Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Niffissa Jien fuq id-Dehra Tiegħi?

Niffissa Jien fuq id-Dehra Tiegħi?

 Kwizz: Iffissat jien?

  1. Liema stqarrija tiddeskrivi l-aħjar kif tħossok?

    • Qatt ma jien sodisfatt bid-dehra tiegħi.

    • Kultant inkun sodisfatt bid-dehra tiegħi.

    • Dejjem sodisfatt bid-dehra tiegħi.

  2. X’tixtieq tbiddel l-iktar dwar ġismek?

    • It-tul

    • Il-piż

    • Il-forma tal-ġisem

    • Ix-xagħar

    • Id-dehra tal-ġilda

    • Id-daqs tal-muskoli

    • Xi ħaġa oħra

  3. Kompli din is-sentenza.

    Inħossni l-inqas kunfidenti dwar ġismi . . .

    • meta nitlaʼ fuq il-miżien.

    • meta nħares fil-mera.

    • meta nqabbel lili nnifsi m’oħrajn (ħbieb, mudelli, stilel tal-films).

  4. Kompli din is-sentenza.

    Nintiżen . . .

    • kuljum.

    • kull ġimgħa.

    • inqas minn darba fil-ġimgħa.

  5. Liema stqarrija tiddeskrivi l-aħjar is-sentimenti tiegħek?

    • Ħarsa negattiva tad-dehra tiegħi. (Eżempju: “Kull darba li nħares fil-mera, naħseb li nara figura ħoxna u kerha. Ipprovajt anke ma niekol xejn biex nirqaq.”—Serena.)

    • Ħarsa bbilanċjata tad-dehra tiegħi. (Eżempju: “Dejjem se jkun hemm xi ħaġa li ma togħġobniex dwar id-dehra tagħna, imma jkollna naċċettaw ċerti affarijiet. Ma jagħmilx sens li ninkwetaw dwar xi ħaġa li ma nistgħux inbiddluha.”—Natanya.)

Il-Bibbja tgħidilna biex ma naħsbux “iktar milli hu xieraq” dwarna nfusna. (Rumani 12:3) Allura hu xieraq—saħansitra meħtieġ—li sa ċertu punt taħseb dwarek innifsek. Pereżempju, għalhekk taħsel snienek u tieħu ħsieb l-iġjene personali.

Però, xi ngħidu jekk spiss tkun skuraġġit minħabba d-dehra tiegħek—forsi sal-punt li tkun iffissat fuqha? Jekk inhu hekk, forsi tistaʼ taħseb . . .

 ‘Għala għandi ħarsa negattiva tad-dehra tiegħi?’

Jistaʼ jkun hemm diversi raġunijiet. Dawn jinkludu:

  • Influwenzat mill-midja. “Iż-żgħażagħ huma bombardjati b’ideat li jġegħluna nħossuna li rridu nkunu nexfin għuda u gustużi l-ħin kollu. B’hekk, jekk aħna ma nidhrux perfetti, inħossuna diżgustati.”—Kellie.

  • Influwenzat mill-ġenituri. “Innotajt li jekk l-omm tkun iffissata fuq id-dehra tagħha, spiss bintha tħares lejha nfisha bl-istess mod. L-istess japplika għall-missirijiet u s-subien tagħhom.”—Rita.

  • Stima baxxa tiegħek innifsek. “Nies li huma ffissati fuq id-dehra tagħhom il-ħin kollu jkunu jridu lil min jgħaddilhom kumplimenti dwar kif jidhru. Nies bħal dawn jgħejjuk.”—Jeanne.

Hi x’inhi r-raġuni, forsi tistaqsi . . .

 ‘Għandi nbiddel id-dehra tiegħi?’

Ikkunsidra xi jgħidu dawk tamparek.

“Mhux dejjem tistaʼ tbiddel l-affarijiet li ma jogħġbukx dwarek innifsek, allura l-aħjar hu li taċċetta d-difetti li jkollok. Jekk tagħmel hekk, oħrajn x’aktarx lanqas jindunaw bihom.”—Rori.

“Agħmel li tistaʼ biex tkun f’saħħtek. Jekk tkun f’saħħtek, tidher kif suppost tidher. U jekk xi ħadd ma jistax japprezzak kif int (u mhux kif tidher), dik il-persuna mhix ħabiba tiegħek.”—Olivia.

L-iktar ħaġa importanti: Agħmel li tistaʼ biex tidher l-aħjar u tibqax tinkwieta. Li tinkwieta żżejjed dwar id-dehra tiegħek jistaʼ jkun perikoluż. (Ara “ L-Istorja taʼ Julia.”)

Mill-banda l-oħra, attitudni bbilanċjata se tgħinek tkun realistiku dwar kif tħares lejk innifsek, bħalma tgħallmet żagħżugħa jisimha Erin. Hi tgħid: “Mhux dejjem inħossni kunfidenti, imma indunajt li nħossni mdejqa biss meta niffoka fuq l-affarijiet negattivi. Issa nagħmel l-eżerċizzju regolarment u niekol tajjeb. Il-bqija kollox jimxi ħarir.”

 L-aqwa makeover!

Meta jkollok ħarsa bbilanċjata tad-dehra tiegħek, tħossok (u saħansitra tidher) l-aħjar possibbli. Il-Bibbja tistaʼ tgħin. Din tinkuraġġik biex ikollok:

  • Kuntentizza. “Aħjar ingawdu dak li għandna milli nixtiequ xi ħaġa oħra għax, bħall-ġiri wara r-riħ, dan ma jagħmilx sens.”—Ekkleżjasti 6:9, Contemporary English Version.

  • Ħarsa bbilanċjata tal-eżerċizzju. “It-taħriġ tal-ġisem hu taʼ benefiċċju għal ftit.”—1 Timotju 4:8.

  • Sbuħija ġewwinija. “Il-bniedem jara dak li jidher f’għajnejh; imma Ġeħova jara l-qalb.”—1 Samwel 16:7.

“Il-wiċċ juri kif inħossuna dwarna nfusna. Jekk xi ħadd ikun kuntent, ħaddieħor jinduna u awtomatikament jinġibed lejn dik il-persuna.”​—Sarah.

“Is-sbuħija mill-ewwel tolqot l-għajn. Imma l-persuna li int minn ġewwa u l-kwalitajiet tajbin tiegħek huma l-affarijiet li ħaddieħor se jiftakar l-iktar dwarek.”​—Phylicia.

Ara wkoll Proverbji 11:22; Kolossin 3:10, 12; 1 Pietru 3:3, 4.