Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

IŻ-​ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Huwa daqshekk ħażin li tidgħi?

Huwa daqshekk ħażin li tidgħi?

“Tant imdorri nismaʼ d-​dagħa li m’għadnix niħodha bi kbira meta nisimgħu. Għalija sar xi ħaġa normali.”​—Christopher, 17-​il sena.

“Meta kont iżgħar, tgħidx kemm kont nidgħi. Kien faċli ħafna li naqbad dan il-​vizzju imma diffiċli ħafna biex naqtgħu.”​—Rebecca, 19-​il sena.

 Kwizz

  • Int kif tiġi effettwat meta tismaʼ lil oħrajn jidgħu?

    • Lanqas biss ninduna—għalija xi ħaġa normali.

    • Idejjaqni xi ftit—imma naċċettah.

    • Idejjaqni ħafna—ma nistax nidrah.

  • Int kemm-​il darba tidgħi?

    • Qatt

    • Kultant

    • Spiss

  • Fl-​opinjoni tiegħek, hija importanti l-​kwistjoni tad-​dagħa?

    • Iva

    • Le

 Għala hu importanti

Tqis int id-​dagħa bħala kwistjoni serja? ‘Mhux daqshekk,’ għandek mnejn twieġeb. ‘Fuq kollox, fid-​dinja hemm problemi akbar biex tinkwieta dwarhom. Barra minn hekk, kulħadd jidgħi! Huwa minnu dan?

Forsi ssibha diffiċli biex temmen, imma hemm ħafna nies li jżommu lura milli jużaw kliem ħażin. U huma għandhom raġunijiet tajbin biex ma jidgħux li oħrajn ma ħasbux dwarhom. Pereżempju:

  • Id-​dagħa mhuwiex sempliċi kwistjoni taʼ kliem. Il-​kliem tiegħek jikxef ħafna dwarek. Mela, meta tgħid kliem ħażin tistaʼ tkun qed turi li int ma jimpurtakx mis-​sentimenti t’oħrajn. Int tassew persuna bħal din?

    Il-​Bibbja tgħid: “Dak li joħroġ mill-​fomm jiġi mill-​qalb.”—Mattew 15:18.

    Il-kliem ħażin iniġġes. Allura għala tesponi lil oħrajn—jew lilek innifsek—għalih?

  • Id-​dagħa jistaʼ jġiegħel lil oħrajn iħarsu lejk b’mod negattiv. Il-​ktieb Cuss Control jgħid: “Il-​mod kif nitkellmu jistaʼ jeffettwa min ikunu l-​ħbieb tagħna, kemm se jkollna rispett mill-​familja tagħna u minn sħabna tax-​xogħol, x’tip taʼ relazzjonijiet ikollna, kemm oħrajn se jistmaw dak li ngħidu, jekk nintgħażlux għax-​xogħol jew promozzjoni, u kif iqisuna dawk li ma tantx jafuna.” Jgħid ukoll: “Staqsi lilek innifsek jekk ir-​relazzjonijiet tiegħek jistgħux, forsi, ikunu saħansitra aħjar jekk int ma tidgħix.”

    Il-​Bibbja tgħid: ‘Warrbu t-​tgħajjir.’—Efesin 4:31.

  • Meta tidgħi ma tkunx qed turi li int xi ħaġa bħalma forsi taħseb. Fil-​ktieb tiegħu How Rude! Dr. Alex Packer jgħid: “Tiddejjaq tismaʼ lin-​nies li l-​ħin kollu jidgħu.” Hu jżid jgħid li vokabolarju mimli kliem ħażin “ma tantx jagħti wisaʼ għal dehen, għarfien, intelliġenza, jew empatija. Jekk kliemek ikun bla ħsieb u mhux ċar, se jeffettwa kif jaħdem moħħok.”

    Il-​Bibbja tgħid: “Ħa ma toħroġ minn fommkom ebda kelma mħassra.”—Efesin 4:29.

 Dak li tistaʼ tagħmel

  • Agħmel mira. Għala ma tipprovax tieqaf titkellem ħażin f’xahar jew inqas? Tistaʼ tieħu nota tal-​progress tiegħek fuq xi ċart jew kalendarju. Imma biex tibqaʼ żżomm mal-​mira tiegħek, jaf ikollok bżonn tieħu xi passi oħra. Pereżempju:

  • Evita divertiment li jimla lil moħħok bi kliem ħażin. Il-​Bibbja tgħid: “Kumpanija ħażina tħassar id-​drawwiet siewja [jew, il-​morali tajbin].” (1 Korintin 15:33) Il-​“kumpanija” ma tinkludix biss lin-​nies li tagħmilha magħhom imma anki d-​divertiment—il-​films li tara, il-​logħob li tilgħab, u d-​diski li tismaʼ. Kenneth li għandu 17-​il sena jgħid: “Huwa faċli li tkanta maʼ diska li togħġbok mingħajr ma tagħti kas li fiha d-​dagħa sempliċement għax għandha daqqa tajba.”

  • Uri li int matur. Xi żgħażagħ jitkellmu ħażin għax jaħsbu li b’hekk jidhru akbar. Fil-​fatt, huwa bil-​kontra. Il-​Bibbja tgħid li nies maturi “għandhom is-​sensi tagħhom imħarrġin biex jagħrfu jagħżlu kemm it-​tajjeb u kemm il-​ħażin.” (Ebrej 5:14) Huma ma jbaxxux il-​livelli tagħhom sempliċement biex “jimpressjonaw” lil oħrajn.

Fir-​realtà, il-​kliem ħażin iniġġes il-​moħħ (u l-​arja) bi ħsibijiet mhux xierqa. Diġà hawn ħafna minnhom f’din id-​dinja! “Tkomplix iżżid mal-​ħmieġ,” jgħid il-​ktieb Cuss Control. Jekk tagħti s-​sehem tiegħek billi ma tgħidx kliem ħażin, se tħossok aħjar int u anki oħrajn se jkollhom ħarsa aħjar tiegħek.