Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Jien perfezzjonist?

Jien perfezzjonist?

Jekk int

  • ma taċċettax li ġġib inqas minn A+ f’kull eżami jew test

  • tevita li tagħmel affarijiet ġodda għax tibżaʼ li ma jirnexxilekx

  • tieħu għalik meta xi ħadd jikkritikak fuq xi ħaġa

. . . , mela t-​tweġiba għal mistoqsija t’hawn fuq jaf tkun iva. Imma jagħmel differenza dan?

 X’hemm ħażin li tkun perfezzjonist?

M’hemm xejn ħażin f’li tipprova tagħti l-​aħjar tiegħek. Imma, “hemm differenza kbira bejn li tipprova tagħmel l-​affarijiet bl-​aħjar mod li tistaʼ u li tipprova tagħmilhom b’mod perfett,” jgħid il-​ktieb Perfectionism​—What’s Bad About Being Too Good? Iżid jgħid: “Li tkun perfezzjonist jistaʼ jitfaʼ pressjoni żejda fuqek, għax ngħiduha kif inhi, ħadd mhu perfett.”

Il-​Bibbja taqbel maʼ dan. Hi tgħid: “M’hemm l-​ebda bniedem ġust fuq l-​art li dejjem jagħmel it-​tajjeb.” (Ekkleżjasti 7:20) Minħabba li int imperfett, l-​affarijiet mhux dejjem se jmorru daqstant tajjeb kif tkun xtaqt int.

Issibha diffiċli biex taċċettaha din? Jekk iva, ikkunsidra dawn l-​erbaʼ punti kif li tkun perfezzjonist jistaʼ jeffettwak—u mhux għall-​aħjar.

  1. Kif int tqis lilek innifsek. Persuni perfezzjonisti jagħmlu livelli mhux raġunevoli għalihom infushom, li ħafna drabi jwassal għal diżappunt. “Ir-​realtà hi li qatt ma nistgħu nkunu tajbin f’kollox, u jekk se noqogħdu nwaqqgħu lilna nfusna għax l-​affarijiet ma nagħmluhomx b’mod perfett, se nispiċċaw inħossuna li m’aħna kapaċi għal xejn. U dan jistaʼ jwassal għal diżappunt kbir.”—Alicia, 25 sena.

  2. Kif int tqis pariri li jistgħu jgħinuk. Il-​perfezzjonisti għandhom it-​tendenza li meta xi ħadd jagħtihom kritika tajba li tistaʼ tgħinhom, jaħsbu li dan hu attakk personali. “Meta xi ħadd jikkoreġini, veru nħossni mdejjaq,” jgħid ġuvni jismu Jeremy, li għandu 24 sena. Hu jkompli jgħid: “Li tkun perfezzjonist jistaʼ jżommok milli tammetti l-​limitazzjonijiet tiegħek u milli taċċetta li għandek bżonn l-​għajnuna.”

  3. Kif int tqis lil oħrajn. Min hu perfezzjonist spiss jikkritika lil oħrajn, u faċli tifhem għala jagħmel hekk. “Meta tippretendi l-​perfezzjoni minnek innifsek, awtomatikament, int se tistenna li kulħadd ikun bħalek,” tgħid Anna, li għandha 18-​il sena. “Meta n-​nies ma jagħmlux l-​affarijiet kif kieku tagħmilhom int, se tispiċċa tħossok il-​ħin kollu diżappuntat.”

  4. Kif oħrajn iqisu lilek. Jekk int dejjem tistenna li kulħadd jilħaq il-​livell tiegħek, tiħodhiex bi kbira jekk in-​nies jibdew jevitawk! “Li tipprova togħġob lil xi ħadd li dejjem irid kollox eżatt, jgħejjik,” tgħid Beth, li għandha 29 sena. “Ħadd ma jrid jagħmilha maʼ xi ħadd bħal dan!”

 X’tistaʼ tagħmel?

Il-​Bibbja tgħid: “Ħa jkun jaf kulħadd kemm intom raġunevoli.” (Filippin 4:5) Nies raġunevoli huma nies ibbilanċjati f’dak li jistennew minn ħaddieħor u minnhom nfushom.

“Il-​ħajja kif inhi diġà mimlija stress. Għala titfaʼ pressjoni żejda fuqek innifsek billi tkun perfezzjonist? Dan jaf ikun wisq għalik!”—Nyla, 19-​il sena.

Il-​Bibbja tgħid: ‘Kun modest fil-​mixi tiegħek m’Alla!’ (Mikea 6:8) Persuni modesti jagħrfu x’inhuma l-​limitazzjonijiet tagħhom. Huma ma jagħmlux iktar milli jifilħu; lanqas ma jqattgħu iktar ħin fuq xi ħaġa milli jistgħu.

“Jekk irrid li nħoss li r-​responsabbiltajiet tiegħi qed nieħu ħsiebhom sew, ma nistax nagħmel iktar milli niflaħ. Hemm limitu taʼ kemm nistaʼ nagħmel.”—Hailey, 23 sena.

Il-​Bibbja tgħid: “Kulma idek issib x’tagħmel, agħmlu bil-​qawwa tiegħek kollha.” (Ekkleżjasti 9:10) Allura, is-​soluzzjoni biex ma tkunx perfezzjonist mhix li titgħażżen; imma li taħdem iebes flimkien maʼ li turi l-​kwalitajiet li ssemmew hawn fuq—li tkun raġunevoli u modest.

“Jien nipprova nagħmel xogħli bl-​aħjar mod li nistaʼ. Naf li dak li nagħmel qatt ma jistaʼ jkun perfett, imma li naf li għamilt l-​aħjar tiegħi jagħmilni ferħan.”—Joshua, 25 sena.