Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

IŻ-​ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Huma r-regoli tad-dar verament bżonjużi?

Huma r-regoli tad-dar verament bżonjużi?

Hemm xi regola li qed issibha diffiċli biex tobdi? Dan l-​artiklu u l-​eżerċizzju taʼ miegħu se jgħinuk titkellem mal-​ġenituri dwarha.

 Il-​ħarsa t-​tajba lejn ir-​regoli

Idea żbaljata: Meta titlaq mid-​dar ħa teħles mir-​regoli darba għal dejjem.

Ir-​realtà: Ir-​regoli ma jispiċċawx meta titlaq mid-​dar. Xorta se jkollok tobdi lil xi ħadd​—forsi lill-​imgħallem, lil sid il-​kera, jew anke lill-​gvern. “Jien naħseb li ż-​żgħażagħ li ma jobdux ir-​regoli tad-​dar se jieħdu qatgħa kbira meta jmorru joqogħdu waħedhom,” tgħid Danielle, tfajla taʼ 19-​il sena.

Il-​Bibbja tgħid: Kun “ubbidjenti lejn il-​gvernijiet u l-​awtoritajiet.” (Titu 3:1) Li titgħallem kif tkampa mar-​regoli tal-​ġenituri huwa l-​aqwa taħriġ għal dak li se tiffaċċja fil-​ħajja bħala adult.

Dak li tistaʼ tagħmel: Tgħallem ara l-​pożittiv tar-​regoli. “Ir-​regoli tal-​ġenituri tiegħi vera għenuni nitgħallem kif nagħżel il-​ħbieb u kif inqassam il-​ħin,” jgħid ġuvni jismu Jeremy. “Ukoll, ir-​regoli għenuni biex ma naħlix ħafna ħin nara t-​televixin u nilgħab ħafna logħob elettroniku, u minħabba f’hekk kelli ċans nagħmel iktar affarijiet utli​—li xi ftit minnhom għadni nieħu gost nagħmilhom.”

 Kif l-​aħjar tagħmel dan

Imma xi ngħidu jekk regola tidher li ma tagħmilx sens? Pereżempju, tfajla jisimha Tamara tgħid: “Il-​ġenituri tiegħi ħallewni nsiefer f’pajjiż ieħor, imma mbagħad meta ġejt lura d-​dar, huma lanqas biss ħallewni nsuq lejn belt li hi biss 20 minuta ’l bogħod!”

Jekk qiegħed f’sitwazzjoni simili, taħseb li jkun ħażin li titkellem mal-​ġenituri tiegħek dwar ir-​regola? Lanqas xejn! L-​importanti hu li tkun taf meta u kif għandek titkellem magħhom.

Meta. “Huwa biss meta turi li int responsabbli, li se tkun tistaʼ tkellem lill-​ġenituri tiegħek biex ibiddlu xi ħaġa mir-​regola,” tgħid żagħżugħa jisimha Amanda.

Tifla jisimha Daria taqbel maʼ dan. “Ommi kkunsidrat tagħmel bdil fir-​regola meta rat li jien kont ubbidjenti b’mod konsistenti.” Ftakar, il-​fiduċja trid taħdem għaliha, ma tiġix waħedha.

Li tgħix ġo dar fejn ir-​regoli tal-​ġenituri ma jiġux obduti, ikun qisu qed tipprova tillandja ajruplan fejn ir-​regoli tat-​traffiku tal-​ajru mhumiex obduti.

Il-​Bibbja tgħid: “Osserva l-​kmandament taʼ missierek, u titlaqx il-​liġi t’ommok.” (Proverbji 6:20) Jekk dejjem tobdi din it-​twissija, int se tibni l-​fiduċja tal-​ġenituri tiegħek fik u se jkun iktar faċli għalik biex titkellem magħhom.

Kif. “Li turi rispett u żżomm kalm huwa dejjem l-​aħjar mod kif għandek tikkomunika mal-​ġenituri tiegħek flok teqred u tgħajjat,” jgħid żagħżugħ jismu Steven.

Daria, li semmejna qabel, taqbel maʼ dan. “Meta kont nargumenta m’ommi, xejn ma kien jinbidel,” tgħid hi. “Minflok, ġieli kienet tagħmel ir-​regola iktar iebsa.”

Il-​Bibbja tgħid: “L-​istupidu jisfoga r-​rabja għalkollox, imma l-​għaref iżomm kalm sa l-​aħħar.” (Proverbji 29:11) Meta titgħallem tikkontrolla lilek innifsek, se jkun taʼ benefiċċju kbir għalik, mhux biss fid-​dar imma anke l-​iskola, ix-​xogħol, u tkun fejn tkun.

Dak li tistaʼ tagħmel: Aħseb qabel titkellem. Reputazzjoni tajba malajr tistaʼ titlifha f’mument taʼ rabja. Mhux taʼ b’xejn li l-​Bibbja tgħid li “min idum biex jirrabja għandu ħafna dixxerniment.”—Proverbji 14:29.

Suġġeriment: Uża l-​eżerċizzju li hu disponibbli, biex tifhem ir-​regoli, u jekk ikun hemm bżonn, tkellem mal-​ġenituri tiegħek fuq dan is-​suġġett.