Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

IŻ-​ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Il-ħolqien jew l-evoluzzjoni?—L-1 parti: Għala għandek temmen f’Alla?

Il-ħolqien jew l-evoluzzjoni?—L-1 parti: Għala għandek temmen f’Alla?

 Il-​ħolqien jew l-​evoluzzjoni?

Temmen int li Alla ħalaq kollox? Jekk iva, m’intix waħdek; ħafna żgħażagħ (u adulti) jaħsbuha bħalek. Imma oħrajn jgħidu li l-​ħajja u l-​univers evolvew​—mingħajr l-​għajnuna taʼ “Esseri Suprem.”

Kont taf? Persuni miż-​żewġ naħat tal-​kwistjoni spiss ma joqogħdux jaħsbuha biex jgħidu dak li jemmnu mingħajr ma verament ikunu jafu għala jemmnu hekk.

  • Xi wħud jemmnu fil-​ħolqien sempliċement għax hekk ġew mgħallmin il-​knisja.

  • Ħafna nies jemmnu fl-​evoluzzjoni sempliċement għax hekk ġew mgħallmin l-​iskola.

Din is-​serje t’artikli se tgħinek issaħħaħ u tispjega t-​twemmin tiegħek fil-​ħolqien. Però, l-​ewwel għandek bżonn tistaqsi lilek innifsek mistoqsija saħansitra iktar bażika:

 Għala nemmen f’Alla?

Għala hi importanti din il-​mistoqsija? Għax il-​Bibbja tinkuraġġik biex tuża moħħok, ‘il-​qawwa tar-​raġuni tiegħek.’ (Rumani 12:1) Dan ifisser li t-​twemmin tiegħek f’Alla m’għandux ikun ibbażat sempliċement fuq

  • l-​emozzjoni (Sempliċement inħoss li bilfors li hemm xi qawwa iktar għolja)

  • l-​influwenza t’oħrajn (Jien ngħix f’komunità reliġjuża)

  • il-​pressjoni (Il-​ġenituri tiegħi rabbewni biex nemmen f’Alla​—inkella . . .)

Minflok, għandek tkun konvint personalment li Alla jeżisti u għandu jkollok raġunijiet validi għat-​twemmin tiegħek.

Mela, x’jikkonvinċi lilek li Alla jeżisti? L-​eżerċizzju “Għala nemmen f’Alla?” se jgħinek issaħħaħ il-​konvinzjoni tiegħek. Forsi ssibha t’għajnuna wkoll li tikkunsidra kif żgħażagħ oħrajn wieġbu din il-​mistoqsija.

“Meta nkun waqt il-​lezzjoni u nismaʼ l-​għalliema tispjega kif jaħdem ġisimna, ma jkolli ebda dubju f’moħħi li Alla jeżisti. Kull parti tal-​ġisem għandha x-​xogħol tagħha, sal-​iċken dettall, u dawn ix-​xogħlijiet spiss isiru mingħajr ma lanqas nindunaw. Il-​ġisem uman verament iġiblek għajnejk wara widnejk!”​—Teresa.

“Meta nara xi skajskrejper, vapur, jew karozza, nistaqsi lili nnifsi, ‘Dan xogħol min hu?’ Pereżempju, hemm bżonn taʼ nies intelliġenti biex jagħmlu karozza għax hemm ħafna biċċiet żgħar li jridu jaħdmu b’mod preċiż biex il-​karozza taħdem. U jekk il-​karozzi jeħtieġu jiġu disinjati minn xi ħadd, mela l-​istess aħna l-​bnedmin.”​—Richard.

“Meta tirrealizza li l-​iktar bnedmin intelliġenti damu mijiet taʼ snin biex jifhmu saħansitra l-​iżgħar frazzjoni tal-​univers, tinduna kemm ma jagħmilx sens li taħseb li ma kienx hemm bżonn Ħallieq intelliġenti biex jagħmel dan l-​univers!”​—Karen.

