Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

IŻ-​ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Ħbiberija jew relazzjoni romantika?​—It-​2 parti: X’messaġġ qed inwassal?

Ħbiberija jew relazzjoni romantika?​—It-​2 parti: X’messaġġ qed inwassal?

Inti tħobb tkun t’għajnuna meta xi ħabib ikollu bżonn jitkellem. Imma dal-​aħħar qed titkellem maʼ wieħed minnhom iktar milli mal-​oħrajn. Il-​problema hi, li hu tas-​sess oppost. ‘Aħna ħbieb biss,’ tgħid lilek innifsek, u int qed tassumi li hu jħossu l-​istess lejk. Għandek titħasseb dwar dan?

 X’jistaʼ jiġri

Mhijiex xi ħaġa ħażina li jkollok ħbieb tas-​sess oppost. Imma xi ngħidu jekk int qed tiżviluppa ħbiberija speċjali maʼ xi ħadd minnhom? F’dal-​każ, hu jew hi taf taħseb li inti trid li tkunu iktar minn ħbieb biss.

Huwa dan il-​messaġġ li trid twassal? Ikkunsidra xi modi kif dan jistaʼ jiġri, avolja int lanqas biss tkun qed tinduna.

  • Tagħti wisq attenzjoni lil xi ħadd.

    “Għalkemm ma tistax tikkontrolla l-​emozzjonijiet taʼ xi ħadd ieħor, m’għandekx tgħid li intom ħbieb biss imbagħad toqgħod iċċempel u titkellem maʼ din il-​persuna l-​ħin kollu. Jekk tagħmel hekk tkun qisek qed titfaʼ l-​ħatab f’nar jaqbad.”​—Sierra.

  • Twieġeb għall-​attenzjoni li tingħata.

    “Mhux jien kont nibgħat l-​ewwel, imma dejjem wiġibt lura meta kienet tibgħatli din it-​tfajla. Imbagħad, kien diffiċli għalija biex nispjegalha li jien kont inqisha bħala ħabiba biss.”​—Richard.

  • Turi li qed tieħu pjaċir bl-​attenzjoni li qed tingħata.

    “Xi nies jaħsbu li hi logħba li tifflertja. Dawn jilagħbu bis-​sentimenti t’oħrajn meta huma ma jkollhomx ħsieb għal relazzjoni. Jien rajt dan jiġri spiss, u dejjem jispiċċa jweġġaʼ xi ħadd.”​—Tamara.

Ir-​realtà hi: Komunikazzjoni u attenzjoni regolari jagħtu lil dak li jkun x’jifhem li int għandek interess romantiku.

 Għala għandu jimpurtak?

  • Dan iweġġaʼ lil persuna l-​oħra.

    Il-​Bibbja tgħid: “L-​istennija mtawla qed tmarrad il-​qalb.” (Proverbji 13:12) Int x’tistenna li jiġri kieku xi ħadd jibqaʼ juri interess romantiku fik?

    “Hemm l-​espressjoni, ‘Tħallih imdendel.’ Dan jistaʼ jiġri meta inti ma tkunx lesta għal relazzjoni imma tħalli lil dak li jkun ‘imdendel’ billi ma tgħidlu xejn. Meta tagħmel hekk se ġġiegħlu jħossu mweġġaʼ ħafna.”​—Jessica.

  • Tagħmel ħsara lir-​reputazzjoni tiegħek.

    Il-​Bibbja tgħid: “Tfittxux l-​interessi persunali tagħkom biss, imma wkoll l-​interessi persunali taʼ l-​oħrajn.” (Filippin 2:4) Kif tiddeskrivi persuna li jimpurtaha biss minnha nfisha? Dan kif jistaʼ jeffettwa r-​reputazzjoni tagħha?

    “Ġuvni li jħobb jifflertja mat-​tfajliet ma jiġbidni xejn. U li wieħed joqgħod jifflertja tistaʼ tkun indikazzjoni li fiż-​żwieġ ħa jkun żleali. Dawn jifflertjaw biex iħossuhom tajjeb, u ma jimpurtahomx kif se jħossu ħaddieħor.”​—Julia.

Ir-​realtà hi: Nies li jagħtu x’jifhmu li għandhom interess romantiku meta m’għandhomx ħsieb għal relazzjoni, iweġġgħu lil oħrajn u lilhom infushom.

 X’tistaʼ tagħmel

  • Il-​Bibbja tgħid biex nittrattaw lill-​“irġiel żgħażagħ bħala aħwa” u lin-​“nisa żgħażagħ bħala aħwa bis-​safa kollu.” (1 Timotju 5:1, 2) Jekk tagħmel hekk, int se tipproteġi l-​ħbiberiji li għandek maʼ wħud tas-​sess oppost.

    “Kieku kont miżżewġa, ma kontx se noqgħod nifflertja maʼ raġel taʼ mara oħra. Allura, issa li għadni single, dan hu training tajjeb għalija biex nitgħallem kif għandi nġib ruħi maʼ xi ħadd tas-​sess oppost.”​—Leah.

  • Il-​Bibbja tgħid: “Fl-​abbundanza tal-​kliem, in-​nuqqasijiet ma jonqsux.” (Proverbji 10:19) Dan il-​prinċipju ma japplikax biss għal meta titkellem wiċċ imb wiċċ imma anke għal meta tibgħat messaġġi—dan jinkludi xi kliem tuża u kemm tikkomunika spiss.

    “M’għandekx għalfejn tibgħat lil tfajla kuljum jekk m’intix interessat li toħroġ magħha.”​—Brian.

  • Il-​Bibbja tgħid: “L-​għerf li ġej minn fuq hu l-​ewwelnett safi.” (Ġakbu 3:17) Tgħanniqa tistaʼ tingħata bla ħsieb taʼ xejn​—jew tistaʼ tagħti lil dak li jkun x’jifhem li għandek interess romantiku fih.

    “Jien nipprova li meta nkun qed nitkellem maʼ xi ħadd ma nagħtix kunfidenza żejda—la bil-​mod kif inġib ruħi u lanqas bil-​kliem.”​—Maria.

Ir-​realtà hi: Eżamina bir-​reqqa kif iġġib ruħek maʼ xi ħadd tas-​sess oppost. “Ħbiberija tajba mhux faċli ssibha u allura ma tridx li tagħmel xi ħaġa li biha tkissirha, billi twassal messaġġi mhux ċari,” tgħid żagħżugħa jisimha Jennifer.

 Suġġerimenti

  •  Oqgħod attent għall-​kummenti t’oħrajn. Jekk xi ħadd isaqsik, “Int u t-​talija qed toħorġu flimkien?” dan jistaʼ jindika li m’għadkomx tidhru bħala li intom ħbieb biss.

  •  Lill-​ħbieb tas-​sess oppost ittrattahom kollha l-​istess. Tagħtix attenzjoni speċjali lil xi ħadd minnhom iktar milli tagħti lill-​oħrajn.

  • Oqgħod attent meta tibgħat messaġġi​—dan jinkludi kemm spiss tibgħat, x’tibgħat, u f’liema ħin tibgħat. “M’għandekx għalfejn tibgħat lil xi ġuvni f’nofs il-​lejl,” tgħid tfajla jisimha Alyssa.