Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

IŻ-​ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Għala għandek tiċħad l-istampa li tpinġi l-midja?—It-2 parti: Għall-ġuvintur

Għala għandek tiċħad l-istampa li tpinġi l-midja?—It-2 parti: Għall-ġuvintur

Il-​midja xi stampa tpinġi tal-​ġuvintur?

 Agħti daqqa t’għajn lejn il-​kwalitajiet t’hawn taħt, u mbagħad wieġeb il-​mistoqsijiet li ġejjin.

L-​1 kolonna

It-​2 kolonna

Ribelluż

Juri rispett

Egoist

Leali

Vjolenti

Jaħseb f’ħaddieħor

Għażżien

Jaħdem iebes

Mhux responsabbli

Responsabbli

Qarrieq

Onest

  1. Liema kwalitajiet jiddeskrivu lill-​ġuvintur skont kif is-​soltu tpinġihom il-​midja (inkluż fil-​films, fuq it-​televixin, u fir-​reklami)?

  2. Liema kwalitajiet jiddeskrivu kif int tixtieq li tkun magħruf?

Wisq probabbli, użajt kwalitajiet mill-​1 kolonna biex twieġeb l-​ewwel mistoqsija u użajt kwalitajiet mit-​2 kolonna biex twieġeb it-​tieni mistoqsija. Jekk inhu hekk, tajjeb. Għala ngħidu hekk? Għax dan ifisser li l-​mod kif il-​midja tpinġi l-​ġuvintur x’aktarx ma jaqbilx mal-​persuna li int verament—jew mat-​tip taʼ persuna li għandek issir. Ikkunsidra għala.

  • Il-​midja spiss tpinġi lill-​ġuvintur bħala wħud vjolenti u ribellużi. Il-​ktieb Why Boys Don’t Talk​—and Why It Matters joħroġ il-​punt li l-​iktar karattri popolari fuq it-​televixin, fil-​films, u fl-​isports huma ġuvintur “li huma b’saħħithom ħafna fiżikament u li huma aggressivi. . . . Dan iwassal il-​messaġġ li biex wieħed ikun popolari jrid ikun vjolenti u ribelluż.”

    Aħseb dwar dan: Jekk tkun aggressiv, jew vjolenti, se tkun int ħabib, kollega, jew raġel miżżewweġ aħjar? Meta xi ħadd jipprovokak, jew iġiegħlek tirrabja, liema minn dawn ir-​reazzjonijiet teħtieġ l-​iktar sforz min-​naħa tiegħek: li tiżvoga r-​rabja tiegħek jew li tikkontrollaha? Liema reazzjoni turi li int raġel matur?

    Il-​Bibbja tgħid: “Min ma jirrabjax malajr hu aħjar minn raġel setgħan, u dak li qed jikkontrolla l-​ispirtu tiegħu aħjar minn wieħed li qed jirbaħ belt.”—Proverbji 16:32.

    Jekk tikkontrolla t-tempra, int iktar b’saħħtek minn gwerrier

  • Il-​midja tpinġi lill-​ġuvintur bħala wħud iffissati fuq is-​sess. Chris, li għandu 17-​il sena, jgħid: “Fil-​films u fuq it-​televixin, il-​ġuvintur jibdlu t-​tfajliet tagħhom iktar spiss milli jibdlu ħwejjiġhom.” Gary, li għandu 18-​il sena, iżid maʼ dan u jgħid: “Il-​ġuvni tipiku fil-​midja hu ffissat fuq is-​sess.” Pereżempju, xi films ipinġu lill-​ġuvintur bħallikieku l-​unika ħaġa li jridu jagħmlu f’ħajjithom hi li jixxalaw, jixorbu, u jmorru mat-​tfajliet.

    Aħseb dwar dan: Din l-​istampa li tpinġi l-​midja tirrifletti t-​tip taʼ reputazzjoni li tixtieq li jkollok int? Raġel matur jittratta lin-​nisa bħala oġġetti għas-​sess, jew jittrattahom bir-​rispett?

    Il-​Bibbja tgħid: “Kull wieħed minnkom ikun jaf kif jikkontrolla ġismu bil-​qdusija u bl-​unur, mhux b’aptit sesswali mimli xenqa.”—1 Tessalonikin 4:4, 5.

  • Il-​midja tpinġi lill-​ġuvintur bħala wħud mhux responsabbli. F’ħafna mill-​films u l-​programmi tat-​televixin popolari, il-​ġuvintur jidhru bħala wħud għażżenin u li ma jafu jagħmlu xejn. Forsi hu għalhekk li xi adulti ftit li xejn għandhom fiduċja fil-​potenzjal tal-​ġuvintur. Gary, li semmejna qabel, jgħid: “Meta għalaqt 16-​il sena, tgħidx kemm sibtha bi tqila biex insib xogħol għax l-​imgħallmin fl-​inħawi tiegħi riedu jimpjegaw in-​nisa biss. Ħassew li l-​ġuvintur kollha ma kinux responsabbli jew taʼ min jafdahom!”

    Aħseb dwar dan: Din l-​istampa li l-​ġuvintur mhumiex responsabbli jew taʼ min jafdahom, hi stampa ġusta? Kif tistaʼ turi li int differenti?

    Il-​Bibbja tgħid: “Tħalli lil ħadd qatt imaqdar żgħożitek. Għall-​kuntrarju, kun t’eżempju għall-​uħud leali, fil-​kliem, fil-​kondotta, fl-​imħabba, fil-​fidi, fis-​safa.”—1 Timotju 4:12.

