Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

IŻ-​ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Kif nista’ nittratta mal-iżbalji tiegħi?

Kif nista’ nittratta mal-iżbalji tiegħi?

 Int kieku x’tagħmel?

Aqra dak li ġara lil Karina, u immaġina li qed jiġri lilek. Int kieku x’tagħmel fis-​sitwazzjoni tagħha?

Karina: “Jien u sejra l-​iskola kont qed insuq ħafna, allura waqqafni pulizija u qlajt ċitazzjoni. Kemm għamilt dwejjaq! Għedt lil ommi, u hi qaltli li kelli ngħid lil missieri​—xi ħaġa li ma ridtx nagħmilha.”

Int kieku x’tagħmel?

  1. Għażla A: Ma tgħid xejn, u tittama li missierek qatt ma jsir jaf.

  2. Għażla B: Tgħid lil missierek eżatt x’ġara.

Għandek mnejn titħajjar tagħżel l-​ewwel waħda. Wara kollox, ommok forsi tassumi li int mort għand missierek u għedtlu b’kollox. Imma hemm raġunijiet tajbin għala għandek tistqarr l-​iżbalji tiegħek​—kemm jekk jinvolvu xi ċitazzjoni u kemm jekk xi ħaġa oħra.

 Tliet raġunijiet għala għandek tammetti l-​iżbalji tiegħek

  1. 1. Għax hekk hu xieraq. Rigward kif il-​Kristjani għandhom iġibu ruħhom, il-​Bibbja tgħid: “Nixtiequ nġibu ruħna bl-​onestà f’kollox.”​—Ebrej 13:18.

    “Jien nistinka ħafna biex inkun onesta u biex inkun responsabbli għall-​azzjonijiet tiegħi​—u biex nammetti l-​iżbalji tiegħi mill-​ewwel.”​—Alexis.

  2. 2. Għax in-​nies huma iktar lesti li jaħfru lil dawk li jammettu l-​iżbalji tagħhom. Il-​Bibbja tgħid: “Min jgħatti n-​nuqqasijiet tiegħu m’huwiex se jirnexxi, imma min jistqarrhom u jitlaqhom jintwera ħniena.”​—Proverbji 28:13.

    “Trid il-​kuraġġ biex tammetti xi żball, imma dan hu mod kif tirbaħ il-​fiduċja t’oħrajn. Huma jaraw li int onest. Billi tammetti xi żball, tbiddel xi ħaġa ħażina f’xi ħaġa tajba.”​—Richard.

  3. 3. L-​iktar importanti, għax tkun qed togħġob lil Alla Ġeħova. Il-​Bibbja tgħid: “Il-​qarrieq huwa mistkerrah minn Ġeħova, imma Hu għandu relazzjoni intima mar-​retti.”​—Proverbji 3:32.

    “Wara li għamilt żball serju, bdejt nirrealizza li kelli bżonn immur u nammetti l-​iżball. Ġeħova ma setax iberikni jekk ma kontx qed nagħmel l-​affarijiet kif irid hu.”​—Rachel.

Allura Karina kif ittrattat mal-​iżball tagħha? Hi pprovat taħbi ċ-​ċitazzjoni minn missierha. Imma ma setgħetx iżżommha moħbija għal dejjem. Karina tgħid: “Madwar sena wara, missieri kien qed iħares lejn id-​dokumenti tagħna tal-​assikurazzjoni u nnota li fuq ismi kien hemm ċitazzjoni. Kemm ġejt f’inkwiet​—anki ommi kienet irrabjata li ma kontx għamilt kif qaltli!”

It-​tagħlima: Karina tgħid: “Jekk tipprova taħbi xi żball tkun biss qed tiggrava s-​sitwazzjoni. Xorta jkollok tpatti għalih iktar ’il quddiem!”

 Kif tistaʼ titgħallem mill-​iżbalji tiegħek

Kulħadd jiżbalja. (Rumani 3:23; 1 Ġwanni 1:8) U bħalma rajna, huwa sinjal t’umiltà u maturità meta nammettuhom​—u meta dan nagħmluh mill-​ewwel.

Il-​pass li jmiss hu li titgħallem mill-​iżbalji tiegħek. Sfortunatament, xi żgħażagħ jitilfu din l-​opportunità! Forsi jħossuhom kif kienet tħossha adoloxxenti jisimha Priscilla. Hi tgħid: “Qabel kont inħossni skuraġġita ħafna minħabba l-​iżbalji tiegħi. Kelli opinjoni baxxa tiegħi nnifsi, u allura l-​iżbalji tiegħi kont inħosshom bħal toqol enormi li ma stajtx inġorru. Kont inħoss li ma nistax inkampa u li kont bla tama.”

Int ġieli tħossok hekk? Jekk iva, ftakar f’dan: Meta toqgħod thewden dwar żbalji li għamilt fil-​passat tkun bħallikieku qed issuq karozza u fl-​istess ħin qed tħares fil-​mera biex tara wara. Jekk tiffoka fuq il-​passat se tħossok li ma tiswa għalxejn u mhux se jkollok saħħa biex tiffaċċja l-​provi li ġejjin.

Minflok, għala ma jkollokx ħarsa iktar bilanċjata?

“Ħares lura lejn l-​iżbalji tiegħek, u tgħallem minnhom ħalli ma terġax tirripetihom. Imma thewdinx tant fuqhom li tispiċċa tħossok dipress.”​—Elliot.

“Jien nipprova nitgħallem mill-​iżbalji tiegħi. . . . Dan nagħmlu biex nipprova nsir persuna aħjar u biex darb’oħra nittratta s-​sitwazzjoni b’mod differenti. Ikun aħjar meta tirraġuna hekk għax tkun tistaʼ timmatura.”​—Vera.