‘Jiġġieldu imma jħobbu lil xulxin’

Ħafna jgħidu li l-​aħwa ‘jiġġieldu imma jħobbu lil xulxin.’ Int tħobbhom, u huma jħobbuk​—imma xi kultant ma tkunux tistgħu taqblu. “Ħija li hu iżgħar minni jħobb jiffittani. Hu jaf eżatt x’għandu jgħid jew jagħmel biex iqabbiżhieli!” tgħid Helena li għandha 18-​il sena.

Xi argumenti bejn l-​aħwa jistgħu jissolvew bi ftit komunikazzjoni u billi jipprovaw jaslu għal ftehim. Pereżempju:

  • Żewġ aħwa subien li jużaw l-​istess kamra għandhom mnejn jargumentaw fuq il-​privatezza taʼ xulxin. X’jistgħu jagħmlu? Jitgħallmu jċedu u jagħtu lil xulxin l-​ispazju li jkollhom bżonn. Japplikaw il-​prinċipju Bibliku li nsibu f’​Luqa 6:​31.

  • Żewġ aħwa bniet għandhom mnejn “jissellfu” l-​ħwejjeġ taʼ xulxin mingħajr ma jistaqsu. X’għandhom jagħmlu? Jiddiskutuha u jiftiehmu bejniethom. Japplikaw il-​prinċipju Bibliku li nsibu fit-​2 Timotju 2:​24.

Xi kultant, il-​problemi bejn l-​aħwa jkunu iktar serji u jistaʼ jkollhom konsegwenzi gravi. Ikkunsidra żewġ eżempji mill-​Bibbja:

  • Mirjam u Aron bdew jgħiru għal ħuhom Mosè. Dan wassal għal riżultati traġiċi. Aqra r-​rakkont taʼ Numri 12:​1-​15. Imbagħad staqsi lilek innifsek: ‘Kif nistaʼ nevita li ngħir għal ħija jew oħti?’

  • Ir-​rabja taʼ Kajjin kibret sal-​punt li spiċċa qatel lil ħuh Abel. Aqra r-​rakkont taʼ Ġenesi 4:​1-​12. Imbagħad staqsi lilek innifsek: ‘Meta jqumu ċerti sitwazzjonijiet bejni u bejn ħija jew oħti, kif nistaʼ nikkontrolla r-​rabja tiegħi?’

 Żewġ raġunijiet għala għandek tagħmel paċi

Ikun kemm ikun diffiċli biex taqbel ma’ ħutek, hemm minn tal-​inqas żewġ raġunijiet għala għandek tagħmel dan l-​isforz.

  1. Turi li qed timmatura. “Qabel, malajr kienet taqbiżli ma’ ħuti l-​bniet iżgħar minni,” jgħid żagħżugħ jismu Alex. “Issa sirt iktar paċenzjuż u kalm magħhom. Tistaʼ tgħid li qed nimmatura.”

    Il-​Bibbja tgħid: “Min idum biex jirrabja għandu ħafna dixxerniment, imma min hu bla paċenzja qed jeżalta l-​bluha.”—Proverbji 14:29.

  2. Dan hu trejning tajjeb għall-​futur. Jekk ma tistax tittollera l-​imperfezzjonijiet taʼ ħutek issa, ’il quddiem kif ħa tkun tistaʼ tittratta mar-​raġel jew mal-​mara tiegħek, mal-​kollegi, mal-​imgħallem, jew ma’ kwalunkwe persuna oħra?

    Ir-​realtà: Jirnexxux jew le r-​relazzjonijiet tiegħek fil-​futur jiddependi minn kemm se tkun kapaċi tiftiehem u tikkomunika, u m’hemmx post aħjar mill-​familja fejn int tistaʼ titgħallem tagħmel dan.

    Il-​Bibbja tgħid: “Sakemm jiddependi minnkom, żommu l-​paċi.”—Rumani 12:18.

Tixtieq għajnuna biex tirranġa l-​problemi maʼ ħuk jew oħtok? Aqra “Dak li jgħidu dawk tamparek,” u mbagħad ara l-​eżerċizzju, “Kif tistaʼ taqbel iktar ma’ ħutek.”