Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

IŻ⁠-⁠ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

X’nistaʼ nagħmel jekk ħabib iweġġagħni?

X’nistaʼ nagħmel jekk ħabib iweġġagħni?

 Dak li għandek tkun taf

  • Kull ħbiberija jkollha xi problemi. Peress li l⁠-⁠ħabib tiegħek huwa imperfett, forsi jagħmel jew jgħid xi ħaġa li tweġġgħek, anki jekk tqisu bħala l⁠-⁠ikbar ħabib tiegħek. Ovvjament, anki int imperfett. Allura, jekk tkun onest miegħek innifsek, tistaʼ tgħid li qatt ma nqast lil ħadd?—⁠Ġakbu 3:2.

  • Bl⁠-⁠internet jistaʼ jkun iktar faċli li tweġġaʼ. Pereżempju, żagħżugħ jismu David jgħid: “Meta tkun onlajn u tara r⁠-⁠ritratti taʼ ħabib li ġie mistieden xi mkien, forsi tibda taħseb għala ma stidnukx. Imbagħad tistaʼ tibda tħossok diżappuntat u mdejjaq.”

  • Tistaʼ titgħallem tiffaċċja l⁠-⁠problema.

 Dak li tistaʼ tagħmel

Eżamina lilek innifsek. Il⁠-⁠Bibbja tgħid: “Tgħaġġilx biex tieħu għalik, għax l⁠-⁠istupidi jieħdu għalihom u jżommu f’qalbhom.”—⁠Ekkleżjasti 7:9.

“Kultant, wara li tkun għaddiet il⁠-⁠kwistjoni, tirrealizza li tkun għamilthom bi kbar.”—⁠Alyssa.

Aħseb dwar dan: Għandek vizzju tkun sensittiv iżżejjed? Tistaʼ int titgħallem taċċetta iktar l⁠-⁠imperfezzjonijiet t’oħrajn?—⁠Ekkleżjasti 7:21, 22.

Ftakar fil⁠-⁠benefiċċji li jiġu milli taħfer. Il⁠-⁠Bibbja tgħid: ‘Hija ħaġa sabiħa li tħalli nuqqas għaddej.’—⁠Proverbji 19:11.

“Anki jekk tħoss li għandek raġun, hu tajjeb li taħfer mill⁠-⁠qalb. Dan ifisser li ma terġax tfakkar l⁠-⁠iżball lil din il⁠-⁠persuna u ġġegħelha terġaʼ tiskuża ruħha. Jekk ħfirt, terġax issemmi l⁠-⁠iżball.”—⁠Mallory.

Aħseb dwar dan: Hi din is⁠-⁠sitwazzjoni importanti daqshekk? Tistaʼ int taħfer biex iżżomm il⁠-⁠paċi?—⁠Kolossin 3:13.

Li tibqaʼ ssemmi kull problema fi ħbiberija hu bħal li ddaħħal arja kiesħa f’kamra sħuna billi kontinwament tiftaħ u tagħlaq il⁠-⁠bieb għalxejn

Aħseb ukoll fil⁠-⁠persuna l⁠-⁠oħra. Il⁠-⁠Bibbja tgħid: “Tfittxux l⁠-⁠interessi persunali tagħkom biss, imma wkoll l⁠-⁠interessi persunali taʼ l⁠-⁠oħrajn.”—⁠Filippin 2:4.

“Meta fi ħbiberija jkun hemm l⁠-⁠imħabba u r⁠-⁠rispett, ikollok raġuni tajba biex issolvi l⁠-⁠problemi malajr għax ma tkunx tixtieq titlef dak kollu li bnejt.”—⁠Nicole.

Aħseb dwar dan: Tistaʼ almenu tipprova tara jekk il⁠-⁠persuna l⁠-⁠oħra għandhiex xi ftit raġun?—⁠Filippin 2:3.

L⁠-⁠iktar ħaġa importanti: Li tkun taf kif tikkontrolla s⁠-⁠sentimenti tiegħek meta tħossok imweġġgħa hi abbiltà li se tgħinek ħafna meta tikber. Għala ma titgħallimx tagħmel dan minn issa?