Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

X’Nistaʼ Nagħmel Biex Ma Nibqax Inħoss Dawn id-Dwejjaq Kollha?

X’Nistaʼ Nagħmel Biex Ma Nibqax Inħoss Dawn id-Dwejjaq Kollha?

“Kull meta sħabi ma jkunux jistgħu jkampaw mal-problemi tagħhom, inkun hemm għalihom biex ngħinhom isolvuhom u jħossuhom aħjar. Iżda mbagħad—u din ftit nies jafu biha—immur id-dar f’kamarti u ninfexx nibki.”​—Kellie.

“Meta jkolli d-dwejjaq, ninqataʼ għalija waħdi. Jekk niġi mistieden xi mkien, nivvinta xi skuża biex ma mmurx. Lill-membri tal-familja tiegħi jirnexxili naħbilhom id-dwejjaq li jkolli. Huma jaħsbu li nkun qed inħossni tajjeb.”​—Rick.

Qatt ħassejtek bħal Kellie jew bħal Rick? Jekk iva, taqbadx u tikkonkludi li hemm xi ħaġa ħażina fik. Il-fatt hu li kulħadd iħossu mdejjaq xi darba jew oħra. Anki rġiel u nisa leali tal-Bibbja ħassewhom hekk.​—1 Samwel 1:6-8; Salm 35:14.

F’xi każi, għandek mnejn tkun taf għala qed tħossok imdejjaq; f’każi oħrajn, forsi ma tkunx taf. “M’hemmx għalfejn tkun f’xi sitwazzjoni kerha biex tħossok imdejjaq,” tgħid Anna, li għandha 19-il sena. “Jistgħu jaqbduk id-dwejjaq fi kwalunkwe ħin, anke jekk ħajtek tkun ħielsa mill-problemi. Tinstemaʼ stramba, imma dik hi r-realtà!”

Ikun xi jkun il-kaġun—jew anki jekk ikun jidher li m’hemmx kaġun—x’tistaʼ tagħmel int meta jaħkmuk id-dwejjaq? Ipprova dan li ġej:

  1. Tkellem. Meta Ġob kien għaddej minn ħafna inkwiet, hu qal: “Nitkellem fl-imrar taʼ ruħi!”​—Ġob 10:1.

    Kellie: Is-serħan li nħoss wara li nkun tkellimt maʼ xi ħadd huwa tal-għaġeb. Fl-aħħar, xi ħadd ikun jaf minn xiex għaddejja. Ikun bħallikieku qed iniżżluli ħabel biex itellgħuni minn ġol-ħofra u fl-aħħar inkun ħielsa!

  2. Ikteb. Meta d-dwejjaq iċajprulek il-ħarsa tiegħek lejn il-ħajja, għandek mnejn tkun trid tniżżel il-ħsibijiet tiegħek bil-miktub. Fis-salmi ispirati tiegħu, David xi drabi esprima dwejjaq kbar. (Salm 6:6) Meta tikteb dwar dawn is-sentimenti tistaʼ tiġi megħjun biex ‘tħares l-għaqal u l-abbiltà li taħseb.’​—Proverbji 3:21.

    Heather: Meta nikteb inkun qed niġi megħjuna nirranġa l-ħsibijiet kollha li jkolli fuq moħħi u li jiġu minħabba d-dwejjaq. Meta tkun tistaʼ tesprimi s-sentimenti tiegħek u tifhem għala tkun qed tħossok hekk, id-dwejjaq ma jkunux daqshekk kbar.

  3. Itlob. Il-Bibbja tgħid li jekk titlob dwar dak li jinkwetak, ‘il-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbek u l-qawwa mentali tiegħek.’​—Filippin 4:6, 7.

    Esther: Kont qed nipprova nifhem għala kont inħossni daqshekk imdejqa, iżda ma stajtx nifhem. Tlabt lil Ġeħova jgħinni biex inkun ferħana. Kont xbajt inħossni mdejqa mingħajr ma kelli għalfejn. Fl-aħħar ma bqajtx inħossni mdejqa. Qatt taħseb li t-talb m’għandux biżżejjed qawwa!

    Bl-għajnuna u bi sforz, int tistaʼ toħroġ minn ħofra fonda u mudlama taʼ dwejjaq

    Suġġeriment: Uża Salm 139:23, 24 bħala mudell għat-talb persunali tiegħek lil Ġeħova. Iftaħ qalbek miegħu u itolbu jgħinek tagħraf x’inhu l-kaġun tad-dwejjaq li tkun qed tħoss.

Flimkien mas-suġġerimenti t’hawn fuq, int għandek sors taʼ valur fil-Kelma t’Alla, il-Bibbja. Imla moħħok bi ħsibijiet li jibnu u li jinsabu fir-rakkonti tal-Bibbja. Dan jistaʼ jirriżulta f’effett pożittiv fuq is-sentimenti tiegħek.​—Salm 1:1-3.

Meta tibqaʼ tħoss id-dwejjaq

Ryan jgħid: “Xi drabi filgħodu nħoss li jkun iktar faċli kieku sempliċement nibqaʼ fis-sodda u nevita li jkolli nqum u niffaċċja ġurnata oħra bla sens.” Ryan ibati b’dipressjoni klinika, u hemm ħafna nies bħalu. L-istudji juru li bejn wieħed u ieħor, żagħżugħ minn kull erbgħa jbati b’xi forma taʼ dipressjoni qabel ma jsir adult.

Kif tistaʼ ssir taf jekk int tbatix bid-dipressjoni? Xi sintomi jinkludu li jkollok tibdil sinifikanti fil-burdata u fil-kondotta, li tinqataʼ għalik waħdek, li turi inqas interess fi kważi kull attività, li jkollok bidla sinifikanti fid-drawwiet tal-ikel u tal-irqad, u li tħoss sentimenti qawwijin taʼ ħtija żejda jew li ma tiswa għal xejn.

M’għandniex xi ngħidu, xi darba jew oħra kważi kulħadd iħoss xi waħda jew iktar minn dawn is-sintomi. Iżda jekk is-sintomi jippersistu għal iktar minn ftit ġimgħat, għala ma titkellimx mal-ġenituri tiegħek biex tmur tagħmel vista għand tabib? Tabib jistaʼ jara jekk id-dwejjaq tiegħek humiex kaġunati minn xi ħaġa medika.

Jekk tbati b’dipressjoni klinika, m’għandekx għalfejn tistħi. Permezz tal-kura, ħafna wħud li jbatu bid-dipressjoni bdew iħossuhom aħjar—u forsi kien ilhom żmien twil ma jħossuhom daqshekk tajjeb! Sew jekk id-dwejjaq tiegħek ikunu kaġunati mid-dipressjoni, u sew jekk le, ftakar fil-kliem taʼ faraġ li nsibu f’Salm 34:18 li jgħid: “Ġeħova hu qrib dawk li għandhom qalbhom maqsuma; u lil dawk bi spirtu miksur isalvahom.”