Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

IŻ-​ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Kif jistaʼ jkolli ftit privatezza?

Kif jistaʼ jkolli ftit privatezza?

 Il-​ġenituri għala jindaħlu?

Il-​ġenituri tiegħek jgħidu li jagħmlu hekk għax jimpurtahom. Imma, int tħoss li huma qed jindaħlulek f’ħajtek. Pereżempju:

  • “Missieri jiħodli l-​mowbajl, iġegħelni ntih il-​password, u jaqrali l-​messaġġi kollha li jkolli,” tgħid tfajla jisimha Erin. “Jekk ma nħallihx, jaħseb li għandi x’naħbi.”

  • Denise, li issa għandha ftit iktar minn 20 sena, tiftakar meta ommha kienet toqgħod tiċċekkja t-​telefonati li kienet tagħmel. “Kienet tara kull numru u tistaqsini taʼ min hu u dwar xiex inkun tkellimt.”

  • Tfajla jisimha Kayla tgħid li darba ommha qrat mid-​diary tagħha. “Fih kont nikteb dwar kif kont inħossni​—anke affarijiet fuqha ġieli ktibt! Minħabba f’hekk, ma bqajtx nikteb iktar fid-​diary.”

Ir-​realtà hi: Il-​ġenituri tiegħek huma responsabbli għal dak li tagħmel. Ukoll, int ma tistax tgħid lill-​ġenituri tiegħek kif jagħżlu li jieħdu ħsieb din ir-​responsabbiltà. Ġieli tħoss li qed jesaġerawhom? Jistaʼ jkun. Però, hemm xi affarijiet li int tistaʼ tagħmel biex ma tħossx li qed jindaħlulek daqshekk.

 X’tistaʼ tagħmel

Kun open magħhom. Il-​Bibbja tinkuraġġina biex “inġibu ruħna bl-​onestà f’kollox.” (Ebrej 13:18) Agħmel sforz biex tagħmel dan mal-​ġenituri tiegħek. Meta tkun onest u open magħhom, għandhom mnejn li jagħtuk iktar privatezza.

Aħseb dwar dan: Turihom bil-​fatti li jistgħu jafdawk? Tobdi meta jtuk ħin li fih għandek tkun id-​dar? Tgħidilhom min huma l-​ħbieb tiegħek? Taħbi minnhom dak li tkun qed tagħmel?

“Jien nipprova nikkoopera mal-​ġenituri tiegħi. Ngħidilhom dak kollu li jkun qed jiġri f’ħajti. Minħabba li ngħidilhom dak li jixtiequ jkunu jafu, huma jafdawni u jagħtuni iktar privatezza.”​—Delia.

Kun paċenzjuż. Il-​Bibbja tgħid: “Ibqgħu agħtu prova taʼ x’intom.” (2 Korintin 13:5) Biex il-​ġenituri jaraw li int taʼ min jafdak jieħu ż-​żmien, imma dan l-​isforz huwa worth it.

Aħseb dwar dan: Xi darba, il-​ġenituri tiegħek ukoll kienu żgħażagħ. Kif taħseb li dan jeffettwa l-​mod taʼ kif huma jaġixxu miegħek?

“Jien naħseb li l-​ġenituri ma jixtiqux li uliedhom jagħmlu l-​istess żbalji li kienu għamlu huma.”​—Daniel.

Ipprova ifhem lill-​ġenituri. Ipprova ara l-​affarijiet mill-​ħarsa taʼ ġenitur. Il-​Bibbja tgħid li mara kapaċi “tieħu ħsieb dak li jiġri f’darha” u missier tajjeb irabbi lit-​tfal tiegħu “fid-​dixxiplina u l-​gwida mentali taʼ Ġeħova.” (Proverbji 31:27; Efesin 6:4) Biex il-​ġenituri jagħmlu dan, bilfors iridu jkunu jafu x’qed jiġri f’ħajtek.

Aħseb dwar dan: Kieku kont ġenitur​—li taf x’inhu għaddej fost iż-​żgħażagħ​—kont int tħalli lit-​tifel jew it-​tifla tiegħek tagħmel li trid mingħajr ma ssaqsiha xejn?

“Meta tkun żagħżugħ tħoss li l-​ġenituri qed ‘jinvadu l-​privatezza tiegħek.’ Imma issa li għandi 24 sena nifhem għala l-​ġenituri jagħmlu hekk. Huma jagħmlu dan għax iħobbuna.”​—James.