Il-​Bibbja mhijiex kontra li wieħed jixrob l-​alkoħol bil-​moderazzjoni sakemm dan ma jkunx kontra l-​liġi. Madankollu, il-​Bibbja ma tippermettix li wieħed jisker.—Salm 104:15; 1 Korintin 6:10.

Imma xi ngħidu jekk tiġi sforzat tixrob meta taf li l-​liġi jew il-​ġenituri tiegħek ma jħallukx?

 Aħseb dwar x’jistaʼ jiġri wara li tixrob

Xi wħud minn sħabek forsi jħossu li biex tieħu pjaċir trid tixrob. Imma x’jistaʼ jiġri wara li tixrob?

  • Problemi legali. Kull pajjiż għandu l-​liġijiet tiegħu dwar ix-​xorb alkoħoliku. Jekk tixrob l-​alkoħol meta mhux legali li tagħmel dan, tistaʼ teħel multa, tiġi akkużat li ksirt il-​liġi, titlef il-​liċenzja tas-​sewqan, tiġi mġiegħel tagħmel xogħol fil-​komunità, jew saħansitra teħel il-​ħabs.—Rumani 13:3.

  • Tħassar ir-​reputazzjoni tiegħek. L-​alkoħol inaqqaslek il-​biżaʼ u l-​mistħija, u ma jħallikx taġixxi normali. Meta tkun taħt l-​effett tiegħu, int tistaʼ tgħid jew tagħmel affarijiet li wara jiddispjaċik. (Proverbji 23:31-​33) Illum, bis-​social media, dak li tagħmel jistaʼ jeffettwa r-​reputazzjoni tiegħek għal żmien twil.

  • Ma jkollokx kontroll fuqek innifsek. L-​alkoħol jistaʼ faċilment iwasslek biex tkun vittma t’abbuż fiżiku jew sesswali. Bl-​alkoħol faċli tiġi influwenzat minn ħaddieħor, li dan jistaʼ jwassal biex taġixxi b’mod perikoluż jew illegali.

  • Iwassal għall-​vizzju. Ir-​riċerka turi li iktar ma tibda tixrob minn età żgħira, iktar hemm ċans li ma tkunx tistaʼ tgħaddi mingħajru. Li tixrob biex tkampa mal-​istress, jew għax tħossok waħdek, jew għax ma ssib xejn interessanti biex timla l-​ħin, se jwassal għall-​vizzju li maż-​żmien jistaʼ jkun iktar u iktar diffiċli biex toħroġ minnu.

  • Mewt. F’sena reċenti, fl-​Istati Uniti, is-​sewqan taħt l-​effett tal-​alkoħol ikkaġuna l-​mewt taʼ persuna kull 52 minuta. Matul perijodu taʼ ħames snin, kull sena, iktar minn 1,500 persuna taħt il-​21 sena mietu f’inċidenti tat-​traffiku minħabba l-​alkoħol. Anki jekk int ma tkunx xrobt alkoħol, tkun qed tieħu riskju kbir jekk taċċetta li tirkeb maʼ xi ħadd li kien qed jixrob.

 Kun determinat

Int tistaʼ tevita konsegwenzi perikolużi minħabba x-​xorb u li jkollok tħallas qares għalihom, jekk tiddeċiedi minn qabel x’se tagħmel.

Prinċipju mill-​Bibbja jgħid: “Min hu prudenti jara l-​gwaj u jinħeba.” (Proverbji 22:3) Mhux għaqli li tixrob qabel issuq jew qabel tagħmel xi ħaġa oħra li jkollok bżonn tikkonċentra sew fuqha.

Determinat li: ‘Jekk nagħżel li nixrob l-​alkoħol, dan nagħmlu biss meta hu legali u meta ċ-​ċirkustanzi jippermettu.’

Prinċipju mill-​Bibbja jgħid: “Tkunu lsiera tiegħu għax tobduh.” (Rumani 6:16) Jekk tixrob għax sempliċiment sħabek qed jixorbu, tkun qed tħalli ’l ħaddieħor jikkontrollak. Jekk tixrob biex tnaqqas id-​dwejjaq jew biex tkampa mal-​istress, int ma tkunx qed tiżviluppa l-​abbiltajiet li għandek bżonn biex tittratta mal-​problemi tiegħek.

Determinat li: ‘Mhux se nħalli lil sħabi jġegħluni nixrob.’

Prinċipju mill-​Bibbja jgħid: “Tkunx fost dawk li jixorbu ħafna.” (Proverbji 23:20) Kumpanija ħażina tistaʼ ddgħajjef id-​determinazzjoni tiegħek. Tkun qed tpoġġi lilek innifsek f’periklu jekk tkun ma’ min jagħmel użu ħażin mill-​alkoħol.

Determinat li: ‘Mhux se nassoċja mill-​qrib maʼ min jagħmel użu ħażin mill-​alkoħol.’