Il-Bibbja tagħti l-parir biex inkunu ‘moderati fi drawwietna.’ (1 Timotju 3:2) Dan jgħodd ukoll fejn jidħlu d-drawwiet tiegħek tal-ikel. Allura għala ma tipprovax dan li ġej?

Kul kemm suppost. Kont noqgħod ngħodd il-kaloriji, iżda issa sempliċement nieqaf niekol meta nħoss li nkun xbajt,” tgħid Julia, li għandha 19-il sena.

Evita ikel mhux sustanzjuż. Peress li qtajt il-luminati nqast 5 kilogrammi f’xahar wieħed biss!” jgħid Peter, li għandu 21 sena.

Biddel id-drawwiet ħżiena tal-ikel. Niekol biss l-ikel li jkolli fil-platt u nipprova ma nerġax nieħu,” tgħid Erin, li għandha 19-il sena.

Is-Sigriet għas-Suċċess: Kul l-ikliet kollha li suppost tiekol! Jekk ma tagħmilx hekk, tħossok mejjet bil-ġuħ u jkollok it-tendenza li tiffanga.

Naturalment, xi wħud li jgħidu “Għandi bżonn nikkontrolla l-piż tiegħi” għandhom ħarsa mċajpra taʼ ġisimhom. Iħossuhom tajbin kif inhuma. Imma xi ngħidu jekk verament għandek bżonn tonqos xi ftit? Ara x’għamlet tfajla jisimha Catherine.

“Meta kont għadni adoloxxenti, spiċċajt niżen iktar milli suppost. Din kienet xi ħaġa li qatt ma ridtha tiġri. Veru kont imdejqa bil-mod kif kont nidher u nħossni!

“Minn żmien għal żmien, kont nipprova nnaqqas il-piż billi nagħmel xi dieta speċjali, iżda dejjem kont nerġaʼ lura għal li kont. Għalhekk, meta kelli 15-il sena ddeċidejt li kelli bżonn nagħmel xi bidliet f’ħajti. Ridt innaqqas il-piż bl-aħjar mod—mod li stajt inżomm għal ħajti kollha.

“Xtrajt ktieb dwar in-nutrizzjoni bażika u l-prinċipji tal-eżerċizzju, u dak li qrajt applikajtu f’ħajti. Kont determinata li ma naqtax qalbi, anki jekk inwaqqaf id-dieta u l-eżerċizzju tiegħi għal ftit żmien, jew niskuraġġixxi ruħi.

“U taf xiex? Irnexxieli! Fi żmien sena nqast 25 kilo. Żammejt dan il-piż għal sentejn. Qatt ma kont naħseb li dan kien possibbli!

“Naħseb li r-raġuni għala rnexxieli kienet li ma kontx sempliċement fuq dieta—għamilt bidla fl-istil taʼ ħajja tiegħi.”—Catherine, 18-il sena.