Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

IŻ-​ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Kif nistaʼ nkampa mal-ansjetà?

Kif nistaʼ nkampa mal-ansjetà?

 X’jagħmlek ansjuż?

Jiddeskrivu kif ġieli tħossok int l-​istqarrijiet li ġejjin?

“Jien il-​ħin kollu naħseb dwar x’jistaʼ jinqalaʼ: ‘Xieraq jiġri. . . ?’ ‘Xieraq ikollna aċċident bil-​karozza?’ ‘Xieraq jaqaʼ l-​ajruplan li nkunu fuqu?’ Jien ansjuż dwar affarijiet li persuna iktar raġunevoli ma toqgħodx tinkwieta fuqhom.”​—⁠Charles.

“Jien inħossni ansjuża l-​ħin kollu, bħallikieku kont ħamster li jdur il-​ħin kollu fuq rota imma qatt ma jasal imkien. Naħdem bi lsieni barra imma ma nkun qed inwettaq xejn!”​—⁠Anna.

“Meta n-​nies jgħiduli li għandi xorti li għadni l-​iskola, bejni u bejn ruħi ngħid, ‘M’għandhomx idea kemm hi stressanti l-​iskola!’ ”​—⁠Daniel.

“Inħoss li jien kontinwament taħt pressjoni kbira. Dejjem ninkwieta dwar dak li se jiġri jew dwar dak li rrid nagħmel.”​—⁠Laura.

Fatt tal-​ħajja: Qed ngħixu f’dak li l-​Bibbja ssejħilhom “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.” (2 Timotju 3:1) Minħabba f’hekk, l-​ansjetà tistaʼ teffettwa ż-​żgħażagħ daqskemm teffettwa lill-​adulti.

 L-​ansjetà dejjem hi ħażina?

It-​tweġiba hija le. Infatti, il-​Bibbja tgħid li hu tajjeb li n-​nies ikunu ansjużi biex jogħġbu lil dawk li jħobbu.—1 Korintin 7:32-​34; 2 Korintin 11:28.

Ukoll, irridu nammettu li l-​ansjetà tistaʼ tkun xi ħaġa li timmotivana għat-​tajjeb. Pereżempju, ejja ngħidu li l-​ġimgħa d-​dieħla għandek eżami l-​iskola. L-​ansjetà tistaʼ ġiegħlek tistudja din il-​ġimgħa—u dan jistaʼ jgħinek iġġib marka aħjar!

Ukoll, ftit ansjetà tistaʼ ġġiegħlek toqgħod attent għall-​perikli. “Jaf tħossok ansjuż għax tkun taf li qed tagħmel xi ħaġa ħażina u li għandek bżonn tagħmel xi bidliet biex ma tniggżekx il-​kuxjenza,” tgħid żagħżugħa jisimha Serena.—Qabbel Ġakbu 5:14.

Fatt tal-​ħajja: L-​ansjetà tistaʼ taħdem favurik—dment li tqanqlek biex tieħu l-​pass it-​tajjeb.

Imma xi ngħidu jekk minħabba l-​ansjetà tħossok il-​ħin kollu mitluf fi ħsibijiet negattivi?

Minħabba l-ansjetà tistaʼ tħossok bħallikieku int mitluf f’labirint, imma xi ħadd li jara l-affarijiet minn ħarsa differenti jistaʼ jgħinek toħroġ minnu

Eżempju: “Moħħi jiġri bija meta noqgħod naħseb dwar modi differenti taʼ kif tistaʼ tiżvolġi sitwazzjoni stressanti,” jgħid Richard li għandu 19-​il sena. “Noqgħod il-​ħin kollu nhewden fuq is-​sitwazzjoni sal-​punt li tgħidx kemm niġi ansjuż.”

Il-​Bibbja tgħid li “qalb kalma hija l-​ħajja tal-​ġisem.” (Proverbji 14:30) Min-​naħa l-​oħra, l-​ansjetà tistaʼ ġġib magħha għadd taʼ sintomi fiżiċi xejn sbieħ, bħal uġigħ taʼ ras, stordament, uġigħ fl-​istonku, u l-​qalb tħabbat b’rata iktar mgħaġġla.

X’tistaʼ tagħmel jekk l-​ansjetà donnha qed taħdem kontrik minflok favurik?

 Dak li tistaʼ tagħmel

  • Staqsi lilek innifsek jekk l-​ansjetà tiegħek hijiex raġunevoli. ‘Li taħseb dwar ir-​responsabbiltajiet tiegħek hi ħaġa; li tkun ansjuż iżżejjed hi ħaġ’oħra. Dan hu bħal meta xi ħadd jipprova jgħum kontra l-​kurrent għal sigħat sħaħ f’baħar imqalleb. Jaħli dik l-​enerġija kollha imma ma jasal imkien.’​—⁠Katherine.

