Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

IŻ-​ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Il-manjieri tajbin—Huma verament importanti?

Il-manjieri tajbin—Huma verament importanti?

‘In-​nies lili ma jiftħulix il-​bieb; allura għax għandi niftaħhulhom jien?’

‘M’għandix affarijiet iktar importanti dwar xiex inħabbel rasi milli noqgħod ngħid “jekk jogħġbok,” “grazzi,” u “skużani”?’

‘M’għandix għalfejn nuri manjieri tajbin maʼ ħuti. Aħna mhux familja?’

Int ġieli għedt xi ħaġa simili? Jekk iva, jistaʼ jkun li m’intix tgawdi l-​benefiċċji taʼ li turi manjieri tajbin!

 Dak li għandek tkun taf dwar il-​manjieri tajbin

Il-​manjieri tajbin jistgħu jtejbu dawn it-​tliet aspetti f’ħajtek:

  1. Ir-​reputazzjoni tiegħek. Il-​mod kif tittratta lin-​nies iħalli impressjoni, jew għat-​tajjeb jew għall-​ħażin. Jekk turi manjieri tajbin, in-​nies x’aktarx li se jqisuk bħala persuna matura u responsabbli—u mbagħad jittrattawk bħala tali persuna! Però, jekk tkun maledukat, in-​nies se jaħsbu li int jimpurtak biss minnek innifsek, u tistaʼ tispiċċa ma ssibx xogħol jew titlef opportunitajiet oħrajn. Bħalma tgħid il-​Bibbja, “bniedem kattiv iġiegħel lil ġismu stess jiġi mwarrab.”—Proverbji 11:17.

  2. Il-​ħbieb tiegħek. Il-​Bibbja tgħid: “Ilbsu l-​imħabba, għax hi rabta perfetta li tgħaqqad.” (Kolossin 3:14) Dan żgur li hu minnu f’dik li hi ħbiberija. In-​nies jinġibdu lejn dawk li juru manjieri tajbin u li jittrattawhom sew. Wara kollox, min se jkun irid ikun fil-​kumpanija taʼ xi ħadd li hu pastaż jew qżież?

  3. Il-​mod kif in-​nies jittrattawk. Żagħżugħa jisimha Jennifer tgħid, “Jekk dejjem tkun edukat, maż-​żmien tistaʼ tara titjieb fil-​mod kif tiġi trattat saħansitra min-​nies li s-​soltu ma jurux manjieri tajbin.” M’għandniex xi ngħidu, jekk tkun pastaż, jistaʼ jiġri l-​kontra. Il-​Bibbja tgħid: “Bil-​kejl li tkejlu, ikejlulkom.”—Mattew 7:2.

Il-​konklużjoni: Kuljum niġu f’kuntatt maʼ nies oħrajn. Għalhekk, il-​mod kif iġġib ruħek jistaʼ jeffettwa kif in-​nies iħarsu lejk u jittrattawk. Fi ftit kliem, il-​manjieri tiegħek huma verament importanti!

 Kif titjieb

  1. Eżamina l-​manjieri tiegħek. Staqsi lilek innifsek mistoqsijiet bħal: ‘Nitkellem b’rispett mal-​adulti? Kemm-​il darba ngħid “jekk jogħġbok,” “grazzi,” jew “skużani”? Niġi aljenat meta nkun qed inkellem lil oħrajn—forsi billi naqra u nibgħat il-​messaġġi? Lill-​ġenituri tiegħi u lil ħuti nittrattahom b’rispett, jew niħodhom for granted sempliċement għax huma “tal-​familja”?’

    Il-​Bibbja tgħid: “Kunu minn taʼ quddiem biex tonoraw lil xulxin.”—Rumani 12:10.

  2. Agħmel miri. Ikteb tliet affarijiet li tistaʼ titjieb fihom. Pereżempju, Allison, li għandha 15-​il sena, tgħid li għandha bżonn tkun persuna li “taf tismaʼ minflok li taf titkellem.” David, li għandu 19-​il sena, jgħid li għandu bżonn jaħdem fuq li ma jibgħatx messaġġi waqt li jkun mal-​familja jew il-​ħbieb. “Hu nuqqas taʼ rispett,” jgħid hu. “Inkun bħallikieku qed ngħidilhom li nippreferi nkellem lil xi ħadd ieħor milli lilhom.” Edward, li għandu 17-​il sena, jgħid li hu għandu bżonn jitgħallem ma jaqbiżx fin-​nofs meta jkun qed jitkellem ħaddieħor. U Jennifer, li ssemmiet qabel, iddeċidiet li taħdem fuq kif turi manjieri tajbin maʼ wħud imdaħħlin fiż-​żmien. “Jien kont ngħidilhom ‘hello’ taʼ malajr u mbagħad inġib skuża biex immur ħdejn sħabi li huma tampari,” tgħid hi. “Imma veru għamilt sforz biex insir nafhom. Dan għenni ntejjeb ħafna l-​manjieri tiegħi!”

    Il-​Bibbja tgħid: “Tfittxux l-​interessi persunali tagħkom biss, imma wkoll l-​interessi persunali taʼ l-​oħrajn.”—Filippin 2:4.

  3. Ara kif int sejjer. Għal xahar, innota kif titkellem jew taġixxi f’dawk l-​aspetti li fihom int trid titjieb. Fl-​aħħar tax-​xahar, staqsi lilek innifsek: ‘Il-​fatt li wrejt manjieri tajbin kif għenni nkun persuna aħjar? F’liema aspetti għad hemm il-​bżonn li nitjieb?’ Agħmel miri ġodda skont il-​bżonn.

    Il-​Bibbja tgħid: “Bħalma tridu li l-​bnedmin jagħmlulkom, agħmlu l-​istess lilhom.”—Luqa 6:31.