Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

X’Nagħmel Jekk Għandi Problema taʼ Saħħa?—L-1 Parti

X’Nagħmel Jekk Għandi Problema taʼ Saħħa?—L-1 Parti

Taf lil xi żagħżugħ li qed ibati minn problema serja taʼ saħħa? Għandek int xi marda jew diżabilità li żżommok milli tgawdi attivitajiet li oħrajn tamparek jieħdu sehem fihom?

Jekk inhu hekk, huwa naturali li xi kultant tħossok skuraġġit. Però, fil-Bibbja hemm żewġ ħsibijiet taʼ faraġ.

  • Il-Ħallieq tiegħek, Alla Ġeħova, jafha sew is-sitwazzjoni tiegħek. Iktar minn hekk, ‘hu jimpurtah minnek.’—1 Pietru 5:7.

  • L-iskop t’Alla Ġeħova hu li jfejjaq il-mard kollu. Tistaʼ taqra dwar dan fil-Bibbja tiegħek f’Isaija 33:24 u Rivelazzjoni 21:1-4.

Għadd kbir taʼ żgħażagħ li jħabbtu wiċċhom maʼ sfidi taʼ problemi taʼ saħħa sabu li l-fidi f’Alla u fil-wegħdi tiegħu ssaħħaħhom. Ikkunsidra erbaʼ eżempji.

 YEIMY

Sakemm kelli 11-il sena, diġà kelli bżonn siġġu tar-roti. M’iniex kapaċi nagħmel affarijiet sempliċi; pereżempju lanqas nistaʼ saħansitra nerfaʼ affarijiet ħfief.

Taʼ ħames snin, sabu li kelli d-distrofija muskolari, marda li tmur mill-ħażin għall-agħar u tillimita dak li nistaʼ nagħmel. Xi kultant inħossni skuraġġita għax ma nistax nagħmel l-affarijiet li jistgħu jagħmlu oħrajn tampari. Imma l-ġenituri tiegħi u l-membri tal-kongregazzjoni li qiegħda fiha jagħtuni appoġġ fiżiku, emozzjonali, u spiritwali. Jien nipprietka full-time, u sħabi l-Kristjani spiss jiġu miegħi meta mmur nistudja l-Bibbja maʼ wħud interessati.

Ġesù qal li kull ġurnata jkollha l-ansjetajiet tagħha. (Mattew 6:34) Għalhekk, ma noqgħodx ninkwieta dwar x’se jiġri għada u nagħmel miri realistiċi li nistaʼ nilħaqhom. Inħares ’il quddiem lejn id-dinja l-ġdida t’Alla fejn ikolli “l-ħajja vera,” ħielsa minn din il-marda qerrieda.—1 Timotju 6:19.

Aħseb dwar dan: Yeimy ssibha t’għajnuna tagħmel “miri realistiċi.” Kif tistaʼ tagħmel bħalha inti?—1 Korintin 9:26.

 MATTEO

Meta kelli sitt snin dahri beda juġagħni, u għall-bidu t-tobba qalu li kien tal-iżvilupp. Però, sena wara, sabu li kien trabbieli tumur mas-sinsla taʼ dahri.

Għamilt operazzjoni, imma l-kirurgu setaʼ jneħħi biss xi 40 fil-mija mit-tumur. Imbagħad, fi żmien xahrejn, it-tumur reġaʼ sar daqs li kien! Minn dak iż-żmien ’il quddiem, saruli ħafna testijiet, ħafna trattamenti, u kelli ħafna diżappunti.

Xi drabi, minħabba t-tumur inħoss uġigħ bħal daqqiet taʼ sikkina kullimkien, imma l-iktar f’dahri u f’sidri. Xorta waħda, nipprova ma nkunx moħħi biss fis-sitwazzjoni tiegħi. Infakkar lili nnifsi li oħrajn ukoll kellhom jissaportu ċirkustanzi diffiċli; madankollu huma baqgħu pożittivi. L-ikbar għajnuna biex inżomm attitudni pożittiva hi ċ-ċertezza li se jasal il-jum meta Ġeħova se jwettaq il-wegħda tiegħu biex itemm it-tbatija kollha.—Rivelazzjoni 21:4

Aħseb dwar dan: Li taħseb dwar il-wegħda t’Alla biex itemm it-tbatija, kif jistaʼ jgħinek tissaporti bħalma għen lil Matteo?—Isaija 65:17.

 BRUNA

Peress li ma nidhirx marida, xi nies forsi jaħsbu li jiena għażżiena. Madankollu, fir-realtà kollox jistaʼ jkun diffiċli għalija, inkluż il-faċendi, l-istudju, u saħansitra li nqum mis-sodda.

Meta kelli 16-il sena sabuli l-isklerożi multipla, marda progressiva li tixroblok saħħtek. Din mhux biss effettwatli l-abbiltà biex naħdem imma wkoll li nieħu sehem f’attivitajiet Kristjani daqs kemm nixtieq. Kemm-il darba naqra l-1 Pietru 5:7 li jgħid: ‘Itfgħu l-ansjetà kollha tagħkom fuq Alla, għax hu jimpurtah minnkom.’ Kemm isaħħaħni l-ħsieb li Ġeħova jieħu ħsiebna individwalment!

Aħseb dwar dan: Kif tistaʼ tibbenefika milli titfaʼ l-ansjetà tiegħek fuq Ġeħova, bħalma tagħmel Bruna?—Salm 55:22.

 ANDRÉ

Xi nies jittrattawni taʼ tifel t’10 snin. Però ma nagħtihomx tort; wara kollox hekk nidher.

Taʼ sentejn sabuli tip rari taʼ kanċer li beda fis-sinsla taʼ dahri u mbagħad wasal sal-moħħ. It-tobba rnexxielhom jikkontrollawh, imma l-kura effettwatli l-iżvilupp. Illum kulma fini 1.37 metru (4 piedi u 6 pulzieri). Ħafna nies jaħsbu li qed nigdeb meta ngħidilhom li għandi 18-il sena!

Fil-kongregazzjoni Kristjana jittrattawni b’dinjità. Ma jwaqqgħunix għaċ-ċajt bħalma kienu jagħmluli t-tfal li kont immur l-iskola magħhom. Nipprova nżomm ħarsa pożittiva lejn is-sitwazzjoni li qiegħed fiha. Fir-realtà, ġratli l-aqwa ħaġa li wieħed jistaʼ jiġrilu—sirt naf lil Ġeħova! Jiġri x’jiġri, jien ċert li Ġeħova se jieħu ħsiebi. Li naħseb dwar id-dinja l-ġdida meraviljuża li wiegħed Ġeħova jgħinni nżomm attitudni pożittiva.—Isaija 33:24.

Aħseb dwar dan: Bħalma jgħid André, li ssir taf lil Ġeħova kif inhi “l-aqwa ħaġa li wieħed jistaʼ jiġrilu”?—Ġwanni 17:3.