“Ġurnata nħossni tajba ħafna, u mbagħad l-​għada nħossni veru ħażin. L-​affarijiet li llum ma narahomx daqshekk diffiċli, l-​għada narahom diffiċli.”—Carissa, 16-​il sena.

L-​emozzjonijiet tiegħek ġieli jkunu tajbin u mbagħad jiġu ħżiena f’daqqa? * Jekk iva, dan l-​artiklu jistaʼ jgħinek!

 Għala jiġri hekk

Meta tkun qed tiżviluppa huwa normali li daqqa tħossok ferħan u daqqa tħossok imdejjaq. Imma anki wara li tkun għalaqt id-​19-​il sena, xorta tistaʼ tesperjenza tibdil f’daqqa fl-​emozzjonijiet tiegħek bla mistenni.

Jekk tinsab imħawwad għax l-​emozzjonijiet tiegħek qed jiġrilhom hekk ftakar li dan jiġri minħabba li l-​hormones ikunu qed jinbidlu. Minbarra dan, tistaʼ tħossok inċert u tiddubita lilek innifsek. Dan hu normali meta tkun qed tikber. Imma taqtax qalbek, għax int tistaʼ tifhem u titgħallem tkampa maʼ dawn l-​emozzjonijiet.

Fatt tal-​ħajja: Li titgħallem tikkontrolla l-​emozzjonijiet tiegħek meta tkun żgħir huwa importanti, għax dan se jgħinek ’il quddiem fil-​ħajja meta tiffaċċja ċirkustanzi differenti bħala adult.

L-​emozzjonijiet negattivi huma bħal ħofor ġo triq. Jekk toqgħod attent, int tistaʼ tevita l-​ħofor kbar u tagħmel il-​vjaġġ tiegħek inqas diffiċli

 Tliet affarijiet li tistaʼ tagħmel

Tkellem. Il-​Bibbja tgħid: “Ħabib veru jħobb il-​ħin kollu; huwa ħu mwieled għal meta jkun hemm in-​niket.”—Proverbji 17:17.

“Aħna għandna ħabiba tal-​familja li għalija qisha ziti. Hi vera tismaʼ b’attenzjoni meta nkun qed nitkellem, u magħha nħossni komda ngħid dak kollu li nkun għaddejja minnu. Meta l-​irraġunar tiegħi jkun tajjeb turini li hi kburija bija, imma jekk ma jkunx tajjeb tikkoreġini bl-​aħjar mod li tistaʼ.”—Yolanda, 18-​il sena.

Suġġeriment: Minflok ma titkellem biss maʼ dawk tal-​istess età tiegħek​—li jaf ikunu għaddejjin mill-​istess emozzjonijiet bħal tiegħek​—tkellem m’ommok jew missierek jew maʼ adult ieħor li tafda.

Ikteb. Il-​Bibbja tgħid li meta Ġob kien imdejjaq ħafna qal: “Irrid nisfoga t-​tħassib tiegħi dwari nnifsi. Nitkellem fl-​imrar [jew, dwejjaq kbar] taʼ ruħi!” (Ġob 10:1) Apparti li titkellem maʼ xi ħadd, li tikteb hu mod ieħor li jistaʼ jgħinek tesprimi xi tkun qed tħoss.

“Jien nieħu notebook żgħir miegħi kullimkien. Meta jiġrili xi ħaġa li teffettwani ħażin nikteb dwarha. Meta nikteb inħossni ħafna aħjar.”—Iliana, 18-​il sena.

Suġġeriment: Żomm notebook fejn fih int tkun tistaʼ tikteb dwar l-​emozzjonijiet li qed tħoss, x’ġiegħlek tħossok hekk, u kif tistaʼ tkampa magħhom. L-​eżerċizzju taʼ maʼ dan l-​artiklu jistaʼ jgħinek tagħmel dan.

Itlob. Il-​Bibbja tgħid: “Ixħet toqlok fuq Ġeħova, u jsostnik. Hu qatt ma jħalli lill-​ġust jogħtor.”—Salm 55:22.

“Jien nitlob lil Ġeħova kontinwament meta nkun imdejqa ħafna. Dejjem inħossni nistrieħ xħin niftaħ qalbi miegħu.”—Jasmine, 26 sena.

Suġġeriment: Minkejja l-​ansjetà li tħoss, aħseb fi tliet affarijiet f’ħajtek li int grat għalihom. Fit-​talb tiegħek lil Ġeħova, itolbu biex jgħinek—imma rringrazzjah ukoll għall-​barkiet li għandek.

^ par. 4 F’dan l-​artiklu se niddiskutu kif tibdil fl-​emozzjonijiet huwa xi ħaġa komuni fost iż-​żgħażagħ. Jekk qed tbati minn burdati estremi (bipolar disorder) jew xi forma oħra taʼ dipressjoni, ara l-​artiklu “Kif nistaʼ nkampa mad-​dipressjoni?