Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Lest Jien Biex Ninnamra?

Lest Jien Biex Ninnamra?

 X’inhu n-namur?

  • Int toħroġ spiss maʼ xi ħadd partikulari tas-sess oppost. Qed tinnamra?

  • Int u xi ħadd tas-sess oppost tħossukom miġbudin lejn xulxin. Kuljum, kemm-il darba tibagħtu l-messaġġi jew iċċemplu lil xulxin. Qed tinnamra?

  • Kull meta tkun mal-ħbieb, int u l-istess persuna tas-sess oppost dejjem tinqatgħu għalikom. Qed tinnamra?

Aktarx ma kellek ebda problema biex twieġeb l-ewwel mistoqsija. Imma għandu mnejn waqaft taħsibha qabel ma wiġibt it-tieni jew it-tielet mistoqsija. X’inhu eżattament in-namur?

Fir-realtà, in-namur hu kwalunkwe attività soċjali li fiha l-interess romantiku tiegħek ikun iffokat fuq persuna partikulari u l-interess taʼ dik il-persuna jkun iffokat fuqek.

Mela t-tweġiba taʼ dawn it-tliet mistoqsijiet hija iva. Kemm jekk bil-mowbajl jew wiċċ imb wiċċ, bil-miftuħ jew bil-moħbi, jekk int u xi ħadd tas-sess oppost tesprimu sentimenti romantiċi lejn xulxin u tikkomunikaw fuq bażi regulari, qed tinnamraw.

 X’inhu l-iskop tan-namur?

In-namur għandu jkollu skop onorabbli—biex jgħin raġel u mara żagħżugħa jaraw iridux jiżżewġu lil xulxin.

Għandu mnejn li wħud minn dawk tamparek ma jiħdux in-namur bis-serjetà. Forsi sempliċement jieħdu pjaċir ikunu maʼ xi ħadd speċjali tas-sess oppost bl-ebda ħsieb taʼ żwieġ. Oħrajn jistgħu anke joħorġu maʼ xi ħadd biex jidhru u jżidu l-fiduċja fihom infushom.

Però, spiss relazzjonijiet superfiċjali bħal dawn ma tantx idumu. “Wara ġimgħa jew tnejn ħafna żgħażagħ ma jibqgħux jinnamraw,” tgħid tfajla jisimha Heather. “Jibdew iqisu r-relazzjonijiet bħala xi ħaġa li tgħaddi malajr—bħallikieku qed jippreparaw għad-divorzju u mhux għaż-żwieġ.”

Meta tinnamra maʼ xi ħadd, tkun qed teffettwa s-sentimenti taʼ dak li jkun. Għalhekk, kun ċert li l-intenzjonijiet tiegħek huma onorabbli.—Luqa 6:31.

Jekk tinnamra bla ebda ħsieb li tiżżewweġ, tkun qed tagħmel bħal tifel li jilgħab b’ġugarell ġdid u mbagħad iwarrbu

Aħseb: Tieħu int pjaċir jekk xi ħadd jilgħab bis-sentimenti tiegħek bħallikieku qed jilgħab b’xi ġugarell tat-tfal—jieħu interess fih u malajr jabbandunah? Mela tagħmilx hekk lil ħaddieħor! Il-Bibbja tgħid li l-imħabba “ma ġġibx ruħha b’mod indeċenti.”—1 Korintin 13:4, 5.

Żagħżugħa jisimha Chelsea tgħid: “Kultant naħseb li n-namur għandu jkun xi ħaġa għal pjaċir biss, imma mhu taʼ pjaċir xejn meta persuna tkun qed tieħu l-affarijiet bis-serjetà u l-oħra ma tkunx.”

Suġġeriment: Biex tipprepara ruħek għan-namur u ż-żwieġ, aqra t-2 Pietru 1:5-7 u agħżel kwalità li għandek bżonn taħdem fuqha. Fi żmien xahar, ara kemm tgħallimt dwar din il-kwalità u kemm tjibt fiha.

 Għandi l-età biex ninnamra?

  •  Taʼ liema età taħseb li huwa xieraq li żagħżugħ jew żagħżugħa tibda tinnamra?

  •  Issa saqsi lil xi ħadd mill-ġenituri tiegħek l-istess mistoqsija.

Aktarx li t-tweġiba tiegħek hi differenti minn dik tal-ġenituri. Jistaʼ jkun li mhix. Forsi int fost il-ħafna żgħażagħ għaqlin li qed iżommu lura milli jinnamraw sa ma jkunu jafu lilhom infushom aħjar.

