Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Għandi Nitlaq mill-Iskola?

Għandi Nitlaq mill-Iskola?

Għandek bżonn taħseb fuq dan li ġej

X’inhu l-ammont minimu taʼ snin t’edukazzjoni li titlob il-liġi taʼ fejn toqgħod int? Wasalt int sa dan il-livell? Jekk tinjora l-parir tal-Bibbja biex tkun ‘sottomess lejn l-awtoritajiet superjuri’ u twaqqaf l-edukazzjoni tiegħek qabel ma tkun ilħaqt dan il-livell, tkun qed titlaq mill-iskola.—Rumani 13:1.

Ilħaqthom il-miri tiegħek fl-edukazzjoni? Liema miri trid li l-edukazzjoni tiegħek tgħinek tilħaq? M’intix ċert? Jeħtieġ tkun taf! Inkella tkun bħal passiġġier fuq ferrovija li m’għandux l-iċken ħjiel taʼ fejn irid imur. Mela poġġi bilqiegħda mal-ġenituri tiegħek u ddiskutu s-sezzjoni t’hawn taħt bit-titlu “ Il-Miri Tiegħi fl-Edukazzjoni.” Jekk twaqqaf l-edukazzjoni tiegħek qabel ma tkun ilħaqt il-miri fl-edukazzjoni li int u l-ġenituri tiegħek tkunu qbiltu fuqhom, int tkun qed titlaq mill-iskola.

Meta titlaq mill-iskola jkun bħallikieku qed taqbeż minn ferrovija qabel ma tkun wasalt fid-destinazzjoni tiegħek

X’raġunijiet għandek biex titlaq mill-iskola? Ftit mill-possibbiltajiet jistgħu jkunu biex tgħin lill-familja tiegħek finanzjarjament jew biex tieħu sehem f’xogħol volontarju. Xi raġunijiet egoistiċi jistgħu jkunu biex tevita t-testijiet jew biex tevita l-ħowmwerk. L-isfida hi li tagħraf liema hi r-raġuni primarja tiegħek—u jekk hijiex valida jew egoistika. Jekk titlaq mill-iskola sempliċement biex tevita l-problemi, hemm realtà ħarxa tistenniek!

Meta titlaq mill-iskola jkun bħallikieku qed taqbeż minn ferrovija qabel ma tkun wasalt fid-destinazzjoni tiegħek. Jistaʼ jkun li l-ferrovija tkun skomda, u l-passiġġieri forsi ma jkunux dħulin, iżda jekk taqbeż mill-ferrovija, ovvjament ma tasalx fid-destinazzjoni tiegħek u x’aktarx li tweġġaʼ serjament. Bl-istess mod, jekk titlaq mill-iskola x’aktarx li se tkun iktar diffiċli biex issib xogħol. U jekk issib xogħol, x’aktarx li jkun b’inqas paga minn xogħol li ssib kieku tkun komplejt l-iskola.

Mela minflok ma titlaq mill-iskola, ipprova solvi l-problemi li tiffaċċja fl-iskola bil-paċenzja kollha. Jekk tagħmel dan, se tiżviluppa s-sabar u se tkun iktar lest biex tiffaċċja sfidi simili fix-xogħol.

 Il-Miri Tiegħi fl-Edukazzjoni

Wieħed mill-iktar għanijiet importanti li għandha l-edukazzjoni hu li tħejjik biex issib xogħol li se jgħinek tmantni lilek innifsek u lill-familja li forsi tibni fil-futur. (2 Tessalonikin 3:10, 12) Iddeċidejt x’tip taʼ xogħol trid u kif iż-żmien tal-iskola jistaʼ jgħinek tħejji ruħek għal dan ix-xogħol? Sabiex tiġi megħjun tara jekk l-edukazzjoni li qed tieħu hijiex qed tmexxik fid-direzzjoni t-tajba, wieġeb dawn il-mistoqsijiet:

  • X’abbiltajiet għandi? (Pereżempju, taf tingwalaha man-nies? Tieħu pjaċir tagħmel xogħol manwali, toħloq affarijiet ġodda, jew issewwi l-affarijiet? Tinqalaʼ int biex tanalizza u ssolvi l-problemi?)

  • Liema impjiegi se jippermettuli nuża l-abbiltajiet li għandi?

  • Liema opportunitajiet taʼ impjieg huma disponibbli fejn ngħix jien?

  • Liema suġġetti li għandi bħalissa se jħejjuni għad-dinja tax-xogħol?

  • Liema għażliet li għandi bħalissa fl-edukazzjoni se jgħinuni nilħaq il-miri tiegħi b’iktar effiċjenza?

Ftakar li l-mira tiegħek hi li tispiċċa l-iskola b’edukazzjoni li tistaʼ tpoġġiha fil-prattika. Mela tmurx fl-estrem l-ieħor u tibqaʼ tistudja bla waqfien, u b’hekk tibqaʼ “fuq il-ferrovija” b’mod indefinit sempliċement biex taħrab mir-responsabbiltajiet li jkollok bħala adult.