Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Kif Nistaʼ Nġib Marki Ogħla?

Kif Nistaʼ Nġib Marki Ogħla?

Dak li tistaʼ tagħmel

Aħseb b’mod pożittiv! Taqbadx u taqtaʼ qalbek billi taħseb li sempliċement m’intix kapaċi titjieb. Meta jkollok ħafna ħsibijiet negattivi dwar l-abbiltajiet tiegħek, ipprova neħħihom minn moħħok u minflok aħseb ħsibijiet pożittivi. Pereżempju, meta xi nies (forsi bla ma kellhom raġun) maqdru l-abbiltà tal-appostlu Pawlu li jitkellem, hu wieġeb: “Anki jekk m’iniex kapaċi nitkellem, żgur li kapaċi fl-għarfien.” (2 Korintin 10:10; 11:6) Pawlu kien jaf fiex ma kienx jinqalaʼ. Imma kien jaf ukoll fiex kien jinqalaʼ. Xi ngħidu għalik? Fiex tinqalaʼ int? Jekk ma tistaʼ taħseb f’xejn, għax ma tistaqsix li xi adult li hu t’appoġġ għalik? Ħabib bħal dan jistaʼ jgħinek tidentifika fiex tinqalaʼ, u jgħinek issir saħansitra iktar tas-sengħa fih.

Ikkultiva drawwiet tajbin taʼ studju. M’hemm l-ebda mod faċli kif tirnexxi fl-iskola. Illum jew għada se jkollok tistudja. Veru, il-kelma nfisha forsi ma ddoqqx għal widnejk. Madanakollu, l-istudju hu taʼ ġid. Infatti, bi ftit sforz tistaʼ tieħu pjaċir tagħmlu. Imma biex tikkultiva drawwiet tajbin taʼ studju trid tqassam il-ħin tiegħek. Tinsiex—l-istudju għandu jkun prijorità. Hu minnu li l-Bibbja tgħid li hemm “żmien li tidħaq” u “żmien li taqbeż ’l hemm u ’l hawn.” (Ekkleżjasti 3:1, 4; 11:9) Allura, bħall-maġġoranza taż-żgħażagħ, probabbilment trid twarrab xi ħin għar-rikreazzjoni. Imma Ekkleżjasti 11:4 jwissina: “Min joqgħod għassa tar-riħ ma jiżrax; u min joqgħod iħares lejn is-sħab ma jaħsadx.” X’inhi t-tagħlima? Toqgħodx titnikker. Inkella m’intix se tlesti x-xogħol importanti. L-ewwel studja, u mbagħad iddeverti. Tinkwetax—se ssib il-ħin għat-tnejn!

Sewwasew bħalma tistaʼ ttellaʼ l-muskoli billi terfaʼ l-weights, drawwiet tajbin taʼ studju jistgħu jgħinuk tmur aħjar fl-iskola.