Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

IŻ⁠-⁠ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Il⁠-⁠Bibbja kif tistaʼ tgħinni?​—⁠It⁠-⁠2 parti: Kif tieħu pjaċir taqra l⁠-⁠Bibbja

Il⁠-⁠Bibbja kif tistaʼ tgħinni?​—⁠It⁠-⁠2 parti: Kif tieħu pjaċir taqra l⁠-⁠Bibbja

“Il⁠-⁠Bibbja tistaʼ tidher li mhix interessanti jekk ma tkunx taf kif għandek taqraha,” jgħid żagħżugħ jismu Will.

Jekk tixtieq tkun taf is⁠-⁠sigriet taʼ kif tieħu pjaċir taqra l⁠-⁠Bibbja, dan l⁠-⁠artiklu jistaʼ jgħinek.

 Idħol fir⁠-⁠rakkont

Involvi ruħek f’dak li taqra. Tistaʼ tipprova dan li ġej:

  1. Agħżel rakkont tal⁠-⁠Bibbja li tixtieq tistudja fuqu. Tistaʼ tagħżel ġrajja fil⁠-⁠Bibbja jew parti minn Evanġelju, jew tistaʼ tagħżel rakkont mill⁠-⁠qari drammatiku mill⁠-⁠Bibbja minn fuq jw.org/mt.

  2. Aqra r⁠-⁠rakkont. Tistaʼ taqrah waħdek, jew inkella taqrah b’leħen għoli mal⁠-⁠ħbieb jew mal⁠-⁠familja. Xi ħadd jistaʼ jaqra l⁠-⁠parti tan⁠-⁠narratur u l⁠-⁠oħrajn ikollhom l⁠-⁠irwol taʼ karattri oħra.

  3. Ipprova xi suġġerimenti minn dawn:

    • Penġi stampi biex tkun tistaʼ timmaġina r⁠-⁠rakkont. Jew penġi stampi sempliċi mir⁠-⁠rakkont li juru kif ġraw l⁠-⁠affarijiet wara xulxin. Ħdejn kull stampa, ikteb deskrizzjoni żgħira taʼ x’qed jiġri.

    • Penġi diagrams. Pereżempju, waqt li taqra dwar karattru leali, ikteb kwalità li kellu, imbagħad oħroġ il⁠-⁠barkiet li rċieva minħabba li wera din il⁠-⁠kwalità.

    • Immaġina li int ġurnalist li qed tikteb dwar ir⁠-⁠rakkont. Iddeskrivi dak li ġara fir⁠-⁠rakkont minn lenti differenti, u immaġina li qed tintervista l⁠-⁠karattri prinċipali u dawk li kienu preżenti fil⁠-⁠ġrajja.

    • Jekk wieħed mill⁠-⁠karattri fir⁠-⁠rakkont ħa deċiżjoni ħażina, immaġina kif kienu jmorru l⁠-⁠affarijiet kieku aġixxa mod ieħor. Pereżempju, ikkunsidra meta Pietru ċaħad lil Ġesù. (Marku 14:66⁠-⁠72) Pietru kif setaʼ aġixxa aħjar f’din is⁠-⁠sitwazzjoni diffiċli?

    • Jekk tħobb tkun iktar kreattiv, ipprova ikteb drama fuq ir⁠-⁠rakkont tal⁠-⁠Bibbja. Inkludi l⁠-⁠lezzjonijiet li jistgħu joħorġu mir⁠-⁠rakkont.—⁠Rumani 15:4.

      Int tistaʼ tagħmel il⁠-⁠qari tal⁠-⁠Bibbja reali!

 Fittex fil⁠-⁠fond!

Jekk teżamina d⁠-⁠dettalji tar⁠-⁠rakkont, se tkun tistaʼ tiskopri l⁠-⁠ġawhar moħbi li fih. Xi drabi, kelma waħda f’rakkont tal⁠-⁠Bibbja tistaʼ tkun importanti ħafna.

Pereżempju, qabbel Mattew 28:7 maʼ Marku 16:7.

  •  Marku għala semma d⁠-⁠dettall li Ġesù kien dalwaqt se jidher lid⁠-⁠dixxipli u “lil Pietru”?

  • Ħjiel: Marku ma kienx preżenti f’dawn il⁠-⁠ġrajjiet; milli jidher, hu ġab din l⁠-⁠informazzjoni mingħand Pietru.

  • Il⁠-⁠ġawhra moħbija: Pietru għala setaʼ ħassu inkuraġġit meta semaʼ li Ġesù ried jerġaʼ jarah? (Marku 14:66⁠-⁠72) Ġesù kif wera li hu ħabib veru taʼ Pietru? Kif tistaʼ timita lil Ġesù u tkun ħabib veru għal oħrajn?

Meta tidħol f’rakkont u tfittex fil⁠-⁠fond dwar id⁠-⁠dettalji, se tieħu iktar pjaċir taqra l⁠-⁠Bibbja.