Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

IŻ-​ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Kif nistaʼ nkampa maʼ traġedja?

Kif nistaʼ nkampa maʼ traġedja?

Kulħadd jistaʼ jgħaddi minn traġedja. “Il-​ħfief mhux dejjem jirbħu t-​tiġrija, u lanqas is-​setgħanin ma jirbħu dejjem il-​battalja,” tgħid il-​Bibbja. “Ġrajjiet mhux mistennijin jiġu fuq kulħadd.” (Ekkleżjasti 9:11) Fosthom hemm xi żgħażagħ li ffaċċjaw traġedji. Kif kampaw magħhom? Ejja naraw żewġ eżempji.

 REBEKAH

Il-​ġenituri tiegħi ddivorzjaw meta kelli 14-​il sena.

Ma stajtx inniżżilha li l-​ġenituri tiegħi kienu qed jiddivorzjaw, u bdejt naħseb li missieri sempliċement kellu bżonn ftit ħin waħdu. Hu kien iħobbha lil ommi, allura għala ried jitlaqha? Għala ried jitlaq lili?

Kont insibha bi tqila biex nitkellem maʼ xi ħadd dwar dak li kien qed jiġri. Ma ridtx naħseb dwarha. Kont irrabjata, għalkemm dak iż-​żmien ma ndunajtx b’dan. Bdejt inkun ansjuża, u nsibha diffiċli biex norqod.

Meta kelli 19-​il sena, ommi mietet bil-​kanċer. Hi kienet l-​aqwa ħabiba tiegħi.

Id-​divorzju tal-​ġenituri tiegħi ħasadni, imma l-​mewt t’ommi kienet daqqa taʼ ħarta kbira. Għadni ma rkuprajtx għalkollox minnha. Sibtha saħansitra iktar diffiċli biex norqod, u għadni nħossni ansjuża.

Fl-​istess ħin, jien sibt diversi affarijiet li huma t’għajnuna. Pereżempju, Proverbji 18:1 iwissina biex ma ninqatgħux għalina waħedna, allura nipprova napplika dan il-​parir.

Ukoll, bħala waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, nipprova naqra l-​pubblikazzjonijiet tagħna li huma inkuraġġanti u bbażati fuq il-​Bibbja. Ktieb li għenni matul iż-​żmien li l-​ġenituri tiegħi kienu qed jiddivorzjaw kien Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu—Tweġibiet Prattiċi għall-​Mistoqsijiet Tagħhom. B’mod partikulari niftakarni naqra l-​kapitlu fit-​2 Volum bit-​titlu “Can I Be Happy in a Single-​Parent Family?”

Waħda mill-​iskritturi favoriti tiegħi biex inkampa mal-​ansjetà hi Mattew 6:​25-​34. Fil-​vers 27, Ġesù staqsa: “Min minnkom billi jkun ansjuż jistaʼ jtawwal għomru mqar bi ftit?”

Ilkoll se ngħaddu minn affarijiet koroh, imma mill-​eżempju t’ommi tgħallimt li l-​mod kif inkampaw maʼ dawn il-​provi hu importanti. Hi għaddiet minn ħafna—divorzju u mbagħad marda terminali—imma minkejja dan hi żammet attitudni pożittiva, u l-​fidi tagħha f’Alla baqgħet b’saħħitha sal-​aħħar. Qatt mhu se ninsa l-​affarijiet li għallmitni dwar Ġeħova.

Aħseb dwar dan: Il-​fatt li taqra l-​Bibbja u pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja, kif jistaʼ jgħinek tkampa maʼ traġedja?​—⁠Salm 94:19.

 CORDELL

Meta kelli 17-​il sena, rajt lil missieri jieħu l-​aħħar nifs taʼ ħajtu. It-​telfa tiegħu kienet l-​agħar ħaġa li qatt ġrat f’ħajti. Kont imdejjaq ħafna.

Ma ridtx nemmen li missieri kien verament miet, u li kien hu mgħotti taħt il-​liżar. Bejni u bejn ruħi bdejt naħseb, ‘Għada jqum.’ Ħassejtni mdejjaq ħafna u mitluf.

Jien u l-​familja tiegħi Xhieda taʼ Ġeħova, u l-​membri tal-​kongregazzjoni tagħna tgħidx kemm appoġġawna meta miet missieri. Huma temgħuna, offrew li joqogħdu magħna, u baqgħu qrib tagħna—u dan ma kienx biss għall-​ewwel. Għalija l-​appoġġ tagħhom kien prova li x-​Xhieda taʼ Ġeħova huma Kristjani ġenwini.—Ġwanni 13:35.

Skrittura li veru inkuraġġietni kienet it-​2 Korintin 4:17, 18. Din tgħid: “Għalkemm it-​tribulazzjoni hi mumentanja u ħafifa, iġġibilna glorja taʼ kobor bla qjies li hi għal dejjem; waqt li ma nżommux għajnejna fuq l-​affarijiet li jidhru, imma fuq dawk li ma jidhrux. Għax dawk li jidhru huma temporanji, imma dawk li ma jidhrux huma għal dejjem.”

Dan l-​aħħar vers ħalla effett qawwi fuqi. It-​tbatija taʼ missieri kienet temporanja, imma dak li wiegħed Alla għall-​futur hu dejjiemi. Il-​mewt taʼ missieri tatni l-​opportunità biex nirrifletti fuq kif kont qed nuża ħajti u biex naġġusta l-​miri tiegħi.

Aħseb dwar dan: Traġedja persunali kif tistaʼ tgħinek terġaʼ tikkunsidra l-​miri tiegħek?​—⁠1 Ġwanni 2:17.