“Iktar ma studjajt ix-​xjenza, iktar stajt nara kemm l-​evoluzzjoni mhix kredibbli. Pereżempju, ħsibt dwar il-​preċiżjoni matematika fin-​natura u dwar kemm huma uniċi l-​bnedmin, inkluż il-​bżonn li nkunu nafu min aħna, minn fejn ġejna, u fejn sejrin. L-​evoluzzjoni tipprova tispjega dawn l-​affarijiet kollha bi kliem assoċjat mal-​annimali, imma qatt ma rnexxielha tispjega għala l-​bnedmin huma uniċi. Għalija, jirrikjedi iktar ‘fidi’ biex temmen fl-​evoluzzjoni milli biex temmen f’Ħallieq.”​—Anthony.

 Nispjega t-​twemmin tiegħi

Xi ngħidu jekk sħabek tal-​klassi jwaqqgħuk għaċ-​ċajt għax temmen f’xi ħaġa li ma tidhirx? Xi ngħidu jekk jgħidu li l-​evoluzzjoni “ġiet provata” mix-​xjenza?

L-​ewwel, kun fiduċjuż fit-​twemmin tiegħek. Tħossokx intimidat jew mistħi. (Rumani 1:16) Wara kollox, ftakar:

  1. M’intix waħdek; ħafna nies għadhom jemmnu f’Alla. Dan jinkludi nies intelliġenti ħafna u professjonali. Pereżempju, hemm xjentisti li jemmnu li Alla jeżisti.

  2. Meta n-​nies jgħidu li ma jemmnux f’Alla, kultant ikunu fil-​fatt qed jgħidu li huma ma jifhmux lil Alla. Minflok ma jsemmu xi evidenza li tappoġġa l-​ħarsa tagħhom, huma jqajmu mistoqsijiet bħal, “Jekk Alla jeżisti, għala jippermetti t-​tbatija?” Huma jbiddlu kwistjoni intellettwali f’waħda emozzjonali.

  3. Il-​bnedmin għandhom “bżonn spiritwali.” (Mattew 5:3) Dan jinkludi bżonn li nemmnu f’Alla. Allura jekk xi ħadd jgħid li m’hemmx Alla, dan l-​individwu​—u mhux int​—għandu r-​responsabbiltà li jispjega kif hu wasal għal konklużjoni bħal din.​—Rumani 1:18-​20.

  4. It-​twemmin f’Alla hu raġunevoli għall-​aħħar. Dan jaqbel mal-​fatt provat li l-​ħajja ma tistax tibda teżisti mix-​xejn. Ma teżisti l-​ebda evidenza li tappoġġa l-​idea li l-​ħajja tistaʼ spontanjament tiġi minn xi ħaġa li mhix ħajja.

Għalhekk, x’tistaʼ tgħid jekk xi ħadd iqajjem mistoqsijiet dwar it-​twemmin tiegħek f’Alla? Ikkunsidra ftit possibbiltajiet.

Jekk xi ħadd jgħid: “Huma biss nies bla edukazzjoni li jemmnu f’Alla.”

Int tistaʼ twieġeb: “Verament temmen din il-​ħarsa ġenerali? Jien ma nemminhiex. Infatti, fi stħarriġ li fih ħadu sehem iktar minn 1,600 professur tax-​xjenza minn ftit mill-​aqwa universitajiet, terz minnhom ma qalux li kienu atei jew anjostiċi. * Kieku jgħaddilek minn moħħok li dawn il-​professuri mhumiex intelliġenti sempliċement għax jemmnu f’Alla?”

Sors: Social Science Research Council, “Religion and Spirituality Among University Scientists,” minn Elaine Howard Ecklund, 5 taʼ Frar 2007.

Jekk xi ħadd jgħid: “Jekk Alla jeżisti, għala hawn daqstant tbatija fid-​dinja?”

Int tistaʼ twieġeb: “Forsi dak li trid tgħid hu li ma tifhimx kif Alla jaġixxi​—jew f’dan il-​każ, donnu ma jaġixxix. Sewwa qed ngħid? [Agħti ċans għal tweġiba.] Jien sibt tweġiba sodisfaċenti għall-​mistoqsija dwar għala hawn daqstant tbatija. Imma biex nifhmuha hemm bżonn li neżaminaw diversi skritturi mill-​Bibbja. Kieku tkun tixtieq titgħallem iktar?”

^ par. 32 L-​artiklu li jmiss f’din is-​serje se tiddiskuti għala t-​teorija tal-​evoluzzjoni ma tipprovdix spjegazzjoni sodisfaċenti għall-​eżistenza tagħna.