Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

IŻ-​ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Il-ħolqien jew l-evoluzzjoni?—Ir-4 parti: Kif nistaʼ nispjega t-twemmin tiegħi fil-ħolqien?

Il-ħolqien jew l-evoluzzjoni?—Ir-4 parti: Kif nistaʼ nispjega t-twemmin tiegħi fil-ħolqien?

Int temmen fil-​ħolqien, imma żżomm ftit lura milli tgħid dan bil-​miftuħ l-​iskola. Forsi l-​kotba tal-​iskola tiegħek jappoġġaw l-​evoluzzjoni u int tinkwieta li l-​għalliema u sħabek tal-​klassi għandhom mnejn iwaqqgħuk għaċ-​ċajt. Kif tistaʼ titkellem b’kunfidenza u tispjega t-​twemmin tiegħek fil-​ħolqien?

 Taqtax qalbek!

Għandek mnejn taħseb: ‘Jien m’iniex bravu biżżejjed biex niddiskuti x-​xjenza u l-​evoluzzjoni.’ Kien hemm żmien meta Danielle hekk kienet tħossha. Hi tgħid, “Ma kontx inħossni komda mmieri lill-​għalliem u lil sħabi tal-​klassi.” Diana taqbel, “Jien kont nitħawwad meta kienu jargumentaw billi jużaw frażijiet xjentifiċi.”

Però, il-​mira tiegħek mhijiex li tirbaħ l-​argumenti. U tistaʼ sserraħ moħħok għax m’għandekx għalfejn tkun xi ġenju fix-​xjenza biex tispjega għala int temmen li l-​ħolqien hu spjegazzjoni raġunevoli għad-​dinja naturali.

Suġġeriment: Uża r-​raġunar sempliċi li hemm fil-​Bibbja f’​Ebrej 3:4: “Kull dar tinbena minn xi ħadd, imma dak li bena kollox hu Alla.”

Żagħżugħa jisimha Carol irraġunat b’dan il-​mod fuq il-​prinċipju li hemm f’​Ebrej 3:4: “Immaġina li qiegħed miexi ġo foresta kbira u tħares fejn tħares ma tara lil ħadd. Imbagħad tħares ’l isfel u tara toothpick mal-​art. Xi tkun il-​konklużjoni tiegħek? Ħafna nies kieku jgħidu, ‘Kien hawn xi ħadd ieħor hawnhekk.’ Jekk xi ħaġa daqstant żgħira u insinifikanti bħal toothpick hi evidenza taʼ ħajja intelliġenti, mela kemm iktar l-​univers u kulma fih!”

Jekk xi ħadd jgħid: “Jekk il-​ħolqien hu minnu, allura min ħalaq il-​Ħallieq?”

Int tistaʼ twieġeb: “Il-​fatt li ma nifhmux kollox dwar il-​Ħallieq ma jfissirx li ma jeżistix. Pereżempju, jistaʼ jagħti l-​każ li int ma taf xejn dwar il-​persuna li ddisinjat il-​mowbajl tiegħek, però int xorta waħda temmen li ġie disinjat minn xi ħadd, hux hekk? [Agħti ċans għal tweġiba.] Hemm ħafna affarijiet li nistgħu nsiru nafu dwar il-​Ħallieq. Jekk tixtieq, nistaʼ nurik dak li tgħallimt dwaru.

 Kun lest

Il-​Bibbja tgħid li għandek tkun ‘lest li tiddefendi ruħek quddiem kulmin ikun irid raġuni għat-​tama li għandek, imma dan agħmlu bil-​ħlewwa u b’rispett profond.’ (1 Pietru 3:15) Għaldaqstant, oqgħod attent għal żewġ fatturi—dak li tgħid u l-​mod kif tgħidu.

  1. Dak li tgħid. Imħabbtek għal Alla hi importanti u tistaʼ tqanqlek titkellem. Imma mhuwiex biżżejjed li tgħid lil oħrajn kemm tħobb lil Alla biex tikkonvinċihom li Alla ħalaq l-​affarijiet kollha. Jaf ikun aħjar li tuża eżempji min-​natura biex turihom għala hu raġunevoli li temmen fil-​ħolqien.

  2. Il-​mod kif tgħidu. Kun kunfidenti, imma mhux pastaż jew arroganti. In-​nies x’aktarx li se jikkunsidraw il-​ħarsa tiegħek jekk titkellem bir-​rispett dwar it-​twemmin tagħhom u tirrikonoxxi d-​dritt li għandhom li jaslu għall-​konklużjonijiet tagħhom stess.

    “Jien naħseb li hu importanti li qatt ma titkellem b’mod li jinsulta lil dak li jkun jew bħallikieku tifhem f’kollox. Tagħmel iktar deni milli ġid jekk titkellem b’ton superjuri.”​—Elaine.

 Għodda biex tgħinek teżamina t-​twemmin tiegħek

Li tkun preparat biex tiddefendi t-twemmin tiegħek hu bħal meta tkun preparat għal tibdil fit-temp

Żagħżugħa jisimha Alicia tgħid, “Jekk ma nkunux preparati, ma nkunux irridu nitniffsu għax nibżgħu li naqgħu għaċ-​ċajt.” Bħalma ssemmi Alicia, il-​preparazzjoni hi importanti ħafna biex nirnexxu. Jenna tgħid, “Inħossni iktar komda niddiskuti l-​ħolqien meta f’moħħi jkolli eżempju sempliċi imma maħsub sew biex jappoġġa t-​twemmin tiegħi.”

Fejn tistaʼ ssib dawn l-​eżempji? Ħafna żgħażagħ kellhom suċċess billi użaw il-​materjal li ġej:

  • Was Life Created?

  • The Origin of Life​—Five Questions Worth Asking

  • The Wonders of Creation Reveal God’s Glory (vidjow)

  • Is-​serje “Ġie disinjat?” jew “Ġiet disinjata?” fir-​rivista Stenbaħ! (Idħol fil-​LIBRERIJA ONLAJN u fil-​kaxxa fejn tfittex ikteb il-​frażi “ġie disinjat” jew “ġiet disinjata” [inkluż “”]).

  • Uża l-​LIBRERIJA ONLAJN biex tagħmel iktar riċerka.

Jistaʼ jkun t’għajnuna wkoll li tirrivedi l-​artikli li diġà ħarġu f’din is-​serje, “Il-​ħolqien jew l-​evoluzzjoni?”

  1. L-​1 parti: Għala għandek temmen f’Alla?

  2. It-​2 parti: Għala għandek tiddubita l-​evoluzzjoni?

  3. It-​3 parti: Għala għandek temmen fil-​ħolqien?

Suġġeriment: Agħżel eżempji li jikkonvinċu lilek. B’hekk, ikun iktar faċli biex tiftakarhom, u se tkun tistaʼ titkellem dwarhom b’konvinzjoni. Ipprova pprattika kif se tispjega t-​twemmin tiegħek.