Jekk int kont il-​wieħed li waqqaft ir-​relazzjoni, forsi tistaʼ tħossok bħalma ħassitha Jasmine, li għandha 28 sena, li qalet, “Li naf li weġġajt lil xi ħadd li kont inħobb kienet qed teffettwali l-​kuxjenza tiegħi, u nittama li qatt ma nerġaʼ ngħaddi minnha.”

  • Jekk int ma kontx il-​wieħed li waqqaft ir-​relazzjoni, mela probabbilment tifhem għala xi wħud jiddeskrivu dan bħal qisu mitilhom xi ħadd. Janet, li għandha 21 sena, tgħid: “Jien għaddejt minn perijodu li ħassejtni qisu mietli xi ħadd, ma stajtx naċċetta l-​ħaġa, kont inħossni rrabjata, dipressa, u fl-​aħħar​—wara kważi sena​—aċċettajtha.”

Ir-​realtà hi: Meta relazzjoni tintemm, int tistaʼ tħossok imdejjaq u qalbek maqtugħa. Kittieb tal-​Bibbja qal: “Spirtu mdejjaq inixxef l-​għadam.”​—Proverbji 17:22.

 Dak li tistaʼ tagħmel

  • Tkellem maʼ xi ħadd matur li tafda. Il-​Bibbja tgħid: “Ħabib veru jħobb il-​ħin kollu; huwa ħu mwieled għal meta jkun hemm in-​niket.” (Proverbji 17:17) Li tiftaħ qalbek maʼ ġenitur jew ħabib matur jistaʼ jgħinek biex tħares b’mod differenti lejn is-​sitwazzjoni.

    “Għal xhur kont ninqataʼ għalija waħdi u ma ridt inkellem lil ħadd dwar kif kont qed inħossni. Imma l-​ħbieb jistgħu jgħinuk tħossok aħjar. Fil-​fatt xħin tkellimt magħhom u għedtilhom kif ħassejtni, veru bdejt inħossni ftit aħjar.”​—Janet.

  • Tgħallem minn dak li ġralek. Proverbju ieħor fil-​Bibbja jgħid: “Ikseb l-​għerf, ikseb l-​abbiltà li tifhem.” (Proverbji 4:5) Esperjenzi koroh jistgħu jgħallmuna ħafna dwarna nfusna u kif inkampaw mal-​affarijiet meta dawn ma jmorrux kif inkunu xtaqna.

    “Wara li ma bqajniex flimkien, ħabib tiegħi staqsieni, ‘X’tgħallimt minn din ir-​relazzjoni, u kif se tuża dak li tgħallimt meta ’l quddiem tkun f’relazzjoni oħra?’”​—Steven.

  • Itlob. Il-​Bibbja tgħid: “Ixħet toqlok fuq Ġeħova, u jsostnik.” (Salm 55:22) It-​talb jistaʼ jgħinek tkampa mad-​dwejjaq kbar u tara s-​sitwazzjoni minn ħarsa oħra.

    “Itlob kontinwament. Ġeħova jifhem l-​uġigħ tiegħek u jaf is-​sitwazzjoni aħjar minn kif tafha int.”​—Marcia.

  • Għin lil nies oħra. Il-​Bibbja tgħid: “Tfittxux l-​interessi persunali tagħkom biss, imma wkoll l-​interessi persunali taʼ l-​oħrajn.” (Filippin 2:4) Iktar ma tinvolvi ruħek f’li tgħin lil oħrajn, iktar se tħossok aħjar malajr wara li tispiċċa minn relazzjoni.

    “Meta relazzjoni tispiċċa tħossok qisha spiċċat id-​dinja, u l-​uġigħ tagħha jweġġaʼ aktar minn uġigħ fiżiku. Imma tistaʼ tħossok aħjar. Kelli nagħti lili nnifsi ż-​żmien biex inħossni aħjar.”​—Evelyn.