    Il-​Bibbja tgħid: “Min minnkom billi jkun ansjuż jistaʼ jtawwal għomru mqar bi ftit?”—Mattew 6:27.

    Dan xi jfisser: Sakemm l-​ansjetà ma twasslekx għal soluzzjoni, din se tkabbarlek il-​problema—jew issir il-​problema tiegħek.

  • Imxi ġurnata b’ġurnata. “Aħseb ftit. Dak li int ansjuż dwaru llum se jkun importanti għada? xahar ieħor? sena oħra? jew ħames snin oħra?”​—⁠Anthony.

    Il-​Bibbja tgħid: “Qatt tkunu ansjużi dwar l-​għada, għax l-​għada se jkollu l-​ansjetajiet tiegħu. Hu biżżejjed għal kull ġurnata l-​ħażen tagħha.”—Mattew 6:34.

    Dan xi jfisser: Ma tantx jagħmel sens li toqgħod tinkwieta fuq il-​problemi t’għada—xi problemi minnhom jaf qatt ma jseħħu.

  • Tgħallem għix b’dak li ma tistax tbiddel. “L-​iktar li tistaʼ tagħmel hu li tipprepara kemm jistaʼ jkun għal xi sitwazzjonijiet, imma aċċetta l-​fatt li xi sitwazzjonijiet m’għandekx kontroll fuqhom.”​—⁠Robert.

    Il-​Bibbja tgħid: “Il-​ħfief mhux dejjem jirbħu t-​tiġrija, . . . u lanqas dawk li għandhom l-​għarfien ma jkollhom l-​approvazzjoni; għax iż-​żmien u l-​ġrajjiet mhux mistennijin jiġu fuq kulħadd.”—Ekkleżjasti 9:11.

    Dan xi jfisser: Xi kultant ma tistax tbiddel iċ-​ċirkustanzi tiegħek, imma tistaʼ tbiddel il-​mod kif tħares lejhom.

  • Ħares lejn is-​sitwazzjoni b’mod realistiku. “Sibt li għandi nara l-​istampa kollha u mhux noqgħod ninkwieta fuq l-​irqaqat. Imbagħad niddeċiedi x’inhu l-​iktar importanti u nuża l-​enerġija tiegħi biex nagħmel dawn l-​affarijiet.”​—⁠Alexis.

    Il-​Bibbja tgħid: ‘Aċċertaw ruħkom minn dak li hu iktar importanti.’—Filippin 1:10.

    Dan xi jfisser: Nies li jkollhom ħarsa xierqa lejn l-​affarijiet, għandhom inqas ċans li jinħakmu mill-​ansjetà.

  • Tkellem maʼ xi ħadd. “Meta kelli ħdax-​il sena, kont nispiċċa mmur id-​dar vera ansjuża u nibżaʼ niffaċċja l-​għada. Ommi u missieri kienu joqogħdu jisimgħuni hekk kif kont niftaħ qalbi magħhom. Imnalla kienu huma. Stajt nafdahom u nitkellem magħhom bil-​libertà kollha. Dan għenni niffaċċja l-​ġurnata taʼ wara.”​—⁠Marilyn.

    Il-​Bibbja tgħid: “L-​ansjetà f’qalb il-​bniedem ittaqqalha, imma l-​kelma t-​tajba tferraħha.”—Proverbji 12:25.

    Dan xi jfisser: Ġenitur jew ħabib għandu mnejn ikun jistaʼ jagħtik suġġerimenti prattiċi dwar kif tistaʼ tnaqqas l-​ansjetà.

  • Itlob. “It-​talb jgħinni, speċjalment meta nitlob b’mod li nismaʼ lili nnifsi. Għax b’hekk nesprimi dak li qed jagħmilni ansjuża, u mhux noqgħod inżomm kollox ġo fija. Dan jgħinni nirrealizza wkoll li Ġeħova hu akbar mill-​ansjetà tiegħi.”​—⁠Laura.

    Il-​Bibbja tgħid: ‘Itfaʼ l-​ansjetà kollha tiegħek fuq Alla, għax hu jimpurtah minnek.’—1 Pietru 5:7.

    Dan xi jfisser: It-​talb mhux qiegħed hemm biex insolvu l-​problemi tagħna waħedna. Hu komunikazzjoni reali m’Alla Ġeħova, li jwiegħed: “Tibżax, għax jien miegħek. Tiċċassax ’l hemm u ’l hawn [jew, tkunx ansjuż], għax jien Alla tiegħek. Jien inqawwik. Jien ngħinek verament.”—Isaija 41:10.