Dak li għandek tkun taf

  •   Il-​midja jistaʼ jkollha effett profond fuqek. Pereżempju, il-​midja tistaʼ ġġiegħlek tħoss li biex tkun popolari trid timxi mal-​moda. Colin, li għandu 17-​il sena, jgħid: “Ir-​reklami juru kif għandhom ikunu lebsin il-​ġuvintur, u juru kif dawn huma mdawrin bi tfajliet li għandhom grazzja magħhom. Iġiegħlu lil dak li jkun ikun irid imur jixtri dawk il-​ħwejjeġ. Jien ġieli għamiltu dan!”

    Aħseb dwar dan: Il-​mod kif tilbes int jikxef min int verament, jew sempliċement qed tilbes bħalma jilbes ħaddieħor? Min se jibbenefika l-​iktar meta toqgħod tonfoq il-​flus biex ikollok ħwejjeġ tad-​ditta u tal-​aħħar moda?

    Il-​Bibbja tgħid: “Tibqgħux magħġunin skond din is-​sistema.”—Rumani 12:2.

  • Jekk timita lill-​ġuvintur skont kif tpinġihom il-​midja, fir-​realtà t-​tfajliet jistgħu inqas jinġibdu lejk. Ikkunsidra ftit kummenti minn tfajliet:

    • “Ngħid għalija, nippreferi ġuvni li ma jipprovax ikun bħal ħaddieħor milli ġuvni li jaħseb li mhuwiex tajjeb biżżejjed u li jipprova jimpressjona lil oħrajn. Fir-​realtà, ġuvni li moħħu f’li jimpressjona lil oħrajn jispiċċa jaqaʼ għaċ-​ċajt!”—Anna.

    • “Ir-​riklami jġiegħlu lill-​ġuvintur iħossuhom li jrid ikollhom ċertu apparat elettroniku jew iridu jidhru ċertu mod biex it-​tfajliet jinġibdu lejhom. Imma, hekk kif it-​tfajliet jikbru, dawn l-​affarijiet ma jibqgħux jagħmlu bihom. Minflok, iktar jibda jinteressahom il-​kwalitajiet ġewwinin taʼ ġuvni u l-​mod taʼ kif jittratta lin-​nies. Pereżempju, it-​tfajliet togħġobhom meta ġuvni jkun onest u leali.”​—Danielle.

    • “Ħafna drabi, il-​‘ġuvni li jidher perfett’ ikun arroganti, u jien ma rridx inqattaʼ ħin maʼ xi ħadd bħal dan. Jistaʼ jkun l-​iktar ġuvni ħelu fid-​dinja, imma xejn ma jiġbidni jekk il-​personalità tiegħu ma tkunx sabiħa wkoll.”​—Diana.

    Aħseb dwar dan: Meta tiddeskrivi lil Samwel, l-​Iskrittura tgħid li baqaʼ “jikber u jingħoġob iktar, sew quddiem Ġeħova u sew quddiem il-​bnedmin.” (1 Samwel 2:26) Fuq liema kwalitajiet għandek bżonn taħdem biex ikollok din it-​tip taʼ reputazzjoni?

    Il-​Bibbja tgħid: “Kunu rġiel.”—1 Korintin 16:13.

Dak li tistaʼ tagħmel

  •   Taqbadx u taċċetta l-​istampa li tpinġi l-​midja. Innota din l-​istqarrija fil-​Bibbja: “Kulma hemm fid-​dinja—ix-​xewqa tal-​laħam u x-​xewqa taʼ l-​għajnejn u l-​iffanfrar bil-​mezzi tal-​ħajja—ma joriġinax mill-​Missier, imma mid-​dinja.”—1 Ġwanni 2:16.

    Il-​midja tipprofitta ruħha minn dawn ix-​xewqat u tpinġihom bħala xi ħaġa normali. Għalhekk, taqbadx u taċċetta dak li tara fil-​midja. Spiss dan ma jkun xejn ħlief xi ħaġa li vvintaw in-​negozjanti biex jagħmlu l-​flus minn fuq in-​nies.

  • Agħmel il-​miri tiegħek dwar it-​tip taʼ persuna li tixtieq tkun. Il-​Bibbja tgħid: “Ilbsu l-​personalità l-​ġdida, li permezz taʼ l-​għarfien eżatt qed tiġġedded skond ix-​xbieha taʼ Dak li ħalaqha”—u mhux skont ix-​xbieha li l-​midja tippromwovi.—Kolossin 3:10.

    Sabiex issegwi dan il-​parir, erġaʼ aħseb fil-​kwalitajiet li għażilt fil-​bidu tal-​artiklu, jiġifieri, il-​kwalitajiet li tixtieq li tkun magħruf għalihom. Għala ma tibdiex taħdem minn issa biex tiksibhom jew biex ittejjibhom?

  • Ammira u imita nies t’eżempju tajjeb. Il-​Bibbja tgħid: “Min qed jimxi maʼ l-​għorrief se jsir għaref.” (Proverbji 13:20) Liema rġiel fil-​ħajja tiegħek urew li huma għorrief? Tistaʼ ssib nies bħal dawn fil-​familja tiegħek, pereżempju missierek jew zijuk. Oħrajn jistgħu jkunu wħud li taf jew ħbieb li huma rġiel maturi. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova għandhom ħafna rġiel eżemplari fil-​kongregazzjoni Kristjana. Il-​Bibbja stess issemmi rġiel li tistaʼ tammira, fosthom Titu, li ħallew eżempju tajjeb biex iż-​żgħażagħ jimitaw.—Titu 2:3-​5.

    Suġġeriment: Uża l-​ktieb Imita l-​fidi tagħhom biex titgħallem dwar eżempji Bibliċi mill-​aħjar taʼ rġiel li tistaʼ timitahom, inkluż Abel, Noè, Abram, Samwel, Elija, Ġona, Ġużeppi, u Pietru.