Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

IŻ-​ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Kif nistaʼ ningwalaha mal-ġenituri tiegħi?

Kif nistaʼ ningwalaha mal-ġenituri tiegħi?

 Kwizz

  • Maʼ liema ġenitur x’aktarx li se targumenta?

    • Missieri

    • Ommi

  • Kemm-​il darba jkollok xi tgħid maʼ dan il-​ġenitur?

    • Rari

    • Xi kultant

    • Spiss

  • In-​nuqqas taʼ qbil tagħkom kemm ikun serju?

    • Jitranġa malajr u bil-​kwiet.

    • Jitranġa imma biss wara ħafna argumenti.

    • Ma jitranġax—lanqas wara ħafna argumenti.

Jekk donnok ma tistax tingwalaha mal-​ġenituri tiegħek, għandek mnejn taħseb li huma għandhom jagħmlu xi ħaġa biex itejbu s-​sitwazzjoni. Madankollu, kif se naraw, hemm passi li int tistaʼ tieħu biex tnaqqas in-​nuqqas taʼ qbil u biex ma jkunx daqshekk serju. L-​ewwel, ikkunsidra . . .

 Għala jkun hemm nuqqas taʼ qbil

  • L-​abbiltà tal-​ħsieb. Hekk kif tikber, int se tibda taħseb iktar fil-​fond minn meta kont għadek tifel. Int jibda jkollok ukoll opinjonijiet sodi—li ftit minnhom forsi ma jaqblux maʼ dawk tal-​ġenituri tiegħek. Minkejja dan, il-​Bibbja tgħid: “Onora lil missierek u lil ommok.”—Eżodu 20:12.

    Fatt tal-​ħajja: Hemm bżonn il-​maturità u t-​tattika biex meta ma taqbilx maʼ xi ħaġa ma targumentax.

  • L-​indipendenza. Hekk kif timmatura, x’aktarx li l-​ġenituri tiegħek se jagħtuk iktar libertà. Imma l-​problema tistaʼ tkun li ma tingħatax libertà daqskemm tixtieq jew malajr kemm tkun tridha int—u dan jistaʼ jwassal għal nuqqas taʼ qbil. Minkejja dan, il-​Bibbja tgħid: “Obdu lill-​ġenituri tagħkom.”—Efesin 6:1.

    Fatt tal-​ħajja: Ħafna drabi, kemm tingħata libertà mill-​ġenituri tiegħek jiddependi minn kif diġà tuża l-​libertà li għandek.

 Dak li tistaʼ tagħmel

  • Iffoka fuq l-​irwol tiegħek. Minflok ma tagħti t-​tort kollu lill-​ġenituri tiegħek meta ma taqblux, aħseb dwar dak li tistaʼ tagħmel int biex ikun hemm il-​paċi. “Ħafna drabi mhuwiex dak li jgħidu l-​ġenituri li jkabbar l-​argument imma l-​mod kif int twiġibhom lura,” jgħid żagħżugħ jismu Jeffrey. “Li titkellem bil-​kalma se jgħin ħafna biex jitranġaw l-​affarijiet.”

    Il-​Bibbja tgħid: ‘Sakemm jiddependi minnek, żomm il-​paċi.’—Rumani 12:18.

  • Agħti widen. “Din il-​ħaġa nsibha diffiċli ħafna biex nagħmilha,” tammetti Samantha li għandha 17-​il sena. “Imma rrealizzajt li meta l-​ġenituri jaraw li qed tagħtihom widen hemm iktar ċans li mbagħad huma joqogħdu jisimgħu lilek.”

    Il-​Bibbja tgħid: ‘Kun ħafif biex tismaʼ, tqil biex titkellem.’—Ġakbu 1:19.

    In-nuqqas taʼ qbil jistaʼ jitqabbel man-nar—jekk ma noqogħdux attenti, ikun diffiċli biex nikkontrollawh

  • Aħseb bħalma jaħsbu f’team. Iffaċċja l-​problema bħalma kieku tagħmel waqt li tkun f’xi logħba, bħal logħba tenis. Poġġi l-​kwistjoni—u mhux lill-​ġenituri tiegħek—in-​naħa l-​oħra tax-​xibka. “F’argument, il-​ġenituri jkunu jridu dak li jaħsbu li hu l-​aħjar għat-​tifel tagħhom, u t-​tifel ikun irid dak li jaħseb li hu l-​aħjar għalih,” jgħid żagħżugħ jismu Adam. “Allura, suppost, huma qed jaħdmu għall-​istess għan.”

    Il-​Bibbja tgħid: ‘Iġri wara l-​affarijiet li jġibu l-​paċi.’—Rumani 14:19.

  • Ipprova ifhem. “Insibha t’għajnuna li niftakar li l-​ġenituri jkollhom jiffaċċjaw il-​problemi tagħhom ukoll, li spiss ikunu diffiċli daqs tagħna,” tgħid żagħżugħa jisimha Sarah. Tfajla jisimha Carla saħansitra tgħid: “Jien nipprova npoġġi lili nnifsi fiż-​żarbun tal-​ġenituri tiegħi.” Hi żżid tgħid: “X’kont nagħmel jien kieku kont qed inrabbi t-​tfal u niffaċċja l-​istess sitwazzjoni? Xi jkun l-​aħjar għat-​tfal tiegħi?”

    Il-​Bibbja tgħid: ‘Tfittixx l-​interessi persunali tiegħek biss, imma wkoll l-​interessi persunali taʼ l-​oħrajn.”—Filippin 2:4.

  • Obdi. Fl-​aħħar mill-​aħħar, il-​Bibbja hekk tgħidlek li għandek tagħmel. (Kolossin 3:20) U l-​affarijiet ħa jkunu ħafna eħfef meta tagħmel li jgħidulek. “Ikolli inqas stress f’ħajti meta naqbad u nagħmel dak li jgħiduli l-​ġenituri tiegħi,” tgħid żagħżugħa jisimha Karen. “Diġà għamlu ħafna sagrifiċċji għalija, allura din mhix ħaġa kbira biex nagħmilha.” Li tobdi hi l-​aħjar soluzzjoni għan-​nuqqas taʼ qbil!

    Il-​Bibbja tgħid: “Fejn m’hemmx ħatab in-​nar jintefa.”—Proverbji 26:20.

Suġġeriment. Jekk issibha diffiċli biex tikkomunika, ipprova ikteb il-​ħsibijiet tiegħek f’ittra jew messaġġ. “Jien nagħmel hekk meta ma tantx inkun f’burdata tajba u ma jkollix aptit nitkellem,” tgħid żagħżugħa jisimha Alyssa. “Dan jgħinni nesprimi dak li jkun hemm f’qalbi mingħajr ma ngħajjat jew ngħid xi ħaġa li wara jiddispjaċini.”