Danielle, li għandha 17-il sena, hekk iddeċidiet li tagħmel. Hi tgħid: “Sentejn ilu, dak li kieku kont infittex f’xi ħadd li stajt niżżewweġ kien ikun totalment differenti għal dak li kieku nfittex issa. Bażikament, lanqas issa ma nafda lili nnifsi biex nieħu deċiżjoni bħal din. Meta nħoss li l-personalità tiegħi tkun baqgħet stabbli għal xi sentejn, imbagħad nibda naħseb fin-namur.”

Hemm raġuni oħra għala jkun għaqli li tistenna. Il-Bibbja tuża l-frażi “l-fjur taż-żgħożija” biex tiddeskrivi l-perijodu fil-ħajja meta l-ġibdiet sesswali u l-emozzjonijiet romantiċi jibdew isiru qawwijin. (1 Korintin 7:36) Jekk tibqaʼ tagħmilha maʼ xi ħadd partikulari tas-sess oppost waqt li tkun għadek għaddej minn din il-fażi, tistaʼ tkebbes ix-xrar tal-ġibdiet tiegħek u dan jistaʼ jwassal għal kondotta ħażina.

Veru, din tistaʼ tkun ħmerija għal dawk tamparek. Ħafna minnhom ikunu fuq ix-xwiek biex jesperimentaw bis-sess. Imma int tistaʼ—u għandek—tkun iktar għaqli minnhom! (Rumani 12:2) Wara kollox, il-Bibbja tħeġġek biex “taħrab mill-immoralità sesswali.” (1 Korintin 6:18, New International Version) Jekk tistenna sakemm tgħaddi l-fjur taż-żgħożija, tistaʼ ‘tbiegħed l-għali minn ġismek.’—Ekkleżjasti 11:10.

 Għala għandek tistenna biex tinnamra?

Jekk iċċedi għall-pressjoni biex tinnamra qabel ma tkun lest ikun bħallikieku tiġi mġiegħel tagħmel eżami taʼ kors li tkun għadek kemm bdejtu. Ovvjament, ma jkunx sew! Għandek bżonn iż-żmien biex tistudja s-suġġett ħalli tkun midħla tal-problemi li se tiltaqaʼ magħhom fl-eżami.

Hu simili fin-namur.

Mhux taʼ kemm tibda tinnamra. Għalhekk, qabel ma tkun lest li tiffoka fuq persuna partikulari, trid tieħu ż-żmien biex tistudja “suġġett” importanti ħafna—kif tibni l-ħbiberiji.

Imbagħad meta tiltaqaʼ mal-persuna t-tajba, tkun f’pożizzjoni aħjar biex tibni relazzjoni soda. Wara kollox, żwieġ taʼ suċċess jiġi mill-għaqda taʼ żewġt iħbieb tal-qalb.

Li tistenna ftit mhux se joħnoqlok il-libertà tiegħek. Għall-kuntrarju, se jagħtik iktar libertà biex ‘tifraħ waqt li għadek żgħir.’ (Ekkleżjasti 11:9) Barra minn hekk, se jkollok iż-żmien biex tipprepara ruħek u tiżviluppa l-personalità tiegħek u, iktar importanti minn hekk, l-ispiritwalità tiegħek.—Lamentazzjonijiet 3:27.

Sadanittant, tistaʼ tgawdi l-kumpanija tas-sess oppost. Liema hu l-aħjar mod biex tagħmel dan? Qattaʼ l-ħin m’oħrajn fi gruppi mħalltin b’superviżjoni tajba. Tfajla jisimha Tammy tgħid: “Naħseb li aħjar hekk. Aħjar ikollok ħafna ħbieb.” Monica taqbel magħha. Hi tgħid: “L-idea li toħroġ bħala grupp hi waħda tajba għax ikollok iċ-ċans tassoċja maʼ nies li għandhom personalitajiet differenti.”

B’kuntrast, jekk tiffoka fuq persuna waħda kmieni wisq se żżid iċ-ċans li tispiċċa b’qalbek maqsuma. Għalhekk tgħaġġilx. Uża dan iż-żmien taʼ ħajtek biex titgħallem kif tagħmel ħbieb u tibqaʼ qrib tagħhom. Iktar tard, jekk tagħżel li tinnamra, tkun taf lilek innifsek aħjar u liema kwalitajiet qed tfittex f’sieħeb għall-bqija taʼ ħajtek.