“Jekk temmen fil-ħolqien, in-nies għandhom mnejn jaħsbu li int iblah, li int marbut wisq maʼ dak li għallmuk il-ġenituri meta kont żgħir, jew li r-reliġjon ħawditlek moħħok.”—Jeanette.

Tħossok int bħal Jeanette? Jekk inhu hekk, għandek mnejn tibda tiddubita mit-twemmin tiegħek fil-ħolqien. Wara kollox, ħadd ma jieħu pjaċir jiġi meqjus bħala injorant. X’jistaʼ jkun t’għajnuna?

 Oġġezzjonijiet għat-twemmin fil-ħolqien

1. Jekk temmen fil-ħolqien, in-nies se jaħsbu li int kontra x-xjenza.

“L-għalliema tiegħi qalet li n-nies li jemmnu fil-ħolqien jagħmlu dan għax huma għażżenin wisq biex jagħtu spjegazzjoni dwar kif taħdem id-dinja.”—Maria.

Dak li għandek tkun taf: Dawk li jagħmlu stqarrijiet bħal dawn mhumiex konxji tal-fatti. Xjentisti famużi bħal Galileo u Isaac Newton kienu jemmnu f’Ħallieq. It-twemmin tagħhom ma kienx imur kontra l-imħabba tagħhom għax-xjenza. Bl-istess mod, xi xjentisti llum ma jaraw l-ebda konflitt bejn ix-xjenza u t-twemmin fil-ħolqien.

Ipprova dan: Idħol fil-LIBRERIJA ONLAJN u kklikkja fuq PUBBLIKAZZJONIJIET > Gwida għall-Pubblikazzjonijiet > Suġġetti > Xjenza u Teknoloġija. Fittex taħt is-sottitlu “Twemmin f’Ħallieq” għal eżempji taʼ wħud li jaħdmu fil-qasam tal-mediċina u x-xjenza u li jemmnu fil-ħolqien. Ara x’għenhom jaslu għal din il-konklużjoni.

Il-konklużjoni: Li temmen fil-ħolqien ma jfissirx li int kontra x-xjenza. Anzi, iktar ma titgħallem dwar id-dinja u n-natura iktar se ssaħħaħ it-twemmin tiegħek fil-ħolqien.—Rumani 1:20.

2. Jekk temmen fir-rakkont tal-Bibbja dwar il-ħolqien, in-nies se jaħsbu li int fanatiku reliġjuż.

“Ħafna nies jaħsbu li hi ħmerija li temmen fil-ħolqien. Huma jħossu li r-rakkont tal-Ġenesi hu sempliċement storja.”—Jasmine.

Dak li għandek tkun taf: Spiss in-nies għandhom ideat żbaljati dwar ir-rakkont tal-ħolqien li hemm fil-Bibbja. Pereżempju, xi wħud isostnu li l-art m’ilhiex ħafna li nħolqot jew li l-ħajja ġiet maħluqa f’sitt ijiem taʼ 24 siegħa. Il-Bibbja ma tappoġġa l-ebda waħda minn dawn l-ideat.

  • Ġenesi 1:1 sempliċement jgħid: “Fil-bidu Alla ħalaq is-smewwiet u l-art.” Dan ma jmurx kontra l-evidenza xjentifika li l-art ilha teżisti biljuni taʼ snin.

  • Il-kelma “jum” kif tintuża fil-Ġenesi tistaʼ tirreferi għal perijodi twal taʼ żmien. Infatti, f’Ġenesi 2:4 (Il-Bibbja Mqaddsa, Karm Żammit) il-kelma “jum” tintuża biex tirreferi għas-sitt ijiem taʼ ħolqien.

Il-konklużjoni: Ir-rakkont tal-Bibbja dwar il-ħolqien hu fi qbil maʼ fatti xjentifiċi.

 Aħseb dwar it-twemmin tiegħek

Ma jridx ikollok “fidi għamja” biex temmen fil-ħolqien. Minflok, dan it-twemmin hu bbażat fuq raġunar sod. Ikkunsidra dan:

Kull ħaġa li tgħaddi minnha fil-ħajja tgħallmek li fejn hemm disinn, hemm disinjatur. Meta tara kamera tar-ritratti, ajruplan, jew dar, b’mod xieraq tikkonkludi li kien hemm xi ħadd li ddisinjaha. Allura, meta tikkunsidra l-għajn tal-bniedem, għasfur fis-sema, jew il-pjaneta tagħna, ma jagħmilx sens li tasal għall-istess konklużjoni?

Aħseb dwar dan: L-inġinieri spiss jikkopjaw affarijiet li jaraw fin-natura sabiex ikunu jistgħu jtejbu l-invenzjonijiet tagħhom stess, u b’mod xieraq ikunu jridu li oħrajn jirrikonoxxu x-xogħol tagħhom. Allura x’taħseb, jagħmel sens li nirrikonoxxu l-bniedem li jivvinta xi ħaġa u x-xogħlijiet tiegħu imma min-naħa l-oħra ma nirrikonoxxux il-Ħallieq u d-disinji tiegħu li huma bil-wisq iktar superjuri?

Jagħmel sens li taħseb li ajruplan ġie disinjat imma għasfur le?

 Għodda biex tgħinek teżamina l-evidenza

Int tistaʼ tkun iktar konvint fit-twemmin tal-ħolqien billi teżamina bir-reqqa l-evidenza li hemm fin-natura.

Ipprova dan: Idħol fil-LIBRERIJA ONLAJN u fil-kaxxa fejn tfittex ikteb il-frażi “ġie disinjat” jew “ġiet disinjata” (inkluż “”). Agħżel xi titli li jinteressawk minn din is-serje fi Stenbaħ! F’kull artiklu sib x’hemm li jispikka fl-aspett tan-natura li ġie diskuss. Dan kif jikkonvinċik li hemm Disinjatur?

Ħaffer iktar fil-fond: Uża l-browxers li ġejjin biex tistudja l-evidenza tal-ħolqien iktar fid-dettall.

  • Was Life Created?

    • L-art qiegħda f’post eżatt u għandha dak kollu li teħtieġ biex issostni l-ħajja.—Ara paġni 4-10.

    • Fin-natura nsibu eżempji taʼ disinji.—Ara paġni 11-17.

    • Ir-rakkont tal-Bibbja dwar il-ħolqien fil-Ġenesi hu fi qbil max-xjenza.—Ara paġni 24-28.

  • The Origin of Life—Five Questions Worth Asking

    • Il-ħajja ma jistax ikun li bdiet waħedha minn affarijiet mhux ħajjin.—Ara paġni 4-7.

    • Ma jistax ikun li organiżmi ħajjin żviluppaw mix-xejn u waħedhom għax huma komplikati wisq.—Ara paġni 8-12.

    • It-teknoloġija moderna lanqas biss tibda maʼ kemm fiha informazzjoni d-DNA.—Ara paġni 13-21.

    • Il-ħajja kollha ma ġietx minn antenat wieħed. Ir-rekord tal-fossili juri li eżistew gruppi t’annimali differenti f’daqqa, u mhux li żviluppaw bil-mod il-mod.—Ara paġni 22-29.

“Hija n-natura li hemm fid-dinja li tikkonvinċini l-iktar li Alla jeżisti, mill-annimali li nsibu hawnhekk fuq l-art sal-univers u l-ordni li hemm fih.”—Thomas.