Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

IŻ⁠-⁠ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Kif nistaʼ nqassam il⁠-⁠ħin?

Kif nistaʼ nqassam il⁠-⁠ħin?

 Għala għandi nqassam il⁠-⁠ħin?

  • Il⁠-⁠ħin hu bħall⁠-⁠flus. Jekk taħlih, ma ssibux meta tiġi bżonnu. Mill⁠-⁠banda l⁠-⁠oħra, jekk toqgħod attent kif tqattaʼ l⁠-⁠ħin, se jkollok ċans biex tagħmel l⁠-⁠affarijiet li tieħu pjaċir bihom!

    Prinċipju Bibliku: “L⁠-⁠għażżien qed juri li hu xewqan, imma m’għandu xejn. Madankollu, in⁠-⁠nies ħabrieka se jitqawwew [jew “ikunu sodisfatti għall⁠-⁠aħħar”].”—⁠Proverbji 13:4.

    L⁠-⁠iktar ħaġa importanti: Meta tippjana kif se tqassam il⁠-⁠ħin, se jkollok iktar libertà u mhux inqas!

  • Li tkun taf tqassam il⁠-⁠ħin sew hi abbiltà importanti li se tiġi bżonnha matul ħajtek kollha. Dan kif jistaʼ jeffettwak? Dan jistaʼ jgħinek iżżomm ix⁠-⁠xogħol li għandek jew iwasslek biex titilfu. Wara kollox, jekk ikollok xi business, sejjer int iżżomm impjegat li dejjem jasal tard għax⁠-⁠xogħol?

    Prinċipju Bibliku: “Min juri fedeltà fl⁠-⁠inqas ħaġa juri fedeltà wkoll fil⁠-⁠ħafna.”—⁠Luqa 16:10.

    L⁠-⁠iktar ħaġa importanti: L⁠-⁠abbiltà taʼ li tqassam il⁠-⁠ħin tikxef xi ħaġa dwar il⁠-⁠karattru tiegħek.

Imma biex ngħidu kollox, li tqassam il⁠-⁠ħin sew mhux faċli. Ikkunsidra xi ftit diffikultajiet.

L⁠-⁠1 diffikultà: Il⁠-⁠ħbieb

“Jekk il⁠-⁠ħbieb isaqsuni biex noħroġ magħhom, kważi dejjem naċċetta anki jekk ma jkollix ċans. Dak il⁠-⁠ħin nirraġuna, ‘Issa la mmur id⁠-⁠dar nagħmel dak li kelli nagħmel taʼ fuq fuq.’ Mhux dejjem jirnexxili, u b’hekk l⁠-⁠affarijiet jispiċċaw ħażin ħafna.”​—⁠Cynthia.

It⁠-⁠2 diffikultà: Affarijiet li jaljenawk

“It⁠-⁠televixin hu bħal vacuum cleaner. Dan jiġbdek bil⁠-⁠programmi u films, li jagħmluhielek diffiċli biex tieqaf tarahom.”​—⁠Ivy.

“Nagħmel sigħat sħaħ fuq it⁠-⁠tablet. Meta taqagħli l⁠-⁠battery, ninduna kemm inkun ħlejt ħin.”​—⁠Marie.

It⁠-⁠3 diffikultà: Li wieħed iħalli għall⁠-⁠aħħar

“Għandi ħabta nħalli għall⁠-⁠aħħar l⁠-⁠assignments tal⁠-⁠iskola u kull ħaġa oħra li jkolli bżonn nagħmel. Noqgħod naħli l⁠-⁠ħin nagħmel affarijiet bla sens sakemm nasal f’punt li bilfors ikolli nlesti l⁠-⁠assignments. Dan ma tantx hu mod tajjeb taʼ kif tqassam il⁠-⁠ħin.”​—⁠Beth.

Meta tippjana kif se tqassam il⁠-⁠ħin, se jkollok iktar libertà u mhux inqas

 Dak li tistaʼ tagħmel

  1. Agħmel lista tal⁠-⁠affarijiet li trid tagħmel. Eżempji taʼ dan jistgħu jkunu t⁠-⁠tindif tad⁠-⁠dar u l⁠-⁠homework. Ikteb kemm taħseb li se tieħu ħin biex tlesti kull ħaġa f’ġimgħa normali.

    Prinċipju Bibliku: ‘Aċċertaw ruħkom minn dak li hu iktar importanti.’—⁠Filippin 1:10.

  2. Agħmel lista tal⁠-⁠affarijiet li tixtieq tagħmel fil⁠-⁠ħin liberu tiegħek. Dan jinkludi li toqgħod fuq l⁠-⁠Internet u tara t⁠-⁠televixin. Hawnhekk ukoll ikun tajjeb li tikteb kemm se tqattaʼ ħin f’kull ħaġa li tagħmel fil⁠-⁠ħin liberu tiegħek f’ġimgħa normali.

    Prinċipju Bibliku: “Ibqgħu mexjin bl⁠-⁠għerf . . . , u użaw il⁠-⁠ħin bl⁠-⁠aħjar mod.”—⁠Kolossin 4:5.

  3. Agħmel pjan. Erġaʼ ara ż⁠-⁠żewġ listi li għamilt. Għandek biżżejjed ħin għall⁠-⁠affarijiet importanti? Hemm bżonn li tnaqqas mill⁠-⁠ħin liberu tiegħek?

    Suġġeriment: Agħmel lista taʼ x’għandek tagħmel kuljum u aqtaʼ kull ħaġa li tlesti.

    Prinċipju Bibliku: “Il⁠-⁠pjanijiet tal⁠-⁠ħabrieki żgur li jkunu taʼ vantaġġ għalih.”—⁠Proverbji 21:5.

  4. Żomm mal⁠-⁠pjan. Veru, forsi kultant ikollok tirrifjuta xi stedina biex tlaħħaq tagħmel l⁠-⁠affarijiet importanti. Però, b’mod ġenerali, se tinduna li għandek iktar ħin liberu—⁠u se tieħu iktar pjaċir bih.

    Prinċipju Bibliku: “Titnikkrux f’xogħolkom.”—⁠Rumani 12:11.

  5. Ippremja lilek innifsek—⁠imma mhux mill⁠-⁠ewwel. “Kultant inlesti żewġ affarijiet mil⁠-⁠lista li nkun għamilt,” tgħid żagħżugħa jisimha Tara, “imbagħad nirraġuna, ‘Owkej, mela issa nagħmel kwarta nara t⁠-⁠televixin, u mbagħad inkompli bix⁠-⁠xogħol.’ Li jiġri hu li kwarta nġebbidha nofsiegħa, u nofsiegħa tispiċċa siegħa, u bla ma ninduna, inkun ħlejt sagħtejn nara t⁠-⁠televixin!”

    X’inhi s⁠-⁠soluzzjoni? Qis dak li tieħu pjaċir tagħmel bħala premju talli tkun lestejt dak li kellek tagħmel—⁠u mhux bħala parti mir⁠-⁠rutina taʼ kuljum.

    Prinċipju Bibliku: “Għall⁠-⁠bniedem m’hemm xejn aħjar milli . . . jgawdi affarijiet tajbin minħabba x⁠-⁠xogħol iebes tiegħu.”—⁠Ekkleżjasti 2:24.